Il-Punt - Catherine Fleri Soler | 05 ta’ April 2009 Nr 126
Dawn l-aħħar snin l-internet sar parti integrali tal-ħajja ta’ kuljum ta’ bosta. F’Malta wkoll għandna rata għolja tal-użu tal-internet għal skopijiet ta’ xogħol, skola jew ta’ divertiment. S’hawn xejn ħażin. Il-fatt li l-internet daħal f’kull sfera ta’ ħajjitna jfisser li bis-saħħa t’hekk żidna l-opportunitajiet ta’ tagħlim, komunikazzjoni u divertiment.
Sfortunatament, iżda, ġara kif dejjem jiġri, għax dejjem ikun hemm min jabbuża minn kwalunkwe ħaġa. L-internet ukoll sar mezz ta’ abbuż. Ir-reati ta’ frodi żdiedu b’rata mgħaġġla, informazzjoni tinsteraq mill-hackers, stampi indeċenti jiġu ċċirkulati b’mod abbużiv u anki jservu ta’ rikatt… dawn ir-reati jissemmew spiss fl-aħbarijiet. Iżda hemm tip ta’ abbuż li hu iktar sottili: l-abbuż fuq minorenni minn fuq l-internet.
Hawn min isaqsi: dan l-abbuż veru jeżisti? Kif jista’ jkun li tfal jaslu fi stat li jiġu abbużati minn ġo djarhom stess?
Waħda mill-problemi li l-ġenituri jiffaċċjaw meta jdaħħlu l-internet id-dar hi l-ammont kbir ta’ pornografija li jeżisti – u kemm hi faċli biex issibha. Jeżistu tipi ta’ filters biex inaqqsu l-periklu imma l-ġenituri qatt ma jistgħu jserrħu moħħhom li wliedhom qatt mhuma se jaraw xi stampi indiċenti fuq l-internet.
Permezz tal-internet, tfal u żgħażagħ għandhom opportunitajiet li jiltaqgħu ma’ nies minn kullimkien, jagħmlu ħbieb u jaqsmu l-interessi tagħhom permezz taċ-chatting. Iżda fl-istess post fejn wieħed jista’ jsib dan il-mezz ta’ divertiment, wieħed daqstant ieħor jista’ jsib ruħu jagħmel ħbieb ma’ persuna li l-unika intenzjoni tagħha hi li toħloq u tippjana sitwazzjoni fejn hi tista’ tabbuża mit-tfal.
Iċ-chat jagħti opportunità għall-anonimità. Wieħed jista’ jivvinta identità għalih, jippreżenta ruħu kif irid, jgħid li jrid, u jagħmilha tabirruħu li hu xi ħadd kompletament differenti. Bis-saħħa ta’ dan jista’ faċilment jimmanipula xi tfal jew żgħażagħ li ma tidħlilhomx f’rashom jaħsbu fil-ħażin, fl-innoċenza tagħhom, jew inkella li ma jobsrux fejn jista’ jwassal il-moħħ ta’ min jixtieq jabbuża.
Il-minorenni, ikun kemm ikun intelliġenti, jew mgħarraf fit-teknoloġija, se jkun dejjem iktar vulnerabbli minn adult. Wieħed li jabbuża mhux se jġib ruħu b’mod kattiv jew kiesaħ. Jikseb il-fiduċja ta’ dak li jkun billi jippreżenta ruħu bħala l-aqwa ħabib, bħala persuna ġentili, interessat fil-minorenni u li jista’ joffri xi ħaġa attraenti għat-tifel jew tifla.
Forsi f’mument fejn il-minuri jixtieq l-attenzjoni, ħbiberija, jew sempliċiment jixtieq jagħmel ħbieb ġodda, jidħol għal din ir-relazzjoni, mingħajr ma jissuspetta fejn tista’ tasal.
L-adult, min-naħa l-oħra, ġeneralment ikun qed jipprepara nasba li ma jkunx faċli għat-tfal li joħorġu minnha daqshekk malajr: nasba fejn minuri jista’ jkun abbużat, xi drabi anke konvint mill-ħabib ġdid tiegħu li dawn l-affarijiet huma affarijiet ‘ta’ ħbieb’. Hemm min jiġi saħansitra mhedded biex iżomm ‘is-sigriet’ ta’ bejniethom.
Hemm każijiet, u mhux ftit, fejn sfortunatament, dawn ir-relazzjonijiet jinbnew minn persuni qraba jew ħbieb tal-familja. Il-ġenituri jserrħu moħħhom li hemm xi ħadd interessat f’uliedhom, meta fil-verità, dawn qed jaħtfu l-opportunità biex jabbużaw minnhom.
Il-periklu tal-internet u ċerti siti ma jiqafx hawn. Mhux bilfors li l-periklu hu f’forma ta’ xi adult lest biex jabbuża miż-żgħar, iżda jista’ jkun f’forma ta’ xi ħaġa li għall-ewwel tidher li ma fiha xejn ħażin. Ejjew nieħdu l-eżempju meta xi ħadd juża kamera diġitali jew mobile biex jieħu ritratt jew vidjo. Dan jista’ faċilment jitfa’ dak li jkun ħa fuq l-internet. Għad li ħafna drabi ma jiġri xejn, mhux l-ewwel darba iżda, li dan jiġri bi skop ħażin, fejn wieħed jesponi oħrajn, anke f’pożi daqsxejn indiċenti, jew f’sitwazzjonijiet prekarji, sempliċiment biex jinki, biex jirrikatta jew biex jagħmel xi ħsara oħra lil ħaddieħor.
Tfal u żgħażagħ partikolarment jistgħu jkunu vittma ta’ dan il-logħob ikrah, speċjalment żgħażagħ li jagħtu wisq kunfidenza lil sħabhom, mingħajr ma jaħsbu li sħabhom stess jistgħu jduru kontriehom u jużaw ir-ritratti tagħhom għal skopijiet ħżiena.
Hu possibbli li hemm dan il-ħażen kollu? Sfortunatament ir-risposta hi “iva!” Imma minflok nallarmaw ruħna, nagħmlu mill-aħjar biex nipproteġu lil uliedna. Mod importanti hu li tibni relazzjoni u ambjent ġod-dar fejn it-tfal iħossuhom komdi jitkellmu fuq l-attivitajiet tagħhom, fuq il-ħbieb tagħhom u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom.
Hu importanti wkoll li l-ġenituri jżommu rwieħhom aġġornati dwar it-teknoloġija u l-użu tal-internet ħalli jkunu jistgħu joffru gwida u jkunu ta’ għajnuna għat-tfal tagħhom. L-appoġġ, l-imħabba u l-interess huma importanti biex it-tfal iħossuhom siguri fil-konfront ta’ dak kollu li qed jiġri madwarhom.
F’każ li wieħed jiltaqa’ ma’ abbuż tat-tfal fuq l-internet, jista’ jikkuntattja lill-Aġenzija Appoġġ fuq Supportline 179 jew billi jżur is-sit www.appogg.gov.mt fejn wieħed jista’ jimla rapport u jibagħtu lill-Aġenzija.
Catherine Fleri Soler, Maniġer tas-Servizzi fil-Komunità tal-Aġenzija Appoġġ
Appoġġ hi parti mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali li tinkorpora wkoll lill-Aġenzija Sedqa (www.sedqa.gov.mt) u lill-Aġenzija Sapport (www.sapport.gov.mt).