MediaToday

Intervista | 22 ta’ Marzu 2009 Nr 125

Il-ħolm imlibbes

Franica Pulis tintervista lill-kostumista May Vassallo

L-isem May Vassallo hu marbut mal-kostumi. Tisma’ isimha l-ewwel ħaġa li tiġik f’rasek huma kostumi tal-ballijiet jew tal-opra. Il-fama ta’ Vassallo bdiet hekk kif misset mat-Teatru Manoel u għamlet 10 snin kostumista hemm. Iżda mill-1999 bdiet taħdem għal rasha f’dar żgħira fi Triq iz-Zekka fil-Belt, li kif wieħed jista’ jimmaġina, ma fihiex toqba li ma mtlietx bil-kostumi li ħietet matul iż-żmien.
Illum iltaqgħet ma’ din il-kostumista magħrufa biex tara x’hemm wara isimha, issir taf xi ftit aktar dwarha kif ukoll dwar dak li hu marbut ma’ xogħolha.
Vassallo hi mara ta’ statura żgħira fuq ruħha li l-ħin kollu ddur min-naħa għall-oħra tal-kamra fejn isiru l-kostumi. Tiċċekkja l-internet u tirrabja mal-kompjuter għax ma jridx jaħdem sew, toffrilek belgħa kafè, tiftaħ il-bieb, tirrispondi t-telefon, tikkordina mal-klijenti, eċċ. Biss biss il-ġurnata ta’ qabel kellha tipprova l-kostumi lil 150 attur għall-istess teleserial. Kulħadd bl-appuntament tiegħu daqslikieku sejjer għand id-dentist.
Fl-aħħar tpoġġi bil-qiegħda biex nibdew. Naħseb nitfgħalha l-itqal mistoqsija: għandek idea kemm ħitt kostumi s’issa?
Tgħolli għajnejha b’sinjal ta’ “mur wieġbek”. Nistaqsiha: Mijiet?
“Mela,” tirrispondi minnufih. Iddur fuq l-assistenta tagħha. “Tgħid kemm għamilna kostumi? Aħna dejjem nagħmlu. Dawn li hawn hawn huma kollha tiegħi.”
Vassallo ilha 20 sena f’din il-karriera tal-ħjata bl-aħħar 10 tqattagħhom għal rasha. Mid-dehra xogħolha beda grazzi għall-mużika u mhux għall-missierha li kien ħajjat magħruf.
“Jien kont qiegħda barra nixtri. Dak iż-żmien kien hemm is-Sur Pawlu Asciak bħala l-Maniġer Ġenerali tat-Teatru Manoel. Mindu żgħira dejjem tgħallimt il-mużika. Dak iż-żmien kelli kor tat-tfal tal-Knisja.
“Is-Sur Pawl staqsieni biex nagħmel silta mill-opra Perpignan lill-kor tat-tfal. Minn hemm komplejt naħdem miegħu anki biex nirranġalu l-manuskritti. Imbagħad bdejt nagħti daqqa t’id fil-kostumi.
“Meta telqet il-kostumista tat-Teatru Manoel dħalt naħdem flokha u bdejt nieħu ħsieb il-kostumi kollha tal-produzzjonijiet tat-Teatru.”
Allura l-mużika tlaqtha?
“Ma ħallejthiex il-mużika,” tgħidli b’ħarsa kemmxejn imqarba. Fil-fatt hi baqgħet iddoqq il-pjanu u l-orgni u saħansitra tkanta ma’ bosta korijiet fosthom mal-Colleggio Musicum li jmexxi Dion Buhagiar.
Nistaqsiha jekk il-ħjata kinitx xi passatemp tat-tfulija. Twieġeb li le.
“Jien kelli fashion house u ġejja mill-familja tiegħi. Missieri, Domnic Fenech, kien magħruf ħafna għall-ħjata tal-uniformijiet tal-pulizija, tad-dwana, tas-suldati, eċċ.
“Jien ma kontx inħobbha l-ħjata. Il-papà kien isus ħafna biex immur ngħinu imma jien ma kontx inkun irrid immur.”
Sakemm nikteb Vassallo u l-assistenta tagħha jiddiskutu bejniethom id-daqs ideali għaċ-ċfuf għat-tfal. Nistaqsiha mbagħad x’ġara biex spiċċat f’xogħol li qatt ma riedet tagħmel. Tieqaf, tħares lejja u tgħidli: “Mel’inti kollox trid tkun taf?” Imbagħad irrakkuntatli ħajjitha f’nifs wieħed.
“Ħajti nbidlet. Dħalt soru u għamilt 10 snin fil-kunvent. Kif ħriġt sibt ir-raġel tiegħi. Sena u erba’ xhur wara żżewwiġna. Għandi żewġt itfal: Julian u Antoine. Imbagħad iltqajt mas-Sur Pawl. Il-bqija tafu.”
Żewġha qatt ipprova jwaqqafha milli taħdem jew ħassu skomdu li taħdem dawk is-sigħat kollha?
“Le, xejn. Anzi kien jgħinni u għadu sal-ġurnata mqaddsa tal-lum.”
Fl-isfond tinstama’ l-magna tal-ħajta għaddejja. It-telefon iċempel ta’ spiss. Hu post kwiet iżda mimli ħajja u enerġija.
Int stess tħobb tilbishom il-kostumi tal-epoka?
“Iva, anki fil-Karnival. Li jkunu tal-opri jkunu tiegħi. Ġeneralment meta nieħu sehem f’xi opra mbagħad inħallihom hawn.”
Titkellem dwar l-esperjenza li kellha mal-kantanti Taljani Massimo Ranieri u Romina Power.
“Ranieri libbistu Dar il-Mediterran u għamel spettaklu hemm. Raġel taz-zokkor. Il-ħin kollu għaddej ‘baci, baci, baci’.
“Romina Power ħdimt magħha darbtejn. Ġiet Malta tagħmel vidjo tas-CD tagħha. Iżżomm xi ftit lura imma miegħi kienet ħbieb.”
Tirrakkonta dwar darb’oħra meta kellha kantanta mit-Turkija li bħal Romina Power ġiet Malta biex tagħmel il-vidjo u Vassallo ħitetilha l-kostumi tagħha. Iżda sfortunatament laqtitha traġedja kbira.
“Fl-istess żmien kien għamel dak it-terremot kbir it-Turkija u mietu nofs il-krù,” tgħidli b’sogħba. “Kienu orrajt ħafna.”
Vassallo tħit kull tip ta’ kostumi. Tagħmel ħafna teleserials, drammi, opri (speċjalment dawk li jittellgħu f’Għawdex), id-drammi ta’ Shakespeare bil-Malti ta’ Mario Micallef u sa ftit jiem ilu kienet għadha għaddejja bil-kostumi ta’ Inċest li Micallef kien protagonist fih ukoll.
“Ma’ Mario ħdimt għal ħafna snin. Ili 15-il sena naħdem miegħu.”
Bħala ġeneru ta’ kostum, Vassallo tippreferi l-aktar il-Venezjan għalkemm skont hi kull kostum fih is-sodisfazzjon tiegħu. Wieħed mill-aktar kostumi għaljin kapaċi jiswa mal-€500.
S’issa għadha qatt ma rrifjutat li taħdem fuq kostum u ma tarax li hemm xi differenza bejn in-nisa u l-irġiel meta jiġu jippruvaw il-kostumi fejn tidħol fittaġni ta’ perfezzjoni.
L-iktar wieħed stramb li qatt ħadmet fuqu?
“Inħossu stramb mhux għax mhux kull kostum mhux stramb. Imma mbagħad jew ikolli nħammġu bit-tajn jew naħslu spiss biex jidher qadim u kieku taf kemm niddejjaq. Imma la jkun talbu d-direttur...”
Bħala produzzjonijiet ma tippreferix waħda minn oħra.
“Għalija xorta. Ikollok iktar responsabbiltà f’oġġett milli f’ieħor. Ilbieraħ kelli 150 ruħ xi nlibbes għal teleserial.”
