MediaToday

Intervista | 29 ta’ Marzu 2009 Nr 126

Iċ-ċirasa tal-Partit Nazzjonalista

Franica Pulis tintervista lil Mario Galea

Wara snin bħala whip, l-infermier Mario Galea mis-sena li għaddiet ingħata kariga uffiċjali bħala Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità.
Minkejja li xogħlu mhuwiex mill-eħfef, lanqas biss tintebaħ li għandu tant responsabbiltà fuq rasu, għax tiltaqa’ miegħu xorta dejjem ikun lest biex jiġbed saqajn in-nies. Biżżejjed wieħed jaħseb li jrid iħabbat wiċċu ta’ kuljum mal-problemi li għandhom x’jaqsmu ma’ wħud mill-aktar nies vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.
Galea għandu l-għeruq miż-Żejtun fejn trabba, għex u għadu joqgħod hemm. Allura ma jonqosx li mill-ewwel nistaqsih kif inhuma ż-Żwieten u jgħidli: “Orrajt sakemm ma jinqalax xi ħaġ’oħra bl-Irxoxt.”
Għalhekk nistaqsih x’jaħseb dwar li ġara fin-Nadur meta xi żgħażagħ libsu ta’ Kristu Rxoxt biex jiżżuffjettaw b’li kien qed jiġri bejn il-każini u l-purċissjoni tal-Għid.
“Nifhem li hi sensittiva li tmiss affarijiet tar-reliġjon. Li tilbes ta’ soru jew ta’ patri ma narahiex insolenti. Dak li libes ta’ Kristru Rxoxt ma daħħaqnix għax kien in bad taste. Probabbli sħabu, li jafu bil-battibekk lokali li hemm bejn iż-żewġ każini, probabbli daħqu. Ħadd ma fehem iċ-ċajta ħlief in-nies taż-Żejtun. Imma jien li jien Nisrani m’offendiniex. Min ipprova jdaħħaq b’reliġjonijiet oħra wkoll kienet in bad taste. Iżda li ttellagħhom il-Qorti kienet wisq.”
Jitkellem ukoll dwar il-frustrazzjoni tiegħu li l-liġi dwar is-satira baqgħet fejn kienet minkejja li kien semmiha fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra meta kien għadu whip imma kien għalxejn.
“Jien meta nikteb f’Iċ-Ċirasa nagħmel mezz li l-artiklu jispiċċa b’mod umoristiku. Daqqa ddur fuq sħabi u daqqa ddur fuqi. In-nies jiddejqu jarawna fuq pedestall. Iridu jarawna magħhom. Imbilli nidħqu bl-iżbalji tagħna? Iżda li tidħaq b’diżabbiltà ta’ xi ħadd, imbagħad le. “Kieku tidħol is-satira politika u ħadd ma jidħaq bija nieħu għalija. Ngħid li veru m’iniex relevanti.”
Kif jeħduha sħabu jew il-qarrejja li jaqraw ir-rokna tiegħu? Mid-dehra sħabu joqogħdu għassa x’jgħidu quddiemu daqskemm joqogħdu ma’ ġurnalist.
“Mhux l-ewwel darba stess li l-Prim Ministru jieħu żball f’xi ħaġa u jgħid: ‘Din se tispiċċa f’Iċ-Ċirasa’ jew jgħid: ‘tgħiduhiex quddiem Mario għax jiktibha’. B’xi mod naħseb jeħduha ċajta mingħandi.”
Id-diskors idur fuq l-eks kariga tiegħu ta’ whip. Min ġie warajh għandu xogħol aktar iebes?
“Bla dubju, l-maġġoranza ta’ wieħed hi realtà differenti ħafna. Mhix faċli u bħala whip trid toqgħod dejjem attent, imma speċjalment bħalissa. Imqar ikollok wieħed jittardjalek għal vot u kif qegħdin bla pairing.
“Biex isiefer membru, il-permess irid jagħtih il-whip qabel ma jagħtih il-Prim Ministru. Din kienet bdiet fi żmieni.”
Tkellem dwar l-importanza ta’ relazzjoni tajba bejn il-whips.
“Il-partiti jargumentaw bejniethom imma l-whips iridu jikkordinaw bejniethom u jirrispettaw lil xulxin.
“Ma niddejjaqx ngħid li għadni ħbieb ma’ Joe Mizzi s’issa u anki fl-eqqel tal-kampanji kont inċempillu nistaqsih kif inhu sejjer.
Iżda hi aktar diffiċli li tikkontrolla l-membri parlamentari bħalissa?
“Nassumi li iva imma ma narahiex theddida. Jien bis-serjetà nemmen li l-Gvern se jagħmel leġislatura sħiħa. Naraha xi ħaġa pożittiva għax aħna mhux kor. Kor irid ikun kollu fuq l-istess nota.
