Jiktbu l-kandidati | 05 ta’ April 2009 Nr 126
Fil-jiem li għaddew tajt konferenza stampa fuq il-pont ta’ Wied il-Għasel fil-Mosta. F’dan il-mument dan is-sit qiegħed jistenna li jkun deċiż id-destin tiegħu. Jien qiegħed nappoġġa lir-residenti u lill-għaqdiet tal-Mosta biex il-verdett ikun wieħed ta’ ħajja u mhux ta’ mewt.
Il-poplu Mosti għandu dritt li jkun imħares mis-sindku tiegħu. Però s-sindku fejn hu? Għandu opinjoni dwar dan il-proġett? Fuq kollox jimpurtah mid-diżastru li se jikkawża dan l-iżvilupp? Jgħidilna, għaliex s’issa ma nafux. Fil-laqgħat tiegħi mal-Mostin dawn il-mistoqsjiet huma fost l-ewwel affarijiet li semmewli.
Jien ili snin nesprimi ruħi kontra dan l-iżvilupp. Għamilt dan fil-kapaċità tiegħi ta’ ġurnalist ambjentali u issa qiegħed inkompli b’din il-kampanja ambjentali fil-funzjoni tiegħi ta’ kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Ningħaqad mal-NGOs li wrew l-appoġġ tagħhom għar-residenti Mostin, bħal Nature Trust, Flimkien għal Ambjent Aħjar u Ħarsien Patrimonju Mosti.
Hawn bżonn li nkomplu nibnu aktar djar? Id-djar qegħdin isiru dejjem iżgħar, jiswew dejjem aktar u fuq kollox in-numru ta’ djar vojta qiegħed dejjem jiżdied. Allura fl-interess ta’ min qiegħda ssir din il-qerda ambjentali? Nemmen li għandna nikkunsidraw bis-serjetà li jkollna moratorium fuq bini barra miż-Żoni ta’ Żvilupp. Diġà qiegħdin tard. Jekk mhux se nbiddlu r-rotta issa se jkun tard wisq u se niġbdu fuqna l-istmerrija ta’ uliedna.
Fil-jiem li għaddew ltqajt mill-ġdid mar-residenti tal-Mosta u ssuġġerejtilhom rimedju li l-Qrati tagħna taw permezz ta’ diversi sentenzi f’dawn l-aħħar snin bil-ħsieb li l-ġirien ikollhom id-dritt li jieħdu passi legali huma stess meta jirriżulta li l-awtoritajiet ikunu ppermettew li jsir żvilupp li jmur kontra l-policies tal-ippjanar. Min hu interessat jista’ jaqra s-sentenza Risiott vs Bajada, mogħtija mill-Qorti ta’ l-Appell fil-5 ta’ Ottubru 2001.
Kwalunke permess li joħroġ mill-MEPA jkun ingħata bla preġudizzju għad-drittijiet ta’ terzi. U f’dan il-każ, abbażi tal-prinċipji espressi mill-Qrati tagħna fl-imsemmija sentenzi, jeżistu drittijiet ta’ terzi li jkunu preġudikati kemm-il darba l-imsemmi żvilupp ikun esegwit. Jiġifieri qiegħed ngħid li anke jekk l-iżviluppaturi jkollhom f’idejhom il-permessi tal-MEPA għal dan l-iżvilupp, il-ġirien għandhom il-possibbiltà li jwaqqfu l-iżvilupp billi f’isimhom stess jibdew proċeduri fil-Qrati.
Dan il-pass għamiltu għaliex nemmen fil-prinċipju li l-persuni li jieħdu l-pass nobbli li minn rajhom jipproteġu l-wirt ambjentali u kulturali tagħna għandhom ikunu assistiti u mhux imbeżżgħa. Huwa proprju għalhekk li f’din il-kampanja qiegħed nipproponi li fost l-oħrajn titwaqqaf entità awtonoma bl-iskop li toffri environment legal aid, u cioè bl-għan li toffri b’xejn għajnuna legali u teknika lil min jieħu xi forma ta’ azzjoni favur il-wirt ambjentali u kulturali tagħna.
Qiegħed nipproponi li din l-entità tkun iffinanzjata minn fond li fiha jidħlu ħlasijiet li l-industrija tal-kostruzzjoni u industriji oħra li jaffettwaw negattivament l-ambjent ikunu obbligati jikkontribwixxu. B’din is-sistema jibbenefikaw l-NGOs u l-kunsilli lokali billi jiksbu għarfien mingħajr ħlas minn esperti f’dan il-qasam.
Proprju dwar dan is-suġġett qiegħed norganizza seminar li se jsir nhar fil-25 ta’ April fis-sede ta’ l-AZAD. Nistieden lil kulħadd biex jipparteċipa f’dan id-dibattitu.
|
|

Julia Farrugia tintervista lil Stephen Galea, il-kantant ta’ “Il-Merill Twitt Twitt”
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- Catherine Fleri Soler
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|