Vassallo tħoss li t-talba għall-kostumi żdiedet. Ir-rutina tagħha tibda mill-ewwel ta’ Jannar. F’dak iż-żmien tibda taħseb għall-Karnival u meta jiġi kmieni ġieli anki mill-Milied. Imbagħad ikollha San Valentinu, wara d-drammi tal-Passjoni, l-opri fis-sajf, imbagħad Halloween u fl-aħħar il-pageants tal-Milied. Matul is-sena jkollha t-teleserials, drammi oħrajn u l-parties privati li jkunu bil-kostum.
L-aktar mumenti li jogħġbuha f’xogħolha huma meta jieħdu t-tfal tal-iskejjel għandha biex jippruvaw il-kostumi.
“Ikun hawn ukoll teleserials żgħar li meta jiġi l-karattru prinċipali jiġu jiġbdu l-filmat għall-making of. Dawn huma mumenti li jogħġbuni ħafna.”
Il-kostumista studjat barra minn Malti r-restawr ta’ paramenti sagri li hu lbies u materjal tal-Knisja bħal stoli, pavaljuni, eċċ. Xogħol restawrat minn tagħha jinsab il-Marsa. Hi kienet ukoll waħda mill-persuni mqabbda mill-Fondazzjoni Patrimonju Malti biex jirrestawraw il-kostumi li kellhom f’idejhom għall-wirja li kienet saret fl-1998.
“Aħna nagħmlu kollox. M’aħniex ristretti fuq oġġett wieħed. Il-klijent tagħna jrid jiġi u joħroġ sodisfatt minn hawn. Naraw li kollox ikun nadif. Fil-fatt fuq għandi dilluvju bil-kostumi tal-Karnival li għadhom iridu jinħaslu.”
F’ħin minnhom tisserja, iddur fuqi u taqsam miegħi l-akbar ħsieb li għandha jberren f’moħħha.
“Jien għandi 65 sena. Il-problema tiegħi hi li nsib lil xi ħadd li jista’ jkompli warajja. Jien m’iniex ħajjata. Jien kostumista, persuna li nlibbes lill-atturi għad-drammi. Jien lesta li jiġi xi ħadd hawn u ngħallmu s-sengħa bil-paċenzja kollha. Għax dan il-patrimonju ma’ min ħa nħallih? Jien żewġ subien għandi.”
Qabel nitlaq Vassallo tgħidli b’ċerta kburija li ilha tliet snin Dama mal-Kavallieri tas-Santu Sepulkru ta’ Ġerusalemm, titlu li ngħatalha mill-Vatikan wara li saritilha nomina minn Malta. Huma l-Kavallieri li jilbsu l-iswed bis-salib l-aħmar.
“Għamluli nomina sabiħa ħafna. Urew fiduċja kbira fija u b’hekk nista’ nagħmel xi ħaġa għall-ħaddieħor.”
L-aħħar mistoqsija: għaliex jogħġbok daqshekk dan ix-xogħol?
“Is-sodisfazzjon u li tiltaqa’ ma’ nies mill-aspetti kollha tal-ħajja.”
Imbagħad qaltli ma’ liema klijenti tieħu gost taħdem l-aktar. Imma dik tibqa’ kelma bejn tnejn.

 

Intervista
Il-ħolm imlibbes

Franica Pulis tintervista lill-kostumista May Vassallo




Wenzu Mintoff
Biografiji



Carmelo M. Bonnici
Id-dritt tal-espressjoni



Joe Ellis
Bla gwerra u bla paċi



Emmanuel Micallef
Il-korruzzjoni sportiva



Toni Abela
Il-Festi Nazzjonali


Il-Punt - Tonio Bonello
Il-każ Fritzl u l-116000


Jiktbu l-kandidati

John Zammit - ALDM

Mary Gauci - Libertas

Josie Muscat - AN

Arnold Cassola - AD

Edward Scicluna - PL

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan