Editorjal | 22 ta’ Marzu 2009 Nr 125
Mela Roberta Metsola Tedesco Triccas serqet il-qlub tal-massa meta ħaditha kontra l-Gvern li hu monopolju tal-partit tagħha stess talli ma jridx jagħti lura l-flus li ġabar bħala VAT fuq it-taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq karozzi mpurtati bejn l-2004 u l-2008. Qalgħet prosit kbir mingħand min ħallas minn mijiet sa eluf ta’ ewro f’taxxa u fl-aħħar beda jisma’ li jista’ jirbaħha lura.
Qalgħet ukoll ċamata mingħand seħibha l-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech talli skont hu waqgħet għall-ispin tal-Partit Laburista li kien diġà għamel festa b’din is-sitwazzjoni u ġabar l-appoġġ ta’ eluf kbar li damu s-sigħat fi kju madwar il-Ħamrun biex jinkitbu fil-proċeduri legali li wiegħed li se jieħu l-partit ta’ Joseph Muscat.
Fost it-tgħajjir tas-soltu nstemgħet l-akkuża li l-Oppozizzjoni kienet irresponsabbli meta tgħin lil min irid jiġbor flusu mingħand il-Gvern għaliex dan il-ħlas, jekk qatt isir, iħalli toqba ta’ €50 miljun fil-kontijiet tal-Gvern. Metsola Tedesco Triccas baqgħet soda u qalet ċar u tond li l-fatt li hi somma kbira ma jwassalx għal xi konklużjoni li l-Gvern m’għandux iħallasha lura.
Il-bużillis kollu jagħqad fuq il-kwistjoni jekk dawn il-flus inġabrux illegalment mill-Gvern. Jekk le l-Gvern se jżommhom għalih. Jekk iva, il-Gvern se jżomm il-biċċa l-kbira għaliex se jibqa’ jippretendi li min iridhom ikollu jagħmel kawża l-qorti biex jiġborhom u ħafna nies ma jaslux.
Metsola Tedesco Triccas kienet kapaċi tiżloq mis-sunnara fuq din il-kwistjoni tal-legalità billi rraġunat li l-Gvern ħa ħsieb jirranġa l-qagħda tiegħu mill-1 ta’ Jannar u għalhekk il-Kummissjoni Ewropea ma tkomplix tieħu passi kontrieh u ma jkunx hemm dikjarazzjoni awtorevoli mingħandha li l-Gvern Malti kien kiser il-Liġi u ġabar dawn il-flejjes f’taxxa illegali.
Metsola Tedesco Triccas sostniet b’mod mill-iżjed raġonevoli li l-irġulija titlob li l-Gvern iħallas xorta waħda. Il-Gvern baqa’ ma jridx iħallas u Metsola Tedesco Triccas baqgħet kandidata tal-PN għall-elezzjonijiet Ewropej.
U dan kollu aċċettabbli u raġonevoli fil-kuntest tal-politika Maltija. Ħadd ma talabha tirriżenja biex iżżomm sħiħa l-koerenza politika tagħha. Għalina ħaġa normali li tagħmel kompromess bħal dan, teħodha qatta bla ħabel kontra l-politika tal-Gvern immexxi mill-partit tagħha waħda, l-oppożizzjoni tagħha tibqa’ għal kollox bla effett u minkejja kollox tibqa’ timmilita fi ħdan l-istess partit u trid li tiġi eletta f’ismu.
Jista’ wieħed jifhem li l-PN jew il-Ministru Tonio Fenech qed iwaqqgħha għaż-zuffjett, jew agħar, li bejniethom qegħdin jagħmlu teatrin sħiħ u jgħaddu biż-żmien lill-eletturi tal-partit tagħhom. Kwistjoni bħal din tolqot lil kulħadd għaliex tolqot direttament fil-but iżda bħala prinċipju tolqot b’mod partikolari lil min jappoġġa lill-PN li jisħaq iżjed fuq il-proprjetà privata u d-dritt taċ-ċittadin kontra l-Istat. Mhix kwistjoni amministrattiva newtrali imma hi kwistjoni ta’ prinċipju u għalhekk wieħed kien jistenna li Metsola Tedesco Triccas tirtira l-kandidatura tagħha.
Iżda pass bħal dan ma jiftihemx fil-kultura politika tagħna. Ħadd m’għandu għalfejn jirriżenja jew jirtira minn xi tellieqa l-iżjed fuq kwistjoni ta’ prinċipju. Fil-balbuljata politika tagħna kollox jgħodd, kollox jgħaddi, kollox possibbli.
Hemm ukoll l-utilità tad-diskors kuntrarju. Peress li kollox jgħaddi dawk li jappoġġaw lill-PN u li jsibu ruħhom skandalizzati mill-aġir tal-Gvern minflok li jipprotestaw billi jirrifjutaw li jivvutaw jew li jivvutaw għall-partit tagħhom fl-elezzjoni, isibu tilqagħhom lil Metsola Tedesco Triccas, tmellishom bi kliemha, issabbarhom fid-dissidenza tagħhom u taljenahom għal kollox mill-fatt li l-iskandlu u l-protest tagħhom ma jiswew xejn. B’għaqal kbir Metsola Tedesco Triccas terġa’ tiġbor il-vot tagħhom bi protesta kontra l-PN u tagħih dritt lura lill-PN. U l-opra tkompli b’librett miktub qabel l-aħħar gwerra fi żmien it-totalitarjaniżmu meta mix-xellug sal-lemin ixxandar il-vanġelu tal-partit wieħed li jista’ kollox u li fih issib minn kollox.
In-nasba l-kbira għalina l-Maltin hi li għandna żewġ partiti li għadhom imdakkrin minn din il-kultura u għaliex għandna tnejn. It-tnejn jistgħu jgħidu li m’għandniex Stat ta’ partit wieħed imma għanda l-pluraliżnu. Veru li l-iċken pluraliżmu possibbli, il-pluraliżmu minimu ta’ tnejn biss, iżda pluraliżmu. U b’hekk jinħeba għal kollox il-fatt li t-tnejn li huma għadhom sal-lum imantnu kultura li Oliver Friggieri waħħlilha t-tikketta ta’ totalizzanti.
|
|

Franica Pulis tintervista lill-kostumista May Vassallo
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- Tonio Bonello
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|