MediaToday

Aħbarijiet | 15 ta’ Marzu 2009 Nr 124

L-istazzjon taċ-Ċaqnu jibda jxandar fil-ġimgħat li ġejjin

Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt

Jidher li Calypso TV, l-istazzjon televiżiv li jrid iwaqqaf il-kuntrattur Charles Polidano, aktar magħruf bħala ċ-Ċaqnu, mistenni jingħata l-liċenzja fi żmien ftit tal-ġimgħat oħra.
Mistoqsi meta l-Awtorità tax-Xandir kienet se tagħti l-liċenzja lill-Calypso TV, il-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Awtorità tax-Xandir, Pierre Cassar, stqarr ma’ Illum li “l-applikazzjoni bħalissa qiegħda tiġi pproċessata mill-Awtorità u deċiżjoni mistennija li tittieħed fi żmien qasir.”
Mistoqsi dwar x’tip ta’ programmi jkun ixadar Calypso TV ladarba jibda jxandar Cassar ma riedx jiżela iktar dwar dan. “It-tip ta’ programmi jitħabbru meta tinħareġ il-liċenzja,” qal Cassar lil Illum.
Iżda din il-gazzetta tinsab infurmata li fost il-programmi li se jkun hemm fuq dan l-istazzjon hemm ukoll bulletin tal-aħbarijet u programmi ta’ analiżi tal-gazzetti.
Bl-istazzjon tat-televiżjoni Polidano jkompli jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fix-xandir wara li ftit tas-snin ilu kien diġa’ xtara l-istazzjon tar-radju Calpyso Radio.
Fl-1 ta’ Frar 2009 din il-gazzetta żvelat li Calypso TV kien diġà beda x-xandiriet bi prova fuq is-servizz tat-televiżjoni diġitali terrestri tal-GO Plus TV il-Ħadd ta’ qabel. Fil-fatt il-kanal li fuqu kienu qed isiru x-xandiriet bi prova ma baqax aċċessibbli għall-abbonati tal-GO Plus TV ftit tal-jiem wara li Illum kien żvela l-eżistenza tal-istazzjon il-ġdid.
Minkejja li l-kap tal-Awtorità tax-Xandir qal lil din il-gazzetta li “ix-xandiriet bi prova jibdew ladarba l-Awtorità tax-Xandir tapprova l-liċenzja”, dawn ix-xandiriet għadhom għaddejjin sal-ġurnata tal-lum.
Mhux magħruf jekk ix-xandiret ta’ Calypso TV humiex se jkunu aċċessibbli wkoll fuq is-servizz tal-Melita Digital fuq il-Cable.
Dakinhar, mistoqsi minn Illum jekk kinitx saret applikazzjoni mis-sidien ta’ Calypso Radio għal liċenzja għal stazzjon tat-televiżjoni diġitali terrestri, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita’ tax-Xandir ta’ dakinhar, Kevin Aquilina, kien ikkonferma li kienet saret din l-applikazzjoni.
“Il-kumpannija li applikat f’Diċembru 2008 għal liċenzja għal stazzjon tat-televiżjoni hija Calypso Media Communications Limited,” Aquilina kien stqarr.
Iżda minkejja li kienu bdew ix-xandiriet bi prova l-eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir kien insista li sa dak iż-żmien kienet għadha ma nħarġet l-ebda liċenzja tax-xandir lil dan l-istazzjon.
Mistoqsi xahar ilu fiex waslu d-diskussjonijet bejn l-Awtorità u l-promoturi ta’ Calypso TV u x’tip ta’ programmi jkun ixandar l-istazzjon il-ġdid, Aquilina kien stqarr ma’ Illum li “l-applikazzjoni għadha qed tkun proċessata mill-Awtorità u f’dan l-istadju għadu kmieni wisq biex nagħtu dettalji dwar l-iskeda tal-programmi.”
Charles Polidano kien daħal f’Calypso Radio u fl-2005 kien ingħata liċenzja tal-komunità wara li saru negozjati biex dan l-istazzjon jieħu post l-istazzjon A3FM li kien immexxi mid-disc jockey John Bundy bħala General Manager.
Eventwalment, wara l-ftehim li kien sar bejn Polidano u d-diretturi ta’ Calypso Radio, Frank Camilleri u Alfred Cacciattiolo, Calypso Media Communications kienet ħadet il-liċenzja nazzjonali tar-radju li kellu A3FM kif ukoll l-istudjos tiegħu f’San Pawl il-Bahar.
A3FM kien waqaf ixandar f’Mejju 2005, inqas minn sentejn wara li l-istazzjon kien beda t-trasmissjonijiet tiegħu.
F’Ottubru 2005 Bundy kien ippreżenta ittra fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili bejn talab lil Polidano biex iħallas is-somma ta’ Lm11,250 għal pagi dovuti lilu.
Calypso Radio kien oriġinarjament għalaq f’Lulju 2004 wara li Radju Marija Malta kien xtara l-istazzjon mingħand is-sidien tiegħu, Ingliżi li jgħixu f’Malta.
Dan wassal lil xi eks-preżentaturi ta’ Calypso Radio, bħal Enzo Guzman u Eileen Montesin, li kienu rrabjati bl-għeluq tal-istazzjon, biex ikollhom diskussjonijiet dwar il-possibbiltà ta’ stazzjon ieħor tar-radju.
Fis-26 ta’ Ottubru 2004 l-Awtorità tax-Xandir kienet tat liċenzja tar-radju tal-komunità għal sentejn lil stazzjon bl-isem ta’ Calpyso FM li marru fuqu dawn l-eks-preżentaturi ta’ Calypso Radio.
F’dawn l-aħħar snin l-imperu ta’ Polidano, li tradizzjonalment kien involut fil-kostruzzjoni, daħal f’oqsma ġodda bħat-tqassim tal-gass, il-produzzjoni tal-birra u l-inbid kif ukoll fl-organizazzjoni ta’ avvenimenti fil-kumpless tiegħu f’Ta’ Kandja.
Meta jiftaħ Calypso TV isir id-disa’ stazzjon lokali tat-televiżjoni u t-tielet stazzjon tat-televixin li fetaħ f’dawn l-aħħar disa’ xhur. Dan ifisser li se jkun hemm kompetizzjoni aktar ħarxa għar-reklami f’perjodu ta’ kriżi ekonomika globali.

 

 

Intervista
Id-dispjaċiri ta’ Michael Falzon sena wara

Charlot Zahra jintervista lil Michael Falzon, l-eks-Deputat Mexxej Laburista


Editorijal
Grazzi, Lino



Wenzu Mintoff
Diżordni soċjali



Carmelo M. Bonnici
Ġustizzja riparatriċi



Joe Ellis
Il-Maltin fl-Alġerija u l-immigranti llegali



Emmanuel Micallef
It-trawma tas-sensji



Harry Vassallo
Obama jrażżan lil-lobbyists


Il-Punt - Mary Anne Zammit
Il-mara kemm tikkontribwixxi fid-dinja tax-xogħol?


Il-prinċipju ta’ KajinBernard Cauchi u Michael Grech


Jiktbu l-kandidati

John Spiteri – AN

Alan Deidun - PN

Yvonne Ebejer Arqueros — AD

John Zammit — ALDM

Steve Borg - PL


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan