Jiktbu l-kandidati | 29 ta’ Marzu 2009 Nr 126
Waqt li f’Malta u fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea issa bdiet tirranka sew il-kampanja għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew issa tidher li l-lista tal-partiti Maltin kważi hija finalizzata u aħna nawguraw lill-partiti kollha, inkluż l-aħħar wieħed li ġie nawgurat, il-Libertas.
Dan qed nagħmluh għax aħna tant aħna liberali li nemmnu bid-diversità u li Malta għandha jkollha rappreżentanza permezz ta’ Membri Parlamentari Ewropew Maltin fil-gruppi kollha politiċi kemm huwa possibbli u mhux fl-EPP u l-PES biss.
Għalhekk hawn qed nuru fil-qosor ħafna l-manifest li jekk niġi elett jien se nimxu fuqu billi ningħaqdu mal-ALDE/ELDR — il-liberali veri tal-Ewropa u dan il-manifest qed nippubblikawh bil-permess tal-ELDR stess.
Għax għalkemm aħna bhala Alleanza Liberali għadna m’aħniex membri sħaħ fl-ELDR, qed ikollna kuntatti kontinwi magħhom li fl-aħħr iwassluna għal dan l-iskop. L-ELDR qabel ma jdaħħluk membru magħhom ikunu jridu li partit ikollu ċerti kundizzjonijiet li jgħaddi minnhom.
Il-Manifest tal-ELDR għall-elezzjonijiet Ewropej 2009 magħmul fil-kungress ta’ Stokkolma, fil-31 ta’ Ottubru 2008, fih dawn l-aktar 15-il punt importanti u li aħna naqblu magħhom.
Għall-aktar minn 60 sena l-Liberali Ewropej ħadna sehem kbir fit-twettiq tal-paċi, l-għaqda u l-prosperità. Qegħdin nissuktaw bil-ħidma tagħna għal Unjoni aktar ħabrieka u demokratika, għat-twettiq ta’ suq waħdani, għal ambjent mingħajr periklu, u għat-tixrid tal-libertajiet u l-jeddijiet fundamentali. L-ELDR temmen fil-ħtieġa li taddotta t-trattat ta’ Lisbona u tisħaq għall-implimentazzjoni tiegħu. Dan it-trattat jirriforma konsiderevolment l-istuzzjonijiet ta’ l-UE, iżid it-trasparenza, isaħħaħ il-karattru demokratiku u jforni lill-UE b’għodod meħtieġa għall-isfidi dinjin tal-lum. Il-Liberali Demokratiċi Ewropej iħeġġu lill-ġnus, l-imseħbin fl-UE biex jaqblu fuq il-metodi li bihom it-trattat ikun jista’ jiġi mplimentat b’ħeffa.
Il-libertajiet ċivili u l-ħelsien huma s-sisien ta’ Ewropa Liberali.
L-ELDR tisħaq għar-rispett tal-libertajiet ewlenin ta’ l-UE, l-aktar il-libertà tal-Istampa, tal-ħsieb, tat-taħdid, tal-libertà ta’ sħubija, tat-twemmin religjuż u l-akkwist ta’ proprjetà; flimkien mal-jeddijiet tal-minoranzi u tal-individwi għall-privatezza u t-tħaris ta’ tagħrif personali u d-dinjità.
L-ELDR trid lill-UE ssir lok ta’ Ħelsien tabilħaqq, serħan il-moħħ u Ħaqq, u titlob għall-kooperazzjoni aqwa bejn is-servizzi tal-Pulizija u dawk ġuridiċi biex il-krimini, it-terroriżmu u l-korruzzjoni minn pajjiżi barra mill-UE jiġu miġġielda sewwa. Aħna f’Malta se nżidu drittijiet li għad m’għandniex, bħal ħtieġa li tiddaħħal il-liġi tad-divorzju, id-dritt tal-gays li jiżżewġu u drittijiet oħra tagħhom, id-dikriminalizzazzjoni tal-abort, id-dritt tal-ewtanasja u drittijiet oħra li ssibhom fil-pajjiżi membri tal-UE u li aħna s’issa m’għandniex. Biex tassew insiru bħalhom.
Kull min hu interessat jista’ jiġi nhar ta’ Sibt f’60A Triq id-Dejqa, Valletta.
Fi ġranet oħra ċemplu Tel/Fax: 21690365, 99459714, email mail@malta-liberals.org jew mail@john-zammit.eu.
Dr John Zammit hu ġurnalist irtirat li qed jiddedika lilu nnifsu volontarjament għall-promozzjoni ta’ politika liberali għal Malta.