Emmanuel Micallef | 05 ta’ April 2009 Nr 126
Ftit tal-jiem ilu l-Kabinett tal-Ministri kellu fuq l-aġenda tiegħu rapport imdaqqas dwar kif u fiex għandha sseħħ ir-riforma fil-kunsilli lokali. Rapport li sar wara proċess wiesgħa ta’ konsultazzjoni u bil-għan li nirfinaw il-funzjonijiet tal-istess kunsilli biex nagħmlu iktar appellabbli għaż-żminijiet tal-lum wara l-esperjenzi li għaddejna minnhom matul dawn is-snin.
Wieħed jittama li dak li tniżżel bl-iswed fuq l-abjad fir-rapport isib il-kunsens taċ-ċittadini, apparti tal-kunsilliera, biex din l-esperjenza politika fuq livell lokali tissarraf f’waħda iktar effettiva għall-ġid taċ-ċittadin.
Irridu nammettu li x-xettiċismu li ntwera bl-introduzzjoni tal-kunsilli lokali maż-żmien batta u ħafna kienu dawk li bdew jaħsbu li l-kunsilli verament kienu se jagħmlu d-differenza fl-ibliet u l-irħula tagħna. Nammetti li d-differenza nħasset f’ċerti lokalitajiet imma assolutament ma kinitx preżenti f’postijiet oħra. Jista’ jkun li dan jiddependi mill-individwi li jiġu eletti u kif ngħidu, min jikseb l-ikbar popolarità ma jfissirx li jkun l-iktar persuna intelliġenti. Qed ngħid dan għax naħseb li fil-kunsilli lokali neħtieġu ntellgħu kunsilliera li huma intelliġenti fil-mod kif jamministraw u jesegwixxu r-rwol tagħhom. Biżżejjed għandna l-lealtà lejn il-partiti li qed tiskorraġixxi nies validi li m’għandhom l-ebda rbit, li joħorġu għall-elezzjonijiet tal-Gvern lokali.
M’hemmx dubju li l-kunsilli lokali b’mod ġenerali għandhom bżonn spinta. Maż-żmien dak li fil-bidu kien xettiċizmu issa donnu nbidel f’nuqqas ta’ interess. Biex nagħmel ġustizzja ma’ bosta sindki u kunsilliera, dawn ukoll għandhom għalfejn jaqtgħu qalbhom meta jaraw nuqqas ta’ koperazzjoni mill-awtoritajiet u nuqqas ta’ apprezzament miċ-ċittadini għax-xoghol li jagħmlu.
Imbaghad biex inkunu tfajna l-melħ fuq il-ferita, l-ikbar problema li jiffaċċaw hi dwar in-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji. Veru li bla flus la tgħannaq u lanqas tbus iżda nafu wkoll li l-flus mhux kollox u kif jgħidu ċ-Ċiniżi aħjar tagħtini l-qasba u tgħallimni nistad milli titmagħni l-ħuta. Hekk irridu jagħmlu l-kunsilli lokali. Isostnu rwieħhom u mhux joqogħdu jistennew l-għajnuna tal-Gvern Ċentrali. Aħjar il-Gvern jieħu ħsieb jilleġiżla biex jagħti iktar spazju u saħħa lill-kunsilli lokali biex dawn jaħsbu huma għal mezzi kif jiffinanzjaw lilhom infushom. Nittama li r-riforma taħseb ghal dan.
Biex ma takkużawnix li ngħix fil-ħolm, nixtieq nieħu eżempju b’raħal twelidi. Is-Siġġiewi hu raħal, wieħed mill-eqdem, li hu meqjus bħala agrikolu. Għandu vantaġġi naturali kbar. Imdawwar bil-kampanja li teħodna mill-Fawwara, għas-Salib tal-Għolja sal-Buskett. Fl-istess ħin għandu baħar sabiħ fil-bajja ta’ Għar Lapsi. Barra minn hekk is-Siġġiwin ma baqgħux jiddependu biss mill-biedja imma r-raħal kiber u llum ħafna huma l-personaġġi li għażlu li jgħixu f’dan ir-raħal.
Ma nistax nifhem kif il-Kunsill Lokali ma jiħux inizjattiva u jagħmel dan ir-raħal ġawhra turistika. Il-Knisja Arċipretali, il-knisja l-qadima u l-kappelli tar-raħal diġà jservu ta’ attrazzjoni kulturali turistika. Postijiet fejn jistgħu jinfetħu mużewijiet tal-biedja jew tal-għasir tal-għeneb bħal ‘Limestone Heritage’ li teżisti diġà hemm kemm trid. Pensjonanti, eks għalliema u oħrajn, li jistgħu jitqabbdu jagħmluha ta’ gwidi hemm ukoll. Swali ta’ wirjiet fejn jintwerew oġġetti marbutin mal-ħajja ta’ personaġġi li għamlu isem lir-raħal jeżistu wkoll.
Ma nistgħux li flok nagħmlu monumenti niftħu djar b’tifkiriet tal-Poeti Karmenu Vassallo, Patri Ġużè Delia u Pawlu Aquilina biex ma nsemmix lil Dott. Nikola Zammit? Ma nistgħux f’dawn il-mużewijiet inbigħu prodotti agrikoli ġenwini li tradizzjonalment insibu fir-raħal? Ma nistgħux nipproduċu filmati ta’ mtieħen u wirt tradizzjonali ieħor li nsibu u nuruhom bħala parti mill-programmi turistiċi? B’dan li semmejt biss żgur li jinstabu fondi biżżejjed biex il-Kunsill Lokali jibda jsostni lilu nnifsu.
Dan hu biss eżempju ta’ lokal wieħed. Żgur li f’kull raħal u belt jista’ jsir sforz biex nesploraw il-potenzjal tal-lokalità u nisfruttawha f’opportunità li tista’ sservi ta’ dħul finanzjarju. F’dan is-sens anke l-ġemellaġġi jistgħu jintużaw aħjar biex iktar turisti mhux iżuru biss pajjiżna imma jaraw l-Istorja taċ-ċittadini Maltin fil-lokal tagħhom.
Bir-rapport tar-riforma nistgħu biss insegwu d-direzzjoni minn fuq il-mappa. Iżda meta tibda tpassi tkun tista’ tgħid li se tasal fid-destinazzjoni. Meta se naslu?
|
|

Julia Farrugia tintervista lil Stephen Galea, il-kantant ta’ “Il-Merill Twitt Twitt”
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- Catherine Fleri Soler
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|