Intervista | 15 ta’ Marzu 2009 Nr 124
Charlot Zahra jintervista lil Michael Falzon, l-eks-Deputat Mexxej Laburista
Iltqajt ma’ Michael Falzon f’kafè popolari fiċ-ċentru tal-Belt fid-9 ta’ Marzu. Eżatt sena ilu, wara ġurnata ta’ stennija, għall-ħabta tad- 9.15 pm, il-Partit Nazzjonalista kien iddikjara li rebaħ l-elezzjoni ġenerali li kienet saret il-jum ta’ qabel b’1,600 vot.
Falzon, li dakinhar kien Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijet tal-Partit, għad għandu bosta dispjaċiri għal dak li sar.
“Michael Falzon 12-il xahar wara naħseb li għad għandu d-dispjaċir li l-Partit Laburista tilef l-elezzjoni ġenerali. Kienet elezzjoni li, ngħidha bla tlaqliq, iddedikajt ħames snin għaliha minn ħajti bl-iktar mod totali,” stqarr Falzon.
“Ovvjament, la ttellaq, ittellaq biex tirbaħ u ma tkunx trid titlef. Nemmen li seta’ kien hemm affarijiet li saru aħjar. Żgur li seta’ kien hemm affarijiet li saru aħjar,” żied jgħid l-eks-Deputat Mexxej.
“Li wieħed issa joqgħod iħares lura ma tantx se ssolvi l-problemi. L-unika ħaġa żgura li ma nbidlitx hija l-lealtà tiegħi lejn il-Partit Laburista,” stqarr Falzon.
Wieħed mill-ikbar dispjaċir ta’ Falzon sena wara l-elezzjoni għadu l-fatt li spiċċa kważi waħdu fis-sala tal-għadd tal-voti meta kien deher ċar li r-riżultat kien se jkun telfa oħra għall-MLP.
“Nirringrazzja l-ftit li baqgħu hemm. Spiċċajt nerfa’ r-responsabbilità kollha waħdi,” ilmenta Falzon. “Spiċċajt kelli nkun jien li mmur niffaċċja poplu sħiħ quddiem it-televiżjoni u mmur nikkonċedi t-telfa. Nista’ nassigurak li kien mument diffiċli ħafna f’ħajti.
“Minn ġewwa tħossok qed titqatta’ biċċiet għalkemm minn barra żżomm wiċċ kuraġġuż u tmur tagħmilha,” fisser Falzon.
“Dispjaċir ieħor, u żgur miniex se niddejjaq ngħidha, kien tat-tellieqa tat-tmexxija,” żied jgħid.
Staqsejt lil Falzon x’ried ifisser b’dan. “Ovvjament kull min itellaq għal tellieqa jrid jirbaħ, jiġifieri nifhem li kollha kemm aħna li konna fit-telleqa għat-tmexxija morna biex nirbħu.
“Rebaħ min kellu jirbaħ – m’għandi l-ebda problema assolutament ma’ Joseph Muscat, il-mexxej preżenti,” qal b’ċertu ton rassenjat.
“Ovvjament tħoss id-dispjċir li forsi dawk in-nies li tkun tajthom 17-il sena minn ħajtek; 17-il sena li stajt ħdimt professjonalment minflok ħdimt għall-partit u għalihom; jiena dawk in-nies ħassejt li meta ġiet is-siegħa tal-mument, lili rmewni,” qal Falzon b’referenza mhux sottili għad-delegati tal-Partit.
“Kellhom kull dritt jagħmlu hekk – jekk riedu jarmuni, irmewni. Dak kien dritt tagħhom. Xi ftit ta’ dispaċir jibqagħlek. Imma nerġa’ ngħid li s-sens ta’ lealtà lejn il-partit jirbaħ fuq kollox,” żied jgħid qisu biex donnu jiġbor is-sentenza ta’ qabel.
Staqsejtu jekk kienx qed jirreferi għad-delegati tal-MLP, iżda Falzon ma weġibnix b’mod ċar.
“Qed nirreferi għal dawk li għal 17-il sena minn ħajjithom kont dejjem hemm għalihom u li dehrilhom li ma kellhomx jagħżlu lili,” Falzon qal b’ton ta’ awto-kompassjoni. “Nerġa’ ngħid, kellhom kull dritt jagħmlu l-għażla tagħhom u dik l-għażla nirrispettaha.”
Staqsejtu x’ jaħseb li wassal lill-PN biex idawwar lil dawk il-votanti indeċiżi fl-aħħar sekondi – jekk kinitx il-kampanja żbaljata tal-MLP, il-kultura tal-power of incumbency eżerċitat mill-PN, jew it-tnejn f’daqqa.
“Kif għidt int, id-distakk bejn iż-żewġ partiti fl-aħħar elezzjoni kien wieħed żgħir – effettivament kien madwar nofs kwota,” qal Falzon. “Għandna wkoll riżultat fejn il-partit fil-Gvern ma għandux maġġoranza assoluta ta’ voti. Jiġifieri bla dubju kien wieħed viċin,” sostna Falzon.
“Li kieku konna nafu preċiż x’kien se jwassal għat-telfa kieku ma kienx ikollna telfa, għax konna nipprevedu u nagħmlu li nistgħu biex sseħħx dik it-telfa,” qal Falzon b’ton filosofiku.
Għal Falzon kien hemm bosta fatturi li wasslu għat-telfa tal-MLP fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
“Bla dubju li l-fattur tal-‘power of incumbency’ għamel tiegħu, u joħroġ b’mod ċar partikolarment meta wieħed iqis id-distakk żgħir – min ilu fil-Gvern ovvjament seta’ jaqdi n-nies, seta’ jwiegħed aktar, seta’ jagħti permessi, seta’ jagħmel dawn l-affarijiet kollha,” sostna Falzon.
“Imma naħseb li nkunu qed nidħku bina nfusna jekk ma nammettux li aħna wkoll kellna xi nuqqasijiet,” żied jgħid. “Kieku ma kellniex in-nuqqasijiet, ma nemminx li kellna nitilfu l-elezzjoni,” qal.
“Naħseb li min għamel analiżi biżżejjed jew jixtieq jagħmel analiżi biżżejjed, kulħadd jista’ jagħmel l-analiżi tiegħu x’nuqqasijiet seta’ kellu l-Partit Laburista, inkluż jien,” qal Falzon bla ma elabora wisq dwar x’kienu dawn in-nuqqasijiet.
Wara t-telfa elettorali tal-2008, Falzon kien l-uniku fost it-tim tat-tmexxija tal-MLP li ddeċieda li jerġa jikkontesta għal kariga ogħla milli kellu fit-tmexxija tal-Partit flok refa’ r-responsabbiltà politika huwa wkoll u ma kkontestax bħalma għamlu Charles Mangion u Alfred Sant.
Staqsejt lil Falzon jekk bil-benefiċċju tal-“hindsight” huwa kienx jieħu l-istess deċiżjoni li jikkontesta għall-kariga ta’ mexxej tal-MLP sena ilu jew le.
“L-ewwel nett, wieħed naħseb irid jiftakar li Alfred Sant effettivament iddeċieda li ma jerġax joħroġ wara tliet telfiet – jien ma kellix tliet telfiet,” qal Falzon b’ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni tiegħu li jerġa’ jikkontesta.
“Ġara dak li ġara fl-1998, ġara dak li ġara fir-referendum, ġara dak li ġara fl-2003, u ġara dak li ġara fl-2008 fil-każ ta’ Alfred Sant,” kompla jżid Falzon b’ton difensiv għall-aħħar.
Iżda Charles Mangion ma kellux tliet telfiet wara dahru u xorta waħda refa’r-responsabbiltà għat-telfa elettorali wara l-aħħar elezzjoni ġenerali.
“Charles Mangion kien bħali wkoll li effettivament kien l-ewwel darba li kien parti mit-tmexxija bħali. Jien ħassejt li stajt inkompli nservi,” qal Falzon b’ton ta’ awto-ġustifikazzjoni għal dak li għadu kif qal. “Miniex qed niġġudika lil Alfred Sant u lanqas lil Charles Mangion. Nemmen li fl-2008 tajt dak kollu li stajt; tajt aktar milli stajt,” kompla jżid.
“Id-delegati għamlu l-għażla tagħhom u għażlu mod ieħor. Id-deċiżjoni tagħhom hija suprema. Dik hija d-demokrazija fil-partit,” sostna Falzon.
Dispjaċir ieħor ta’ Falzon f’dawn l-aħħar jiem kienet bla dubju ta’ xejn l-aħbar li huwa tneħħa minn Delegat tal-MLP fi ħdan il-Kummissjoni Elettorali wara li kien ilu 17-il sena fil-kariga.
Staqsejtu jekk kintix ħasda għalih jew jekk kienx qed jistenniha fid-dawl ta’ dak li ntqal dwar l-Ufficcju Elettorali tal-MLP u l-process elettorali fir-rapport dwar it-telfa elettorali tal-Partit Laburista fit-8 ta’ Marzu 2008 ippubblikat fl-aħħar ta’ April tas-sena l-oħra.
“L-ewwelnett naħseb li wieħed irid jiftakar li Michael Falzon ma kienx responsabbli mill-Uffiċju Elettorali tal-MLP mill-2003 sal-2008. Jien kont Deputat Mexxej, ma kontx Election Manager,” qal b’ton difensiv ħafna.
“Ovvjament, kien komdu għal xi wħud, peress li Michael Falzon huwa marbut mat-twaqqif tal-Uffiċċju Elettorali, kien komdu għal xi wħud dak iż-żmien li jaraw kif iħammġu lill-Uffiċċju Elettorali għaliex jekk iħammġu lill-Uffiċċju Elettorali kien hemm min kien qed jara li b’daqshekk kien se jitħammeġ Michael Falzon,” stqarr.
“Jekk sarx hekk jew le, kulħadd jiġġudika hu,” qal b’ton ta’ polemika.
Falzon reġa’ attakka bil-qawwa kollha r-rapport tat-telfa elettorali tal-MLP li kien identifika nuqqasijiet kbar fil-proċess elettorali kif ukoll fl-Uffiċċju Elettorali tal-Partit.
“Jien li ngħid, għidt u nerġa’ ngħid hu li r-rapport tat-telfa elettorali tal-elezzjoni huwa rapport li ma jiswiex il-karta li kien miktub fuqha,” saħaq Falzon. “Huwa rapport li kellu – u ngħidha b’wiċċi minn quddiem – kellu ċerti għanijiet preċiżi f’moħħu, u ġara x’ġara fl-2008, dak ir-rapport kien se joħroġ kif ħareġ. Dik ngħidha b’wiċċi minn quddiem,” kompla jgħid l-eks deputat mexxej tal-MLP.
Skont Falzon, anki l-eks-mexxej Laburista Alfred Sant ikkonferma dan meta kkritika huwa wkoll ir-rapport tat-telfa.
“Alfred Sant b’mod komdu dehrlu li għandu jitkellem fuqu tmien xhur wara, jew kważi sena wara meta tkellem,” qal Falzon.
Dwar il-fatt li huwa m’għadux parti mill-Kummissjoni Elettorali f’isem il-Partit, Falzon għall-ewwel juża ton kawt għall-aħħar. “Dik hija parti mid-diskrezzjoni tat-tmexxija tal-Partit u jien lit-tmexxija tal-Partit nirrispetta d-deċiżjoni tagħha.
“Jekk kontx qed nistenniha jew le, ma naħsibx li kont qed nistenniha imma fl-istess ħin nerġa’ ngħid li nirrispetta d-deċiżjoni tal-Partit,” żied jgħid.
Iżda ftit wara, l-uġigħ ta’ Falzon jibda joħroġ.
“Li kont nippretendi għallinqas kien li xi ħadd jgħidli qabel ma nitneħħa wara 17-il sena servizz,” stqarr Falzon. “Jekk dehrilhom li ma kellhomx jgħiduli grazzi ma kellix problema. Imma għallinqas ippretendejt li jgħiduli ‘Isma’, iva, se nibdluk.
“Li nista’ ngħidlek hi li minn 17-il sena servizz fuq il-Kummissjoni Elettorali, ta’ dak is-servizz qatt ma ħadt ewro ċenteżmu. Kulma ħadt kien tbaqbiq u nkwiet. Issa forsi t-tbaqbiq u l-inkwiet jibda jġorru xi ħadd ieħor,” qal Falzon.
Staqsejtu jekk wara din id-deċizjoni, Michael Falzon kienx se jibqa’ jinvolvi ruħu b’mod attiv fil-proċess elettorali tal-PL bħalma għamel s’issa jew le. Għalih, din l-esperjenza hija issa kapitlu magħluq.
“Jien naħseb li llum għandi rwol ġdid fil-Partit Laburista bħala kelliem ewlieni tal-Partit Laburista għall-Ġustizzja u Intern, u nipprova nagħmlu mill-aħjar li nista’. Barra minn hekk, irid nagħti sehmi bir-rwol Parlamentari tiegħi kif ukoll fl-elezzjonijiet li ġejjin,” qal Falzon lil Illum.
“Jekk tgħidli dwar proċess elettorali, naħseb li l-partit bagħat messaġġ ċar illi lil Michael Falzon m’għadx għandu bżonnu aktar. Noqgħod għad-deċiżjoni tal-Partit,” żied jgħid.
Waħda mill-problemi ewlenin li qed jaffronta l-pajjiż bħalissa fil-qasam tal- Ġustizzja u l-Intern hija l-problema tal-immigrazzjoni. Staqsejtu jekk jaqbilx ma’ dawk li jgħidu li l-Konvenzjoni ta’ Dublin għandha tiġi riveduta b’mod li tieħu f’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi speċjali ta’ pajjiżi bħal Malta.
“Il-Konvenzjoni ta’ Dublin effettivament tpoġġi ħafna piżijiet fuq l-Istat li fih jidħlu l-immigranti illegali,”qal Falzon. “Il-Partit Laburista għaddej bħalissa b’diskussjonijet interni, jiġifieri dik se tkun anki parti mill-politika li l-Partit se jpoġġi ’l quddiem il-Parlament.
“M’għandix dubju li wieħed mill-punti li jistgħu jiġu trattati huwa dwar ir-reviżjoni tal-Konvenzjoni ta’ Dublin. Naturalment aħna bħala PL diġà qed nisħqu li kull pajjiż għandu jġorr skont ma jiflaħ,” sostna Falzon.
“Jekk aħna qegħdin f’pożizzjoni ċara fejn qed nerfgħu ċerti piżijiet li ma nifilħux għalihom, allura m’hemm xejn milli jżommna li nitolbu li l-Konvenzjoni ta’ Dublin tiġi riveduta,” żied jgħid.
Staqsejtu jekk jaħsibx li ntlaħaq dan il-“breaking point” jew le.
“Żgur li s-sitwazzjoni qed issir aktar diffiċli. Kif rajna f’dawn l-aħħar xahrejn, anki l-pattern kif bdew jaslu l-immigranti llegali fejn qed nispiċċaw litteralment b’vapuri żgħar bi 300 ruħ fuqhom,” qal.
“Żgur li pajjiżna ma jiflaħx dan l-ammont ta’ immigranti llegali. Għandna sitwazzjoni fejn għandna aktar immigranti llegali f’pajjiżna milli għandna membri tal-Forzi Armati, tal-Protezzjoni Civili, u tal-Pulizija jekk tgħoddhom f’daqqa,” qal.
“Għandek effettivament 1.7 mill-popolazzjoni adulta ta’ pajjiżna li huma immigranti illegali,” iddikjara Falzon. “Naħseb li jekk ma wasalx il-‘breaking point’, reqsin lejh, mingħajr sens ta’ allarmiżmu,” qal Falzon.
“Kif qal il-Partit Labutsta fi stqarrija wara l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari s-Sibt li għadda li ddiskuta l-immigrazzjoni llegali, irridu naġixxu b’sens ta’ realiżmu u huwa dak li aħna beħsiebna nagħmlu,” żied jgħid Falzon ma’ Illum.
Dwar is-sistema tal-burden-sharing b’mod voluntarju kif addottat mill-Unjoni Ewropea fil-patt dwar l-immigrazzjoni f’Lulju 2007, Falzon sostna li din is-sistema kif inhi preżentement mhix taħdem.
“Naħseb li kif inhi sal-lum, il-burden-sharing mhux qed jaħdem biżżejjed,” stqarr Falzon. “Żgur li s-sistema attwali ta’ burden sharing mhix qed tagħti r-riżultat mixtieq għal pajjiżna.
“Bħala Partit żgur li se nisħqu huwa li pajjiżna jingħata għajnuna immedjata, effettiva u fattwali fejn jidħol il-burden sharing. Naħseb li hija xi ħaġa li bilfors irridu nisħqu fuqha,” żied jgħid Falzon.
“Is-sitwazzjoni attwali hija li effettivament il-pajjiżi Ewropej qed jieħdu numru relattivament żgħir, mentri l-immigranti li deħlin f’pajjiżna huma numru relattivament kbir,” argumenta Falzon.
Falzon fil-karriera politika politika tiegħu dejjem insista fuq il-lealtà bħala l-prinċipju li mexa fuqu fil-ħidma politika tiegħu. Staqsejtu jekk jaħsibx li dejjem kien leali lejn kulħadd f’kull ċirkostanza tal-ħajja poltika tiegħu jew le. U hawnhekk joħroġ l-aħħar dispjaċir ta’ Falzon.
“Naħseb fil-ġudizzju tiegħi li jien kont dejjem leali lejn kulħadd, sew fil-Partit kif ukoll lejn in-naħa l-oħra,” qal. “Dejjem kont onest ma’ kulħadd, sew fil-Partit u sew lejn il-Partit Nazzjonalista.
“Dejjem kont raġel biżżejjed li dak li hu abjad ngħidlu abjad, dak li hu iswed ngħidlu iswed u dak li hu griż ngħidlu griż,” żied jgħid.
“Illum inħoss li sfortunatament ħallast il-prezz talli dejjem kont leali u onest, anki ma’ nies li ma missnix kont leali u onest magħhom għax huma ma kinux miegħi,” stqarr Falzon.
Staqsejtu biex jidentifika min kienu dawn in-nies iżda Falzon ma riedx jidentifikahom.
“Dawk jieħu ħsiebhom Alla,” temm jgħid l-eks-Deputat Mexxej Laburista.
|
|

Charlot Zahra jintervista lil Michael Falzon, l-eks-Deputat Mexxej Laburista
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Harry Vassallo
- Mary Anne Zammit
Bernard Cauchi u Michael Grech
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|