MediaToday

Il-Punt - Vicky Licari | 29 ta’ Marzu 2009 Nr 126

Il-bidla fil-mentalità sportiva

Matul is-snin sar żvilupp enormi mhux biss fil- kwalità ta’ atleti li Malta qed tipproduċi, iżda wkoll fil-mentalità ta’ din il-ġenerazzjoni. Għal ħafna fl-isport, l-atleti biss jagħmlu parti minnu. Dawk li jieħdu l-glorja mistħoqqha. Iżda mhux biss.
Hu vera li fl-aħħar mill-aħħar ir-riżultati jridu jkunu li jperpru l-bandiera iżda meta wieħed jieqaf jaħseb dwar dak kollu li jsir biex jintlaħaq dak il-għan, jinduna kemm fil-verità jkun hemm għadd ta’ nies involuti. Huma nies dedikati li fil-fond ta’ qalbhom iħossu l-bżonn jagħtu sehimhom bl-ideat u bix-xogħol fiżiku u anke volontarju joħorġu għonqhom għal kull sagrifiċċju meħtieġ biex tiġi organizzata laqgħa, konferenza, taħriġ u fuq kollox kompetizzjoni.
Hu xieraq li wieħed jinnota u japprezza li pajjiżna m’għadux biss jipparteċipa ‘għall-isem’, kemm inkunu preżenti mal-kumplament tal-globu. Iżda bis-saħħa ta’ programm ta’ preparazzjoni professjonali l-Maltin qed imorru jieħdu sehem u jikkompetu. Wieħed irid joqgħod attent iżda għax għalkemm għamilna passi importanti, ħaddieħor dawn il-passi qed jagħmilhom ikbar u b’mod li jħallu iktar frott.
Is-sitwazzjoni tal-isport f’pajjiżna bħalissa hi li iktar ma qed jgħaddi ż-żmien iktar tfal minn età żgħira qed jersqu lejh. Dawn it-tfal mhux qed imorru hemm għall-gost biss iżda qed isibu kowċis professjonali u kwalifikati li jħarrġuhom.
Wara dan l-istadju bażi l-aħjar minnhom qed isibu posthom fi klabbs organizzati għal dawk li huma timijiet jew inkella f’sistema elitista li twassal lil atleti biex imorru f’kompetizzjonijiet internazzjonali u jirbħu.
Wasalna fi stadju fejn fl-aħħar snin Malta b’investiment sostanzjali ta’ flus qed ikollha atleti li jirbħu midalji f’diversi logħob. Dan qed isir minħabba sistema ta’ kura lill-atleti li tinkludi laboratorju xjentifiku, kowċis u assoċjazzjonijiet kollha taħt il-kappa tal-Kumitat Olimpiku Malti.
La hi x-xewqa tal poplu Malti li pajjiżna jikseb l-ewwel midalja Olimpika allura jrid ikun hemm sforz kollettiv ikbar biex sa fl-aħħar din il-ħolma titwettaq. Huma diversi l-fatturi li jridu jiġi indirizzati biex naslu għal passi ikbar.
Bla dubju l-ikbar u l-ewwel fattur hi l-kwistjoni ta’ mentalità. Tieħu gost tisma’ li persentaġġ sostanzjali ta’ ġenituri qed jistennew l-età ġusta biex jintroduċu lil uliedhom għal sport. Daħlet id-drawwa wkoll li l-ġenituri wkoll jinvolvu rwieħhom fl-organizzazzjoni.
Issaħħet ukoll l-edukazzjoni fl-iskejjel u għal kuntrarju ta’ dak li kien jiġri qabel żdiedu l-ġenituri li jitolbu lill-iskola biex torganizza iktar sport. Sar ukoll żvilupp minn naħa tal-Gvern fil-faċilitajiet għall-iskejjel u dan l-aħħar saħansitra l-Kunsill Malti għall-Isport fetaħ il-faċilitajiet fl-iskejjel għal wara l-ħin tal-iskola.
Ta’ min jinnota wkoll li anke sempliċiment tixgħel it-televiżjoni, l-għażla ta’ stazzjonijiet sportivi hi waħda vasta, programmi sportivi wkoll, u f’kull ħin tal-ġurnata, saħansitra anke waqt programmi tat-tfal b’servizzi addattati. Tmur f’ristoranti u bars spiss issib screens li jittrasmettu l-isport. Imma dan biżżejjed?
Żgur li le. Hemm bżonn li l-ogħla istituzzjonijiet fil-pajjiż jirrikonoxxu l-importanza tal-isport u jagħmlu minn kollox biex b’kampanja ta’ reklamar kbira jdaħħlu l-isport f’kull settur tas-soċjetà. Hemm bżonn li iktar kunsilli lokali jagħmlu promozzjoni u attività sportiva għal kulħadd. Hemm bżonn li l-Ministeru tal-Edukazzjoni jirriforma l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel tagħna. Hemm bżonn ukoll li kull min jipprateċipa fl-isport jiġi rikonoxxut għal dak kollu li jagħmel permezz ta’ eżenzjoni mit-taxxa li jħallas matul is-sena.
Il-mentalità li trid tinbiddel ukoll mill-mod ta’ kif il-Gvern u s-settur privat iħarsu lejn l-isport. L-isport irid ikun ukoll mezz ta’ introjtu għal pajjiżna. Każ ċar ta’ investiment sportiv li jrendi hu tal-Powerboats P1 u x-Chaudron.
Fattur ieħor importanti hu dak tal-kunfidenza tal-atleti żgħażagħ Maltin, li meta jaffaċċjaw avversarji barranin, ma jħossuhomx inferjuri. Donnu spiċċa ż-żmien li nħossu li l-barrani hu aħjar minna.
L-atleti Maltin, anke grazzi għal preparazzjoni psikoloġika eċċellenti u li huma konxji mill-fatt li fiżikament huma preparati, qed imorru b’iktar kunfidenza. Iżda biex il-pass ikun ikbar hemm bżonn li dawn l-atleti jinvolvu rwieħhom aktar spiss f’kompetizzjonijiet internazzjonali.
Hemm bżonn li iktar atleti joħorġu miċ-ċirku familjari u jħallu lil pajjiżhom għal esperjenzi ikbar barra l-pajjiż bħalma ġara f’każi ta’ futbolers li kisbu suċċess barra fi ftit żmien għax kienu determinati.
Il-pass ’il quddiem irid ikun li atleti minn sport individwali jkunu lest biex iħallu artna għal sfidi ikbar u dan bla dubju jwassal ukoll għal progress enormi fil-kunfidenza tagħhom u anke kif iħarsu lejn il-kompetizzjoni. Kompetizzjoni li ma tibqax ta’ darba kultant iżda li ssir xi ħaġa ta’ kuljum.
Inħarsu ’l quddiem. Inħarsu pożittivament lejn l-Olimpjadi tal-2012 u anke dawk tal-2016. Fiduċja sħiħa fl-atleti, kowċis u amministraturi ta’ pajjiżna li jekk kollha jiġbdu ħabel wieħed u kulħadd jinsa d-differenzi, nikkonvinċu rwieħna li nistgħu naslu.
Nistennew il-mument fejn naqraw u nisimgħu li Malta ġabet l-ewwel midalja Olimpika u minn hemm ’il quddiem l-affarijiet żgur isiru iktar faċli.

Vicky Licari hi ġurnalista sportiva, produttriċi u preżentatriċi ta’ programmi sportivi

 

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan