Intervista | 05 ta’ April 2009 Nr 126
Julia Farrugia tintervista lil Stephen Galea, il-kantant ta’ “Il-Merill Twitt Twitt”
Tiftakruha l-kanzunetta “Il-Merill Twitt Twitt?” Iltqajt ma’ Stefan Galea 28 sena wara l-ħruġ ta’ din id-diska li bħalissa jinsab fis-sena ta’ qabel tal-aħħar fis-Seminarju qabel ma sena oħra jkun ordnat presbiteru.
Meta kont għandi bilkemm ili ġimagħtejn fil-Form 1 irnexxieli fil-veru sens tal-kelma ngħaxxaqha. Minn fost it-tfal l-oħra kont skoprejt li l-għalliema tal-istudji soċjali, it-twajba Miss Borg, kienet tiġi z-zija tal-kantant Stefan Galea li ftit snin qabel kien irrappreżenta lil Malta fiz-Zecchino d’Oro bil-kanzunetta ‘Il-Merill Twitt Twitt’. Għalina li trabbejna fis-Snin Tmenin il-kanzunetta kienet ‘hit’, kif jgħidu bl-Ingliż.
Kważi bi sfida mal-kumplament tal-klassi x’ħin il-povra għalliema rifset l-għatba tal-klassi, min-naħa ta’ wara għajjatt: “Miss, int vera z-zija tal-merill twitt twitt?”
M’għandniex xi ngħidu li l-klassi nqasmet bid-daħk u l-għalliema, issa ftit aktar ruxxana, tatni ċinku kif tmiss il-liġi għax ħasbet li l-għajta tiegħi kienet intenzjonata biex inwaqqagħha għaż-żufjett.
Imma sakemm domt fl-iskola Maria Regina Miss Borg baqgħet waħda mill-aktar għalliema li kont ningwalaha magħha u sal-lum għadni nżomm rigali żgħar li kienet tagħtini fosthom bookmark li għamlitli hi stess meta kont immur tajjeb fil-projects tagħha. Dejjem ngħid li l-imħabba tiegħi għall-kitba fit-tul tmur bi grazzi lejn din l-għalliema li għarfet tindokra l-ftit talent ta’ kitba li stajt bdejt nuri f’dak iż-żmien.
U din il-ġimgħa grazzi għall-kok tas-Seminarju li għamel il-biċċa nvestigattiva sakemm intraċċajna liż-żagħżugħ fil-parlatorju ċkejken tas-Seminarju f’Tal-Virtù fejn spiċċajt nintervista lin-neputi tal-għalliema, Stefan Galea,
“Kien għad kelli ħames snin. Dieħel u ħiereġ Xandir Malta, ħafna recordings, in-nies jinġabru u jistaqsuk speċjalment wara l-festival taz-Zecchino D’Oro li sar f’Bologna. Kien hemm pubbliċità kbira ... dak li niftakar mill-Merill Twitt Twitt,” jidħak min- naħa l-oħra.
“Ovvjament il-Festival kien isir fi żmien l-iskola. Dawk kienu jfissru vakanzi! U darbtejn. Darba f’Ottubru għall-prova tad-diska maqluba bit-Taljan u darb’oħra f’Novembru għall-festival proprju.
“Dik id-diska lanqas kienet tiegħi proprjament. F’Malta kien hemm tliet fażijiet preliminari. Jien kont intgħażilt bħala l-aħjar kantant u din id-diska li kienet ta’ tifla oħra ntgħażlitilha bħala l-aħjar diska.”
Stefan Galea jgħid li jiftakar sew lid-direttriċi tal-Kor taz-Zecchino D’Oro tal-Antoniano. Din kienet minn Sardinja, ċerta Mariele Ventre, li fetħulha l-kawża tal-Beatifikazzjoni. Għal snin twal baqgħet saħansitra tibgħatlu l-kartolini speċjalment fil-Milied u l-btajjel.
“Li nista’ ngħidlek hu li żammejt il-postcards għax jekk issir Beata jiġu relikwi. Jien ma tantx kont regolari biex niktbilha. Kienet iddum tiġri warajja ommi!” jgħid bid-daħka.
“U Alla jaf! Meta naħseb bgħattilha l-aħħar waħda laħqet mietet, miskina.”
Għal Stefan Galea “il-kapitlu tal-kant ingħalaq u hi xi ħaġa marbuta mat-tfulija.
“Ejja ngħidu li għax kienet issus warajja ommi għamilna sa 16-il sena. Kieku jien għalaqt ħafna qabel,” idaħħak min-naħa l-oħra tal-kamra.
Illum ħajjet Stefan hi l-istudju u t-triq li qabad biex isir qassis.
“Meta kont żgħir kont ngħid li se nilħaq veterinarju, għalliem u naħseb anke patri,” iwieġeb. “Aktar kont ngħid patri minħabba l-ambjent li trabbejt fih. Il-parroċċa tagħna fejn konna noqogħdu l-Belt hi tal-patrijiet, San Duminku. Il-Belt għandna ħafna kunventi tal-patrijiet.”
Jistqarr li s-sejħa tas-saċerdozju kienet xi ħaġa gradwali għax trabba f’ambjent reliġjuż. Mhux neċessarjament il-familja li tgħid ir-rużarju jew tmur għal quddies kuljum imma f’dak li hu jsejjaħ “dar li fiha kien għarfien għall-affarijiet tal-fidi.”
“Konna ngħixu l-istaġuni diversi tal-Knisja b’ċerta doża qawwija bħall-Milied, il-Ġimgħa l-Kbira u l-festa tal-parroċċa. Konna nattendu għall-funzjonijiet u fid-dar kont tinduna li ġejja xi festa għax konna dejjem narmaw xi ħaġa,” ikompli.
Il-Belt kienet waħda mill-affarijiet li spiratu?
“Il-Belt hi li hi. Il-Belt tagħġnek u tagħmlek karattru. Tagħmlek karattru Belti. Li tiddistingwik minn nies oħrajn. Ngħid hekk mingħajr preġudizzju. Naħseb li hemm dan l-element ta’ konvivenza u espressjoni reliġjuża qawwija ħafna. Wara kollox il-Belt hija wkoll il-kapitali reliġjuża ta’ Malta.”
“Ta’ 16-il sena għażilt Direttur Spiritwali b’mod informali biex immur inqerr għandu u bdejt nesplora din is-sejħa. Dawn huma affarijiet tar-ruħ u mhux faċli tispjegahom.
“Tibda tieħu bis-serjetà l-ewwel sejħa, dik li tkun nisrani. Din tiġi qabel ma tkun qassis jew qabel li tiżżewweġ. Ta’ dik l-età jkollok il-lussu, ħafna libertà. Ħafna żgħażagħ ġieli jagħmlu l-għażla li ma jkomplux isegwu s-sagramenti. Imma m’għamiltx dik l-għażla. Xtaqt li niskopri lil Alla permezz tal-Knisja. Ta’ 18-il sena qrajt żewġ kotba li mmarkawli ħajti. Kienu talb ta’ Sant’Injazju Loyola u ta’ Santa Katerina ta’ Siena.”
Stefan Galea jistqarr li wara s-Sekondarja ma ħassux biżżejjed preparat biex jibda l-formazzjoni tiegħu bħala saċerdot għax kien għadu ma ffrekwenta l-ebda istituzzjoni vokazzjonali.
“Fuq parir ta’ ħija dħalt l-Università u bħalu gradwajt għalliem. Ma kontx konvint għax jien xtaqt nieħu t-Teoloġija fl-Università mingħajr ma nkun novizz jew seminarista,” jispjega ż-żagħżugħ.
B’mod umli ma jiddejjaqx jiċċajta bih innifsu.
“Fil-bidu, speċjalment fit-teaching practice, kien daqsxejn lascia a desiderare. Iżda fit-tieni sena ndunajt li kien posti bħala għalliem fil-Primarja. Għamilt tliet snin ngħallem Tal-Pietà.”
F’dan l-istess żmien id-direttur spiritwali kellu rwol importanti li fi kliem Stefan Galea kien iwissih biex ikompli l-kors Universitarju u ara ma jfettilux jieqaf.
“Aktar tard anke l-Arċisqof Mercieca kien qalli li li d-direttur spiritwali kien tani parir tajjeb fuq hekk. Kien kumment li ssudani għax kont fiż-żmien li aħna nsejħulu Prepadewtiku, dik is-sena ta’ qabel is-Seminarju.”
Nistaqsieh jekk jaħsibx li l-kunfidenza li ġab grazzi għall-palk meta kien żgħir iħossx li se tgħinu meta għada pitgħada jkun qed jagħmel l-omeliji. Inpoġġi din il-mistoqsija fil-kuntest li ta’ sikwit tisma’ tgergir li ċerti qassisin iraqqduk għax għandhom komunikazzjoni batuta.
“Ma neskludix li tgħin. L-għeruq ma tistax tiċħadhom huma li huma. Hemm qiegħdin. Sta għall-individwu li jagħmel użufrutt tajjeb minn dak li kiseb. Il-mixja tagħna fil-ħajja hi vjaġġ ta’ integrazzjoni u mhux ta’ aljenazzjoni,” tkun it-tweġiba.
U x’kienet ir-reazzjoni tal-familja tiegħu meta tahom l-aħbar li jixtieq jaqbad il-mixja tas-saċerdozju?
“Sorpriża u ħasda. Sorpriża għax mhux patri. Ħasda għax ma nfurmajthomx mill-ewwel!”
Nitolbu jelabora u jistqarr li dak iż-żmien kien diġà beda jattendi għal xi ftit laqgħat tal-vokazzjonijiet u f’kuntatt dirett mal-ex Rettur Dun Anton Gouder.
“Tant hi xi ħaġa kruċjali fil-ħajja li domt intella’ u nniżżel kif se ngħidilhom. Kien kixifni ħija. Sar jaf fl-1 ta’ Ġunju u kixifni preċiż fl-1 ta’ Lulju,” jgħid b’daħka.
“Saru jafu każwalment. Daħlet telefonata mis-Seminarju u ommi staqsietu x’riduni mis-Seminarju u hu kixifni. Interessanti li ħabib tiegħi Kappuċċin ġralu l-istess. Kien qed jiffrekwenta l-Kappuċċini u lil wieħed minn ħutu kien qallu. Darba llitigaw u biex ipattihielu kixfu lil ommu.
Imma x’kienet l-aktar ħaġa li ġibditu lejn is-saċerdozju?
“Ġesù Kristu. Irid ikun hemm relazzjoni personali u ħajja ta’ talb biex tagħmel pass bħal dan.”
U x’inhu l-aktar fattur li jixtieq li jara li jinbidel fis-soċjetà Maltija?
“Ħa nibda b’dak li nixtieq li ma jinbidilx. Is-sens ta’ ospitalità. Id-disponibbiltà lejn xulxin. Qed insemmihom għax qed nara li huma mhedda.”
Nitolbu jispjega.
“Il-Malti. Hemm ħafna Maltin li m’għadhomx b’dawn il-valuri antiki li kienu jikkaratterizzawna u li għadhom. Jista’ jkun li fil-ġenerazzjoni li tiela’ qed ikunu nieqsa. Jista’ jkun li r-raġuni hi li l-ġenerazzjoni ta’ qabel mhux qed tatihielhom,” iwieġeb.
U x’jinbidel?
“Dan il-ħmieġ u l-iżdingar li hawn. Kulħadd naħseb li jbill subajh fl-ilma mbierek. Kulħadd jaf fejn jikkontribwixxi. Dan anke jekk toħroġ ftit fil-kampanja. Daqqa xi biċċa għamara, daqqa xi friġġ. Kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu, kemm l-awtoritajiet kif ukoll min mhuwiex.”
Mal-lista Stefan Galea jżid xi ħaġa oħra.
“Nixtieq nara jinbidel dan il-partiġġaniżmu sfrenat fil-politika. Għamilna progress. Kapaċi noħduha ċajta iġbed ’l hawn u iġbed ’l hemm. Qabel konna aktar ultra-sensittivi fuq dawn l-affarijiet.
“Però li jinkwetawni huma ż-żgħażagħ, speċjalment dawk li jkunu ggradwaw jew qed jistudjaw. Suppost moħħhom miftuħ aktar minn ta’ ħaddieħor imma għandhom ras sħuna aktar minn ta’ pressure cooker — u din niżżilha, jekk jogħġbok!”
Jgħid li kulmin qed jgħix f’pajjiżna jħosshom dawn l-affarijiet. Imma l-importanti hu li ma nwaddbux lil kulħadd fl-istess keffa għax ma jfissirx li ż-żgħażagħ kollha huma hekk.
Mistoqsi x’jaħseb li huma dawk l-affarijiet li llum qabel għada l-Knisja hemm bżonn tindirizza jgħid “li bil-mod kif qed timxi, il-Knisja qed tkun soċjalment relevanti.
“Ftit tal-jiem ilu l-Papa ġie kkritikat li mhux qed jgħix fid-dinja u li kapaċi biss biex jisma’ lil Mozart fil-kamra. Ġie kkritikat għax sempliċiment ma jaqblux miegħu.
“Nieħdu l-każ tar-riċessjoni ekonomika. Il-Papa qal li l-flus ħadu post Alla. Din hi illużjoni li poġġejna l-flus qabel Alla għax ara x’ħadna issa!”
Nitkellmu dwar ir-rwol tal-Knisja f’Malta. Għandha ssemma’ leħinha fuq suġġetti bħad-divorzju, il-familja u t-taqlib fid-dinja tax-xogħol?
“Il-Knisja lokalment ħadd ma jista’ jiċħdilha r-relevanza soċjali tagħha u naqbel li ssemma leħinha fuq temi soċjali. Aħna għandna x’noffru ħafna lis-soċjetà. Dan diskors li jmur lil hinn minn xtutna. Jien insemmilek lil Massimo Cacciari li hu s-Sindku Xellugi ta’ Venezja u li ma jistqarr l-ebda fidi. Però qal li d-dinja tal-Punent biex terġa’ tiskopri t-triq tagħha trid iddur lura għall-Bibbja. U anke bħala filosfu semma li nistgħux niddiskutu l-filosofija kontemporanja mingħajr il-ħsieb ta’ San Pawl. Dawn huma l-għeruq tagħna – nemmnu jew ma nemmnux.”
Is-suġġett idur fuq il-vokazzjonijiet u kif dawn qed imajnaw.
“Il-verità hi li qed imutu aktar saċerdoti milli kemm qed jiġu ordnati. Però jekk nieħdu l-aħħar 10 snin naraw li qed jiżdied in-numru ta’ seminaristi. Dan mhux xi fenomenu ta’ dawn iż-żminijiet biss. Kien hemm perjodu fil-Knisja universali li kien hemm nuqqas ta’ vokazzjonijiet. Il-vokazzjoni ssib min jikkompetilha.”
Bejn sentenza u oħra jitkellem irpużat. Ir-riħ li issa qed jgħolli ftit aktar saħħtu jimbotta purtiera fil-ġenb tal-kamra u tiknes il-mejda ta’ quddiemna.
“Hemm tendenza f’xi wħud fil-Knisja li qatgħu qalbhom minn dan iż-żmien fil-Knisja. Hemm min jibki ż-żmien ta’ qabel il-Konċilju Vatikan II. Imbagħad għandek min hu nostalġiku għal żmien li żgur qatt ma laħaq, dak qabel il-Konċilju ta’ Niċea I fis-seklu Erbgħa. Saret moda li jiddemonizzaw lil Kostantinu għax ta l-libertà lill-insara u lill-Knisja mliha bil-proprjetà.
“Mhux se nidħol fil-mertu għamilx dan b’att ta’ fidi jew għax kien opportunist biex isaħħaħ l-Imperu. Però li l-Knisja ma tkunx persegwitata aktar mill-Istat hi xi ħaġa ġusta. Dan ħadd ma jieħu gost bil-Pulizija wara biebu. Aħseb u ara li tispiċċa arrestat għax raddejt salib jew mort il-quddiesa.
“Dawn huma realtajiet li għad hemm insara f’pajjiżi differenti li qed jgħixuhom bħalissa wkoll. Hemm pajjiżi sħaħ fejn għaddejja din il-moħqrija. Aħna nitolbu biex tieqaf din il-vjolenza fuqhom.
“Hawn min jgħidlek li l-Knisja meta tkun ippersegwitata aktar tkun qaddisa. B’xi mod jew ieħor il-Knisja dejjem ippersegwitata.
“Bħala nsara għandna kunċett differenti fuq iż-żmien. Għalina li jgħodd l-aktar hu l-kairos mhux il-chronos. Kairos huwa mument partikolari f’ħajtek li fih trid taħtaf il-grazzja. Mentri l-chronos hi s-sekwenza tal-ġrajjiet matul iż-żminijiet. Ċertament li l-grazzja ta’ Alla mhi marbuta ma’ l-ebda epoka.”
Illum meta qed tkun ippubblikata l-intervista hu Ħadd il-Palm u ġimgħa biss ’il bogħod mill-Għid il-Kbir. Liż-żgħażagħ jgħidilhom hekk: “Illum bdiet il-Ġimgħa Mqaddsa. Ippruvaw skopru l-imħabba ta’ Alla f’din l-aħħar ġimgħa ta’ Ġesù Kristu biex bħal San Pawl lill-Galatin tkunu tistgħu ttennu: L-Iben ta’ Alla ħabbni u ta ħajtu għalija.
“Lil dawk żgħażagħ, jew akbar fl-età, li jħossu li qed imissu l-qiegħ jien ngħidilhom li Kristu missu wkoll. Qed jakkumpanjakom. Però mhux qed jakkumpanjakom għall-funeral li qatt mhu se jispiċċa imma għar-rebħa tal-imħabba.”
Fil-kamra jinżel silenzju.
X’inhu dak it-timbru li jixtieq iħalli tul is-saċerdozju?
“Ma tantx naqbel miegħu t-timbru għax aħna mhux lilna nfusna nipproponu imma lil Ġesù Kristu. In-nies dak li għandha bżonn u mhux lilna. Allaħares wieħed isir saċerdot u jaħseb li mn’Alla jkun hu. Protagoniżu m’għandniex bżonnu. Anzi naħseb għandna żżejjed.”
Fil-Knisja, nistaqsieh?
“Iva. Ukoll aħna bnedmin. Ġesù li jrid jinqeda bina diġà se jgħaddi mill-filtru tal-personalità tagħna. Jista’ jkun ta’ ġid kbir. Biss wieħed irid jibqa’ dejjem konxju li jgħaddi lil Ġesù Kristu u mhux lilu nnifsu.”
|
|

Julia Farrugia tintervista lil Stephen Galea, il-kantant ta’ “Il-Merill Twitt Twitt”
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- Catherine Fleri Soler
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|