Joe Ellis | 05 ta’ April 2009 Nr 126
Meta bdejt il-kors tal-Liġi, fil-bidu tas-snin 80, l-istudenti tal-ewwel sena kellhom biża’ kbira minn kors partikulari. Dan il-biża’ kien imnissel mhux mit-toqol tas-suġġett imma mill-fama li kellu l-professur li jgħallmu. Kien jgħallem b’severità kbira u ħadd ma seta’ jitniffes fil-klassi.
L-avukati u nutara li għaddew minn taħtu jafu x’qed ngħid. It-Tnejn fil-għodu fl-10am kien raġuni ferm tajba għalfejn inkantaw il-kanzunetta famuża tal-Boomtown Rats għax konna naffaċċjaw lil dan il-professur.
Ħasra għax is-suġġett li kien jgħallem hu suġġett ferm interessanti u vibranti li juri r-rabta intima bejn id-dritt u s-sistema politika. Hu wkoll għala l-professjoni legali għandha vokazzjoni naturali – kif ukoll obbligu sagrostant – li tiddefendi s-saltna tad-dritt, li tinsisti li l-amministrazzjoni sseħħ fir-rispett tal-Liġi u li d-drittijiet tal-bniedem ikunu rispettati f’kull waqt.
Fil-fatt, dak il-professur sever, b’laqam xejn kumplimentuż u li għadu mimli bl-għomor, laqqam lill-ġenerazzjonijiet suċċessivi ta’ avukati, li bosta minnhom spiċċaw politiċi prominenti, b’dawk il-valuri fundamentali li huma essenzjali f’demokrazija. F’dak l-ambjent ftit li xejn ħieles xrobna min-nixxiegħa tad-dritt kostituzzjonali u ħaddanna valuri li baqgħu fina sal-lum.
Waħda mil-lezzjonijiet li tgħallimna f’dik is-sena kienet li l-kostituzzjoni tagħna hi bbażata bil-kbir fuq dik Ingliża imma mentri dik Ingliża tiddependi fuq ħafna regoli mhux miktuba imma rispettati kull kif, f’dik Maltija l-istess regoli huma miktuba.
Il-monarka Ingliż fit-teorija għandu poteri kbar, kważi assoluti. Fil-prattika, il-poteri tiegħu huma kważi ineżistenti.
F’Malta, dak li kien sal-1974 ir-rappreżentant tal-monarka, il-Gvernatur-Ġenerali li wara sar il-President, ukoll kważi m’għandu poteri xejn imma fil-każ tagħna, dan joħroġ ċar u tond mill-kostituzzjoni.
Il-fatt li l-presidenza m’għandhiex wisq poteri ma jfissirx li hi rrilevanti. Hu minnu sa ċertu punt dak li sostna esponenti politiku mill-kamp Nazzjonalista li l-għażla ta’ Ġorġ Abela bħala president daħħlitu f’cold storage politiku. Bażikament l-impenn politiku tiegħu ntemm. Mhux ta’ b’xejn bosta attribwew lill-Prim Ministru, li l-mod kif tkellem din il-ġimgħa fil-Parlament, wera biċ-ċar il-paternità esklussiva għal din il-ħatra, b’sens tattiku Makkjavelljan li bih qatel bosta għasafar b’naqra ta’ żrara.
Madankollu, għalkemm president żgur li qatt mhu se jkollu l-poteri bħal m’għandu l-Prim Ministru, l-evoluzzjoni kostituzzjonali tagħna miexja kontra dik Ingliża. Mentri fir-Renju Unit l-monarka llum m’għandu l-ebda poter sinjifikattiv, f’Malta, il-presidenza qiegħda tassumi responibbiltajiet ġodda. Dan anke minħabba l-mod awtorevoli u super partes li bih l-individwi li okkupaw il-kariga ġabu rwieħhom minkejja l-provenjenza politika tagħhom.
Wieħed jista’ jsemmi l-fatt li l-president jippresjedi l-Kummisjoni tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li għandu responsabilitajiet importanti fil-qasam tal-ġustizzja. Hawnhekk tlaqna mill-mudell Ingliż u addottajna dak Taljan għalkemm bżajna nagħtu lill-Kummissjoni l-poteri wiesgħa li għandu l-Kunsill Taljan.
Il-President jilgħab ukoll irwol ferm importanti minn wara l-kwinti. Dan jagħmlu b’mod speċjali fiċ-ċirkostanzi rari meta l-gvern jiġi sfiduċjat imma m’għandix dubju li jiżvolġi rwol ta’ medjatur anke biex iżomm djalogu għaddej bejn il-partiti kif ukoll partijiet involuti f’xi kontroversja. Il-gravitas li jgawdi min jokkupa l-kariga tagħtih dik l-awtorità morali li biha jista’ jrattab ir-ras iebsa ta’ x’uħud ħalli jfittxu l-kunsens.
Madankollu l-iżvilupp kostituzzjonali, kif rajna, ma jsirx biss bil-bdil tal-kostituzzjoni jew il-liġijiet. Wieħed irid jagħti ukoll każ tal-prattika li tevolvi sakemm din tkun prattika konsolidata u tissejjaħ prassi. Kulħadd jaqbel li l-presidenza ta’ Fenech Adami żvolġiet bl-aktar mod dinjituż u ftit li xejn kontroversjali minkejja l-kritika, anke f’ambjenti Nazzjonalisti, tal-bidu.
Il-ftit mumenti kontroversjali kienu meta Fenech Adami, għal aktar minn darba, stqarr li hu qatt ma jkun lest li jagħti l-kunsens tiegħu għal-liġi dwar id-divorzju. Kien ipotizza li f’tali eventwalità jagħmel bħar-Re tal-Belġju u jwarrab ħalli l-kunsens jingħata minn aġent president. Kien hawn anke xnigħa li kien wera oppożizzjoni minn wara l-kwinti fir-rigward ta’ leġislazzjoni dwar l-inseminazzjoni artifiċjali.
Il-kostituzzjoni tagħna tikkonsolida l-prassi Ingliża u tgħid li l-president irid jagħti l-kunsens tiegħu għal-liġijiet mgħoddija mill-Parlament mingħajr dewmien. Għaldaqstant, f’dawn l-istqarrijiet, Fenech Adami, kif ammetta hu stess, kien qed imur kontra l-kostituzzjoni.
Imma din mhix neċessarjament xi ħaġa ħażina. Il-Parlament għandu poter kważi llimitat kif jilleġisla. Vera li l-liġijiet ma jridux jiksru d-drittijiet fundamentali li nsibu fil-kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea imma jekk dan jiġri, mhux daqshekk faċli li l-qrati tagħna jew dik Ewropea jiddikjaraw li liġi tmur kontra l-kostituzzjoni jew il-Konvenzjoni. Meta jagħmlu hekk, ħafna drabi liġi ddum is-snin mingħajr ma tinbidel. X’differenza mill-Ġermanja fejn il-Qorti Kostituzzjonali ħassret 611-il liġi kemm ilha teżisti!
Għaldaqstant li awtorità istituzzjonali bħall-presidenza jkollha l-jedd li titlob lill-Parlament li jikkunsidra sew il-liġi li jkun qed jgħaddi jew li jerġa’ jibgħatha lura għal diskussjoni kif jista’ l-president Taljan hi xi ħaġa ta’ min jikkunsidraha fil-qafas tat-taħditiet li għaddejjin fuq ir-riformi tal-Kostituzzjoni.
Anke jekk tali bidla ma sseħħx, jekk il-presidenti futuri jimxu fuq il-passi ta’ Fenech Adami u l-Parlament joqgħod lura milli jilleġisla b’mod u manjiera li jimbarazza lill-presidenza, allura l-prattika kostituzzjonali tagħna tkun evolviet b’mod sinjifikanti.
Fin-nuqqas tat-tieni kamra tal-Parlament, tkun ħaġa f’lokha li l-eks presidenti u l-eks prim imħallfin jagħtu parir lill-president dwar il-kompatibbiltà ta’ leġislazzjoni mal-kostituzzjoni, il-Konvenzjoni Ewropea u l-liġijiet Ewropej. Il-president jista’ jaġixxi fuq tali parir biex jirreferi leġislazzjoni lura lill-Parlament ħalli jqisha mill-ġdid. L-aħħar kelma madankollu tkun tal-Parlament u eventwalment tal-Qrati.
Nawgura lill-President il-ġdid minn qalbi l-ħidma t-tajba u lill-Prim Ministru, il-Prim Imħallef u l-Ispeaker li kollha ħarġu mill-istess kors tal-liġi fis-snin 70 u xorbu min-nixxiegħa li semmejt fil-bidu. Kwadrijumvirat formidabbli u safejn naf jien bla preċedent. Meta wieħed iqis li magħhom kien hemm il-Kummissarju Ewropew Malti, ministru prominenti, kif ukoll bosta membri tal-ġudikatura, ċertament kien kors fortunat.
|
|

Julia Farrugia tintervista lil Stephen Galea, il-kantant ta’ “Il-Merill Twitt Twitt”
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- Catherine Fleri Soler
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|