Carmelo Mifsud Bonnici | 05 ta’ April 2009 Nr 126
Populiżmu sproporzjonat 1. Naħseb li l-aħħar Elezzjoni Ġenerali kienet lezzjoni importanti għal dawk li jridu jifhmu lejn fejn u kif qiegħed iħares l-elettorat Malti. Il-pajjiż, li kieku baqa’ wieħed b’rasu marbuta, li kieku baqa’ wieħed maħkum mill-politika tal-identità u mhux tar-raġuni, kien jivvota għall-Partit Laburista. Minflok, minkejja kull diffikultà li tiġi minn Gvern li jkun ilu fil-kmand is-snin, il-poplu xorta ħass li għandu jikkonferma lill-partit immexxi minn persuna li tista’ ma taqbilx miegħu – biss taf li qiegħed jirraġuna u qiegħed jagħmel dan biex bl-aħjar ħila tiegħu javvanza lill-pajjiż. 2.Fir-realtà kien hemm is-sitwazzjoni ta’ Gvern li tant mexa ’l quddiem fil-programmi tiegħu fil-proġetti kbar li ħalla warajh numru ta’ persuni bi problemi partikolari li baqgħu ma ġewx indirizzati. Fl-aħħar xhur tal-kampanja elettorali kien hemm l-għarfien sħiħ ta’ dan. Li kieku dawk li għażlu li ma jivvutawx ivvutaw, il-maġġoranza kienet tkun ikbar. Biss kien wara dak l-appuntament li numru minnhom fehmu li konna qed nieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba, u minflok kienu qed jieħdu l-impressjoni li qed jiġu divulgati bil-forza ta’ id iebsa, arroganti u li ma tridx tisma’. Il-verità kienet proprju l-kontra. 3. Ħafna mumenti l-aġir tal-bniedem ma jsirx għax hu neċessarjament tajjeb iżda b’reazzjoni lejn xi ħaġa oħra, jew inkella jsir kif għandu però jidher li hu reazzjonarju. Trid tanalizza sewwa l-affarijiet biex tinduna x’sewwasew hi r-raġuni li qiegħda timbotta persuna f’direzzjoni u mhux f’oħra. Mill-esperjenza passata l-Partit, anzi kull politiku, għandu jagħraf x’kienu d-difetti, id-diffikultajiet u jiddritta dak li jista’. M’hemmx agħar għall-politiku t-tajjeb li jittraskura kif qiegħed jasal il-messaġġ tal-ħidma tiegħu lill-poplu. Għalhekk hemm bżonn dejjem iktar ħidma, u magħha min-naħa l-oħra riflessjoni fuq x’qiegħed jasal għand l-elettorat li nirrappreżentaw. X’qiegħed jifhem li qegħdin nagħmlu. 4. Madankollu m’aħniex se naqgħu fit-tentazzjonijiet li nitkellmu biex ningħoġbu. Anqas m’aħna se nippruvaw inkunu fuq iż-żewġ naħat tal-argument. Nagħżlu, niddeċiedu u wara għandna nispjegaw aħjar. M’aħniex partit tal-populiżmu, aħna wieħed tal-popolariżmu. Partit li jfittex li jagħmel is-sewwa biex imexxi s-soċjetà kollha u ma jippruvax iġelled naħa m’oħra. Il-pajjiż tagħna hu magħruf kemm għandu persuni li jħarsu lejn ir-raġuni u hi biss il-minoranza li ma tkunx tridx tisma’. Għalhekk hu żball mill-iktar kundannabbli meta l-argument politiku jitressaq f’termini populisti u mhux abbażi tar-raġuni. 6. Veru li altru kif ġiet ċelebrata 30 sena ilu u altru llum. Imma dak l-argument jgħodd għal kull festa nazzjonali. Hemm tnaqqis ta’ entużjażmu fil-preżenza għax tagħmel sens li tkun hemm fil-jum proprju. Però, meta jgħaddi ż-żmien u jinġabar it-trab, jonqos iktar is-sens u r-raġuni li tkun hemm flok toħroġ għall-arja jew tibqa’ tara ċ-ċelebrazzjoni mid-dar. Dan naħseb li hu ċar daqs il-kristall. Biss din id-darba kienet fir-realtà l-ewwel appuntament importanti għall-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista. Għalhekk wieħed jifhem għala kien hemm tant bżonn ta’ polemiċi vojta. 7. Dan kien, strateġikament, żball politiku għax ġiet marbuta l-popolarità tiegħu fuq karta tal-eżami ma’ jum li ma baqax wieħed ta’ politika partiġġana. Kien evidenti li ma kienx hemm ħafna entużjażmu f’post fejn is-segwaċi huma numerużi. Ma kinux proprju konvinċenti l-argumenti li nġiebu meta f’dawk it-Tlett Ibliet hemm iktar bnedmin li jaraw li xi ħaġa mhux qed taħdem, b’wegħdiet ta’ tmexxija li ma jweġbux għal dak li jistennew u jridu. Ma kien hemm bżonn tal-ebda partiġġaniżmu politiku għal din l-attività, anqas għal populiżmu sproporzjonat. Ir-raġuni kienet tkun biżżejjed. Ir-riżultat hu l-kontra ta’ dak li riedu. Ir-rimedju qiegħed f’li tibdel il-linja politika Laburista kompletament. M’hemmx bżonn it-terremoti ta’ Sansun imma ċ-ċaqliq tas-sewwa, mingħajr populiżmu sproporzjonat.
|
Intervista
|
Email: Illum Search Custom Search
Features
|
Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan