MediaToday

Editorjal | 05 ta’ April 2009 Nr 126

Trasformazzjoni Presidenzjali

Għal George Abela bdiet fażi ġdida f’ħajtu li ma seta’ qatt ibassar li se jgħaddi minna meta beda l-karriera tiegħu. Ilkoll kemm aħna ngħaddu minn mumenti ta’ trasformazzjoni tul ħajjitna li jkunu jitolbu minna li nerħu ftit minn dak li konna biex insiru dak li qegħdin ninbidlu fih: student li jtemm l-edukazzjoni sekondarja u jibda studji ġodda jew jaqbad jaħdem jgħaddi minn taqlib kbir. Min jispiċċa bil-pensjoni l-istess isib li jrid jivvinta ħajtu mill-ġdid.
Huma l-uħud li qatt jiffaċċjaw it-taqlib li ġġib magħha il-ħatra ta’ President. Kienu li kienu l-preparamenti li seta’ jagħmel George Abela f’dawn l-aħħar ġimgħat wara li tħabbar li kellu jsir il-President tar-Repubblika xorta waħda ma jkunux biżżejjed biex jantiċipa kull aspett tat-trasformazzjoni li se sseħħ fih.
U mhix xi ħaġa personali biss: hu u jinbidel George Abela biex jimla’ r-rwol ta’ President, hu u jagħmel dawk il-ħafna esperjenzi li jmissu biss lill-Kap tal-Istat, se jkun qiegħed jagħtina President ġdid, jaffettwa lilna fir-relazzjoni tagħna mal-Presidenza, lill-pajjiż kollu kemm hu għat-tajjeb jew għall-ħażin.
Qed jibda dan il-vjaġġ bil-barka tal-biċċa l-kbira sew tal-popolazzjoni. Min naqas li jagħtihielu iżjed inqata’ f’minoranza irrilevanti milli ċaħdu minn xi ħaġa essenzjali. Laburist iżda mhux aħrax u maħtur fi żmien Gvern Nazzjonalista mill-ewwel jirrappreżenta livell ta’ kunsens politiku li ilna ma naraw fil-Presidenza sa mill-bidu tagħha. Iħaqqaqha biss ma’ Ninu Mamo li kellu l-qima ta’ kulħadd iżda li ma kellux warajh karriera politika fil-kamp oppost x’iġib bħala sinjal b’saħħtu ta’ qbil bejnietna.
Mingħajr ma nnaqqsu xejn mill-kontribut ta’ kull President li qatt kellna, Abela jidher li għandu potenzjal li jagħti bidu għal perjodu ġdid mhux biss fil-ħajja personali tiegħu iżda wkoll fil-ħajja tal-Presidenza.
S’issa kull President li kellna qeda d-dmirijiet tiegħu ċerimonjali u kostituzzjonali b’reqqa kbira, kull wieħed u waħda minnhom bl-istil tiegħu. Flimkien tawna idea ta’ xi tfisser il-Presidenza għalina ċ-ċittadini, x’nistennew mill-President. Jista’ jkun li Abela jkun jista’ jwessa’ u jkabbar din l-idea li ksibna s’issa.
Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Presidenti li kellna fittxew u ħadu l-mertu li jkunu u li jidhru li huma newtrali fit-taqbida politika minħabba l-fama u t-twemmin politiku li kienu jġorru, dan il-President jasal fil-ħatra mingħajr dak id-dubju li jrid jitwarrab. Il-ħidma kontra l-kurrent ta’ newtralizzazzjoni politika qed jiffrankaha. Mhemmx għalfejn jistenna li jgħaddu s-snin biex nibdew narawh bħala President tal-Maltin kollha u wisq anqas li jibqa’ bit-tikketta ma’ xi naħa minnhom jagħmel x’jagħmel bħalma ġara li x’uħud li ġew qablu.
Qegħdin nagħtuh karta bajda mill-ewwel ġurnata. Għal Abela dan hu vantaġġ immedjat biex ikompli fil-ħidma ta’ min ġie qablu iżda wkoll vantaġġ biex jagħmel mill-Presidenza xi ħaġa aqwa.
Fil-waqt li l-politika partiġġana kienet kapaċi tbiddel f’kontroversja l-iżjed kwistjonijiet newtrali u ’l bogħod mill-politika, hemm ħafna kawżi komuni, kwistjonijiet li jolqtu lil kulħadd indaqs, li jibqgħu ttraskurati. Jekk jagħraf jagħżilhom sew il-President il-ġdid jista’ jwassal biex nagħmlu progress fihom u fl-istess ħin jagħtihom kenn mit-taqbida partiġġana li spiss thedded li ttertaqhom bla bżonn u mingħajr ma tagħmel ġid lil ħadd.
Hemm ukoll kwistjonijiet ta’ ħajja ċivika li jista’ jressaqna lejhom il-President b’mod li ma jistax jagħmel ħaddieħor. Ġieli naraw fit-televiżjoni Taljana xi riklam dwar l-edukazzjoni ċivika, dwar l-imġiba tagħna ma’ xulxin li jista’ jogħġbu joħroġ il-President Abela b’effett qawwi fuqna. Waqt li kull Gvern li jinforza l-liġijiet jidher ikrah man-nies u jagħti ċans lill-avversarji politiċi li jisfruttaw l-uġigħ tagħhom, il-President jista’ jistedinna nimxu aħjar ma’ xulxin mingħajr biża’ li jsib lil min imerih.
U jista’ jmur lil hemm minn dak li jista’ jagħmel il-Gvern jew dak li jistgħu jġiegħlu l-forzi tal-ordni. Il-kortesija, il-ġentilezza ma’ xulxin, il-ħila li ntejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ xulxin b’kelma f’waqtha, mhumiex ħwejjeġ li xi ħadd jista’ jordnahom b’liġi jew li jwassal għalihom bil-kastig. George Abela kemm bħala President, kemm minħabba l-manjieri naturali tiegħu, jista’ b’elf mod jaħdem biex jerġa’ jagħti ħajja lil ħafna mill-kwalitajiet ta’ kortesija Maltija li rajniehom jgħibu minn fostna.
Bla ma nafu kif jew sewwa sew għaliex sirna iżjed goffi ma’ xulxin, psataż, bħallikieku sirna nistħu nkunu edukati ma’ xulxin. George Abela, jekk jagħżaq f’din l-għalqa, jista’ jħalli warajh monument dejjiemi li jkun jiswa ħafna iżjed minn xi wirja ta’ kapaċità waqt kriżi kostituzzjonali.
Il-President Abela, li jtemm il-ħatra tiegħu minn hawn u ħames snin oħra, aktarx ikun bniedem ieħor. Hu se jkun jiltaqa’ u tkellem ma’ sħabu l-kapijiet tal-Istati lkoll ta’ pajjiżi akbar minn tiegħu, se jkun għamel diskorsi fl-ogħla istituzzjonijiet internazzjonali, ħajtu u għemilu se jiġu taħt il-lenti tal-mezzi tax-xandir u tal-Istampa dinjija; se tiġi affettwata l-ħajja tal-familja tiegħu; se jagħmel ħafna ħbieb ġodda u l-ħbieb l-antiki se jarawh f’dawl ġdid.
Jekk dan kollu u ħafna iżjed li jkollu jgħaddi minnu bħala President ma jbiddluhx irid ikun tal-ġebel u mhux tad-demm u l-laħam. Nawgurawlu l-għerf u x-xorti tajba kollha biex din it-trasformazzjoni tiswa ta’ ġid għalih u għalina lkoll.

 

Intervista
Mill-palk għal fuq l-altar

Julia Farrugia tintervista lil Stephen Galea, il-kantant ta’ “Il-Merill Twitt Twitt”




Wenzu Mintoff
Il-kotra qamet f’daqqa



Carmelo M. Bonnici
Populiżmu sproporzjonat



Joe Ellis
Il-presidenza u r-rwol li ġġorr magħha



Emmanuel Micallef
Kunsilli ġodda?



Toni Abela
Min huma dawn l-esperti?


Il-Punt - Catherine Fleri Soler
L-internet – għodda jew arma?


Jiktbu l-kandidati

Alan Deidun PN

John Spiteri – AN

Maria Camilleri - PL

Arnold Cassola– AD

John Zammit – AL

Mary Gauci - Libertas


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan