Joe Ellis | 15 ta’ Marzu 2009 Nr 124
L-istorja tal-Maltin tal-Alġerija dejjem affaxxinatni. Oħt in-nanna kienet telqet lejn Bona wara l-Ewwel Gwerra u hemmhekk rabbiet familja kbira. It-tfal tagħha, kuġini t’ommi, twieldu hemm u żżewġu Ewropej oħra.
It-tfal tat-tfal ukoll twieldu Bona sakemm l-Ewropej kellhom jitilqu mal-indipendenza tal-Alġerija fl-1962. Kien eżodu kbir għax fi ftit xhur mad-900,000 persuna ta’ oriġini Ewropea telqu l-Alġerija. Il-komunità Ewropea fl-Alġerija, l-hekk imsejħin Pieds Noirs (saqajn suwed), kienet ferm stabbilita u minnha ħarġu bosta li għamlu isem bħal Albert Camus u Yves Saint Laurent.
Il-komunità Maltija ffjorixxiet f’Bona, il-belt ta’ Sant’Wistin, fejn kienet tikkostitwixxi terz mill-popolazzjoni. Il-Maltin batew ħafna għax ħafna minnhom waslu Bona f’faqar kbir. Kienu jaqbdu dgħajsa, jgħabbuha bil-ġebel qabel ma jitilqu minn Malta u malli jaslu Bona, jbigħu l-ġebel u l-injam tad-dgħajsa. Minkejja l-oriġini modesta, kien hemm Maltin li marru tajjeb u akkumulaw ġid kbir bħal artijiet u bhejjem.
Ħafna minnhom biż-żmien ħadu nazzjonalità Franċiża u kien hemm min iġġieled fil-gwerer fl-armata Franċiża. Jiena ltqajt ma’ Franċiżi ta’ oriġini Maltija li razzthom kienet ilha l-Alġerija mill-1840, jiġifieri ftit wara l-invażjoni Franċiża tal-1830. Ħafna mill-Maltin ta’ oriġini Franċiża għadhom sal-lum kburin bl-oriġini Maltija tagħhom u bosta jiġu jżuruna minn żmien għal żmien.
Kien naturali għal ħafna minnhom li jmorru Franza meta kellhom jitilqu l-Alġerija avolja ħafna minnhom qatt ma kienu xirfu lejn Franza. Fi kwalunkwe każ, b’Malta mkissra ekonomikament, dawn in-nies ftit kellhom prospetti Malta. Ftit snin qabel, il-Maltin tal-Eġittu ukoll ġew imkeċċija minn Nasser u l-Gvern ta’ Mintoff kien għamilha ċara li ma jridhomx lura Malta.
Dan kien fi żmien meta Mintoff kien ikkummisjona ekonomista famuż, Lord Balogh, biex jirrediġi rapport fuq l-vijabbiltà ekonomika ta’ Malta u kkonkluda li Malta ma tistax tkun vijabbli għal rasha. L-integration kienet is-soluzzjoni ta’ Mintoff.
Il-pieds noirs telqu l-Alġerija ta’ fuqhom senduqhom u ħallew l-ġid kollu li kienu akkumulaw. Ta l-anqas il-Maltin ta’ nazzjonalità Franċiża ġew ikkumpensati b’xi mod; dawk il-Maltin li baqgħu sudditi tar-Reġina għadhom ma ħadux kumpens sal-lum. Meta l-vapuri bdew deħlin fil-port ta’ Marsilja ma tantx kellhom laqgħa tajba u l-ħaddiema tal-port, ħafna minnhom komunisti, għamluha ċara li m’humiex mixtieqa Franza u riduhom jitilqu lura.
Il-pieds noirs ma tantx ħassewhom stmati Franza u batew bil-kbir. Smajt b’każ fejn wieħed kien jaħdem ħafna raba’ Bona, ipprova jerġa’ jiġi fuq saqajh fi Franza imma l-Franċiżi bbojkottjawh u ma kinux jixtru mingħandu. Falla u spiċċa ħajtu jimpala z-zokkor qabel ma miet bl-għabra li bela’.
Peress li x-xellug Franċiz ħadha kontra dawn il-pieds noirs, ħafna minnhom spiċċaw jappoġġaw lil-lemin estrem Franċiż. Fortunatament għalihom, l-ekonomija Franċiża tas-snin Sittin kellha bżonn ħafna manodopera u mentri l-Ġermanja mpurtat lit-Torok u lit-Taljani, Franza ħaddmet lill-pieds noirs. Illum huma ntegrati sew fis-soċjetà Franċiża.
Illum il-folja nqalbet. M’għadhomx jitilqu nies minn Malta fuq dgħajsa ħalli jibdew ħajja ġdida l-Afrika imma qed nassistu għall-wasla ta’ dgħajjes karakki mimlijin sa ruħ ommhom b’Afrikani jfittxu ħajja ġdida. Ħafna minnhom ikunu ssugraw ħajjtihom jaqsmu d-deżert. Jekk dawn kienx fi ħsiebhom jaslu Malta jew inkella kienu fi triqithom lejn l-Italja, ma nafx. Imma l-fatt li ħadd ma jista’ jaħrab minnu hu li Balogh żbalja bl-ikraħ u Malta mhux talli ma fallietx ekonomikament talli saret kalamita għall-ħaddiema minn pajjiżi oħra. Mur f’ristorant u l-probabbiltà hi li jaqdik xi waiter Taljan; mur ħu kafè u hemm ċans tajjeb li sservik xi Ukrajina; irranġa d-dar u m’hemmx għalfejn ngħidu, issib xi Sirjan ħalli jagħmillek ix-xogħol.
Għal xi raġuni li ma fhiemtx dawn il-ħaddiema barranin ma joħolqux ferment. Hija l-miġja tal-Afrikani fuq dawn l-imberkin dgħajjes li qed isir kjass. Qed naraw bosta kandidati għall-elezzjoni Ewropea f’tellieqa bejniethom jiffanfraw mill-aktar se jagħmel biex iżomm l-invażjoni tas-suwed. U anke l-Oppożizzjoni Laburista qiegħda tipprova tirkeb il-karru tal-iskuntentizza li l-miġja ta’ dawn l-Afrikani qiegħda toħloq u qed tinsisti li teżisti xi kriżi nazzjonali.
Dan l-aħħar Martin Scicluna kiteb artiklu fuq ġurnal lokali fejn poġġa l-fatti fil-perspettiva tagħhom. Minn Marzu 2002 waslu 12,500, li minnhom aktar minn 7,000 ġew ripatrijati jew telqu minn Malta. Minn dawk li għadhom Malta, xi 2,235 huma f’detenzjoni jistennew li jiġi proċessat l-każ tagħhom jew li jiġu rimpatrijati. Hemm 2,137 oħra jgħixu f’ċentri miftuħa mentri xi 1,000 jgħixu fil-komunità.
Minkejja din l-istatistika rassiguranti għall-perjodu li beda minn qabel ma dħalna fl-Unjoni Ewropea, kull meta tasal xi dgħajsa wieħed jassisti għal reazjoni isterika bħal ma hi dik ta’ bosta bloggers li jiktbu fuq l-internet.
Dan l-aħħar kont qed nitkellem ma’ esponenti prominenti Laburista u d-diskors waqa’ fuq l-immigranti. Ma qbilniex. Qal li hawn wisq minnhom u li ma tistax titkellem fuqhom għax jakkużawk b’razziżmu. M’għandix dubju li hawn ħafna jħossu bħalu. Din il-ġimgħa stess il-Kap ta’ l-Opposizzjoni stqarr li Maltin huma tolleranti u mhux razzisti imma huma kontra l-illegalità.
Jiena ma jien konvint xejn kemm dan hu minnu. Il-Maltin ma tniffsux meta ġew fostna l-Isqallin, l-Albaniżi, l-Għarab u anke t-tfajliet Russi u Ukrajini. Huma s-suwed tal-Afrika li jqanqlu din ir-reazjoni qawwija.
Il-fatti juru li l-Ewropea għaddejja minn kriżi demografika b’popolazzjoni dejjem tixjieħ u b’rata ta’ fertilità baxxa. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar ser niddependu fuq il-manodopera mpurtata. Dan diġà qed narawh Malta.
Ma tantx għadek tara kenniesa Maltin u fl-industrija tal-kostruzzjoni spiss tara uċuh suwed. Ma smajt lil ħadd igerger għax is-suwed qed jagħmlu dan ix-xogħol. Bħal kull ħaġ’oħra, il-liġi tal-provvista u d-domanda tirrenja: sakemm tfaċċa l-inkwiet ekonomiku riċenti, fl-Ewropa kien hawn domanda għal ħaddiema tal-id mentri l-Afrika għandha nies li m’għandhomx x’jagħmlu minħabba n-nuqqas ta’ żvilupp. Dan barra r-rifuġjati li konflitti bħal dawk tad-Darfur u s-sitwazzjoni fis-Somalja joħolqu.
Għaldaqstant, barra l-obbligi internazzjonali tagħna u d-dmir bażiku tagħna li nuru solidarjetà mal-proxxmu, hemm ukoll raġunijiet ekonomiċi li wieħed għandu jieħu in konsiderazzjoni. Mhux ta’ b’xejn pajjiżi li jinkoraġixxu l-immigrazzjoni ffjorixxew ekonomikament għax dawk li jemigraw huma normalment dawk l-individiwi li l-aktar juru inizjativa.
L-immigrazzjoni hi antika daqskemm hu l-bniedem u tagħmel x’tagħmel qatt m’int se trażżanha għal kollox. Is-soluzzjoni hi ekonomika u speċjalment billi tinkoraġixxi l-iżvilupp fl-Afrika u tneħħi t-tariffi punittivi li jxekklu l-prodotti Afrikani. Malta tista’ tagħti sehimha billi tipprovdi l-kapital lil min volontarjament imur lura ħalli jibda ħajja ġdida.
Napprezza ħafna li minkejja l-klima politika pjuttost ostili, kemm il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Intern qegħdin jenfasizzaw il-ħtieġa li Malta tkun solidali bil-fatti ma’ dawn it-talin barra li nosservaw l-obbligi internazzjonali tagħna.
Ta l-anqas qegħdin inpattu għad-diżastru ta’ meta bgħatna l-Eritrej lura li x’uħud minnhom anke mietu. Madankollu hemm bzonn li ntejbu l-kundizzjonijiet ħorox tal-kampijiet ta’ detenzjoni li jagħmlulna għajb u ħadd ma jibqa’ jgħix taħt it-tined. U tajjeb li l-Oppożizzjoni tifhem li bħalma l-kwistjoni tal-VAT, tal-kaċċa u l-Ewropa ma kinux biżżejjed biex takkwista l-poter, lanqas din il-kwistjoni mhu ħa sservi għal dan l-skop.
|
|

Charlot Zahra jintervista lil Michael Falzon, l-eks-Deputat Mexxej Laburista
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Harry Vassallo
- Mary Anne Zammit
Bernard Cauchi u Michael Grech
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|