“Il-Prim Ministru jgħid: ‘meta nitkellem mal-Parlamentari nieħu l-feel ta’ x’se jgħidu barra n-nies.’ Aħna ġejjin minn ambjenti, sfondi, lokalitajiet u familji differenti. Naħseb li r-reazzjoni tal-grupp se tkun rappreżentattiva. Tajjeb li tkun taf x’se jgħidu n-nies.
“Fl-opinjoni tiegħu Lawrence Gonzi għandu don li jitkellem ma’ kulħadd u jaċċetta l-agħar kritika. Wara kollox il-politika hi l-arti tal-kompromess.”
Jgħid ukoll kif jaħsibha dwar George Abela bħala President.
“Naħseb li jkun President tajjeb. Kien pass kuraġġuż ħafna li ħa l-Prim Ministru li seta’ ma niżilx tajjeb ma’ ċerti partitarji Nazzjonalisti u naħseb li jrid ikollok ħafna kuraġġ biex tagħmilha għall-ewwel darba.
“Biex għollejna l-livell tal-politika dejjem kellna bżonn passi bħal dawn. M’għandix dubju li nies oħrajn fil-PN kienu se jkunu tajbin ukoll. Imma din għolliet il-livell ta’ kif imdorrijin nagħmlu politka.”
Jirrakkonta tifkira marbuta mal-President futur li żamma għalih għal aktar minn 20 sena.
“Fl-1987 ommi, missieri u oħti marru biex jivvutaw. Dak iż-żmien kien hemm il-corrupt practices u tawhom xebgħa nobis. Huma nies timidi u mhux imdaħħla fil-politika. Imma kienu Nazzjonalisti, fiż-Żejtun, li dak iż-żmien kienet xi ħaġa kbira li tiddikjaraha.
“Sa filgħaxija huma kienu għadhom ma marrux jivvutaw. Imma kien ġie George Abela, li dak iż-żmien kien jagħmel parti mill-Kummissjoni Elettorali. Kien ħadilhom il-voti mill-but, għax min tahom xebgħa hekk kien ipprova jagħmel, u ħadhom hu stess sal-iskola biex jivvutaw.
“Dakinhar qeda dmiru iżda naħseb li għamel aktar milli kien mistenni minnu. Lil ommi u lil missieri kien hemm ħafna nies li rawhom isawtuhom u m’għamlu xejn. Huma daħlu għad-9pm jivvutaw. Imbagħad wassalhom lura d-dar. Niftakar ħija lanqas biss kien irnexxielu jivvota.
“Tgħidli: m’għandux passat? Imma mhux anki jien hemm affarijiet li ma messnix għidt?”
Nibdew nitkellmu dwar il-kariga tiegħu u x-xogħol marbut magħha. Taħtu jaqgħu l-anzjani u s-servizzi kollha marbutin magħhom, id-diżabbiltà u s-saħħa mentali. Meta tqis kollha huma għadma iebsa weħidhom, aħseb u ara flimkien. Nibdew bl-anzjani.
“L-għan tagħna hu li nżommu lill-anzjani kemm jista’ jkun fil-komunità. It-trawma li jiċċaqilqu mid-dar hi kbira anki jekk id-djar u l-isptarijiet huma sbieħ. Għamluli rapport dwar is-servizz fil-komunità. Irridu niżviluppawh aktar.”
Iżid jgħid li għall-ewwel darba hemm 19-il infermiera li qed jiggradwaw f’kura fil-komunità. Dawn jitpoġġew f’raħal biex iżuru lill-komunità biex jaraw hemmx bżonn ta’ kura.
Jirrakkonta kif darba ż-Żejtun kien hemm mara li għamlet bdil ta’ rkoppitha u bdiet tikxef il-ferita biex turiha ma’ kull min ltaqgħet. Galea kien jaf li qed tagħmel ħażin għal saħħitha. Fil-fatt spiċċat bi infezzjoni kbira fl-isptar u kont akbar għall-Gvern. Bis-servizz fil-komunità jiġu evitati ċerti sitwazzjonijiet għax l-infermiera jkunu jafu min mill-pazjenti jista’ jkollu bżonn attenzjoni aktar minn oħrajn.
“Is-sitwazzjoni tal-lum hi li jekk għandek nannu b’infezzjoni f’sidru jdum sebat ijiem f’sodda Mater Dei biex jgħaddilu. Minflok dan jista’ jieħdu ħsiebu dawn l-infermiera waqt li hu jibqa’ f’daru.”
Mistoqsi għandux idea jekk hawnx rata għolja ta’ suwiċidju fost l-anzjani, is-Segretarju Parlamentari qal li m’għandhomx statistika iżda ma jaħsibx li hu hekk.
“Nirrispondik mod ieħor. Qed naħdmu biex ikollna Crisis Intervention Team biex meta jkun hemm xi ħadd li wasal biex jagħmel suwiċidju jintbagħat mal-Pulizija. F’dawn il-kriżi ta’ saħħa mentali iktar milli s-saħħa biex iżżommu jrid ikun hemm xi ħadd li kapaċi jitkellem miegħu.
“Dawk li jkunu se jagħmlu suwiċidju normalment jgħajtu għall-għajjut. Uħud iċemplu. Għalhekk għandna bżonn tim li jkun imħarreġ.”
Minn hemm qlibna dwar is-saħħa mentali li hu jħoss għad hemm ħafna xi jsir, aktar milli fis-servizzi, fil-mentalità ta’ kif ħafna nies għadhom jħarsu lejha.
“Tant għadha kbira l-istigma li għandna nies li jistgħu joħorġu minn Monte Carmeli iżda l-familji ma jaċċettawhomx lura, ma jżuruhomx u ma jkollhomx post fejn immorru.”
Iżda għallinqas ġew ivvutati flus għal proġett f’Ħal Qormi. Parti miċ-Ċentru tas-Saħħa t’hemm jara pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali. Il-psikologu jara l-pazjenti kull meta hemm bżonn. F’mumenti ta’ kriżi l-pazjenti jmorru hemm u ġieli anki jinżaru f’darhom. Hemm ukoll ċentri ta’ filgħodu li jgħallmuhom ħiliet bażiċi.
“Dan naqqas ħafna milli ċerti pazjenti jintbagħtu Monte Carmeli jew għenhom idumu inqas ġranet fih. Fil-fatt minn 60 pazjent outreach, 36 ma reġgħux daħlu l-isptar filwaqt li l-24 l-oħra minn jum saru joqogħdu l-isptar għal medja ta’ jumejn nofs.
“Il-popolazzjoni ta’ Mount Carmel nixtieq li tonqos. Fl-isptar jeżistu stejjer ta’ suċċess. Sfortunatament ma tistax tiftaħar bihom għax jibżgħu li jiġu ttrimbrati. In-nies ifiequ wkoll u anki jsibu xogħol.
“Kien hemm nies li ilhom 20, 30 sena li jkunu tilfu l-ħiliet bażiċi. Ma jkunux jistgħu jkampaw barra mill-isptar għax f’Monte Carmeli ma ssajjarx u tafx tgħodd il-bqija għax ma tixtrix.”
Għal dawn in-nies hemm post il-Furjana li jżomm 20 ruħ. Magħhom ikun hemm il-carers li jgħinuhom u jgħallmuhom. Skont Galea hi storja ta’ suċċess. Bħalissa qegħdin jaħdmu mal-Fundazzjoni Richmond biex ikun hemm hostel għan-nisa għax m’hawnx.
Jiddiskuti t-tfal u żgħażagħ fil-Young People’s Unit f’Monte Carmeli. Inħoloq grupp apposta biex jaħdem fuq riċerka ħalli jaraw jekk dawn il-pazjenti għandhomx jinħarġu fil-komunità jew jibqgħux fejn huma.
L-aħħar ftit tal-intervista waqgħet fuq id-diżabbiltà f’Malta. Galea ma jħossx li hu settur li qed jingħata fil-ġenb għax żdiedu l-fondi u hemm anki koppji li qed jgħixu flimkien.
“Qed isir imma jrid isir aktar.”
Nistaqsih dwar il-bankini għoljin, ir-rampi li ma jeżistux jew huma wisq weqfin u t-toroq mimlijin ħofor li min m’għandux bżonn krozzi, bastun jew siġġu tar-roti wkoll kapaċi jsibha diffiċli jimxi fit-triq.
“Nixtieq li l-membri parlamentari nerġgħu nagħmlu dik is-siegħa f’siġġu tar-roti nduru fil-Belt ħalli terġa’ tqum il-kuxjenza u jinħass il-bżonn għaliha. Din kienu organizzawha il-Kummissjoni Nazzjonali tad-Diżabbiltà kienu organizzawha. Qabdu l-membri miż-żewġ naħat u poġġewhom f’siġġu. Dak iż-żmien lanqas rampa għall-Qorti ma kien hemm,” spjega ż-Żejtuni, “Minbarra li diżabbiltà hemm anki dik temporanja għax jekk tikser sieqek issir diżabbli.
“Il-Kummissjoni qed taħdem ħafna. Lili għallmuni ħafna. Fost l-oħrajn qaluli li r-rampi mhumiex kollha tajbin.
“Imma hi tal-mistħija li dan il-bini, li minn dejjem kien id-Dipartiment tas-Saħħa, ma fihx rampa u allura m’hemmx aċċess għalih minn dawn in-nies.”
Galea donnu għadu ma telaqx il-professjoni ta’ infermier minn idu. Mhux ta’ b’xejn uħud miż-Żwieten għandhom wiċċu mwaħħal mal-ħajt, sitwazzjoni li jistqarr li jsib veru imbarazzanti meta jżurhom.

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan