MediaToday

Jiktbu l-kandidati | 05 ta’ April 2009 Nr 126

Maria Camilleri - PL

Fil-kampanja tiegħi għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew iddeċidejt li nżur numru ta’ ċittadini fid-djar tagħhom. B’hekk inkun f’pożizzjoni aħjar li nifhem sew fejn qed iħabbat il-polz tal-poplu u x’inhuma l-aktar affarijiet li qed jippreokkupaw lill-familji tagħna. Nieħu gost nisma’ u niddiskuti numru ta’ suġġerimenti u proposti ta’ kif nistgħu niffaċċjaw l-isfidi li għandna quddiemna.
L-anzjani huma fost l-aktar li jidhru mħassba u nkwetati. Ħafna minnhom jilmentaw li mhux talli mhix isservihom il-pensjoni, imma talli xi minn daqqiet ikollhom joħorġu l-flus minn ġewwa. Din hija xi ħaġa inaċċettabli, aktar u aktar meta tqis li dawn iċ-ċittadini jkunu ilhom ħajjithom kollha jħallsu t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali kollha.
Filwaqt li l-anzjanità hija grazzja minn Alla, din iġġib magħha wkoll numru ta’ diffikultajiet. Ir-realtà hi li l-anzjanità ġġib magħha spejjeż li ma jkollokx kontroll fuqhom bħal ngħidu aħna l-użu tal-mediċini. Minkejja li l-ispiżeriji tal-Gvern joffru l-mediċini bla ħlas, ġieli ssib li mediċini partikolari (ħafna drabi dawk li jkunu jiswew ħafna flus) ma jġibhomx il-Gvern, u allura ma jkun hemm l-ebda għażla oħra ħlief li l-anzjani jkollhom jixtru l-mediċini huma stess minn spiżeriji privati.
Jitkellmu wkoll fuq il-kwalità tal-mediċini. Mhux l-ewwel darba li l-kwalità li jġib il-Gvern tkun waħda inferjuri u allura ssib tobba li jinsistu li tinxtara l-mediċina mill-privat. Dan kollu qed iwassalna biex tinħoloq sitwazzjoni fejn ħafna anzjani ma jkunux jifilħu jixtru l-mediċina u l-uniku għażla li jkollhom hi li jduru fuq uliedhom biex jgħinuhom finanzjarjament.
Ħafna drabi uliedhom ikunu bil-familji u allura l-piż ikun aktar mid-doppju. Din hija r-realtà. Fejn qabel il-ġenituri kienu jwieżnu u jieħdu ħsieb uliedhom u ulied uliedhom, issa ġejna f’sitwazzjoni fejn l-ulied iridu jagħmlu tajjeb għall-bżonnijiet finanzjarji tal-ġenituri tagħhom. B’hekk m’hemm xejn ħażin. Imma nemmen li l-ewwel dmir fejn tidħol l-għajnuna finanzjarja għandha tkun tal-Istat!
Lil hinn mill-mediċini, hemm l-għoli tal-ħajja. Din hija xi ħaġa li qed tolqot lill-kulħadd. Tkellimt ma’ nies li ġejjin mill-faxxa tan-nofs (middle class) u huma wkoll stqarrew miegħi li qed isibuha diffiċli li jgħixu b’ċerta kumdità. Meta tisma’ hekk bilfors li taħseb f’dawk li qegħdin jgħixu fil-faxxa ta’ isfel, fin-nies li qed jitilfu l-impjieg tagħhom, fil-ħaddiema li qed ifittxu mpjieg sekondarju għax id-dħul primarju mhux iservihom, fil-persuni bi bżonnijiet speċjali u wkoll fl-anzjani tagħna.
Dan kollu qed iwassalna biex nifhmu li anke l-anzjani qed isibuha diffiċli li jkampaw fil-ħajja tal-lum. Stħarriġ li sar mill-Unjoni Ewropea stess qed jindika li f’Malta hawn madwar 30% tal-anzjani li qegħdin f’riskju li jaqgħu fil-faqar. Din m’għandhiex tkun għax l-anzjani tagħna, bħal kull ċittadin ieħor, jeħtieġ li jgħixu f’dinjità, f’paċi u f’serħan il-moħħ.

 

Intervista
Mill-palk għal fuq l-altar

Julia Farrugia tintervista lil Stephen Galea, il-kantant ta’ “Il-Merill Twitt Twitt”




Wenzu Mintoff
Il-kotra qamet f’daqqa



Carmelo M. Bonnici
Populiżmu sproporzjonat



Joe Ellis
Il-presidenza u r-rwol li ġġorr magħha



Emmanuel Micallef
Kunsilli ġodda?



Toni Abela
Min huma dawn l-esperti?


Il-Punt - Catherine Fleri Soler
L-internet – għodda jew arma?


Jiktbu l-kandidati

Alan Deidun PN

John Spiteri – AN

Maria Camilleri - PL

Arnold Cassola– AD

John Zammit – AL

Mary Gauci - Libertas


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan