MediaToday

Wenzu Mintoff | 08 ta’ Marzu 2009 Nr 123

Ewropej tal-isem

Imn’Alla ma’ kull rokna tal-pajjiż hawn il-bnadar bl-istilel ta’ Marija biex ifakkruna li Malta tinsab fl-Unjoni Ewropea għax altrimenti jiġu mumenti fejn taħbat tiġi fid-dubju. Hekk kif tfeġġ ’il barra mill-ajruport tal-Gudja tara quddiem għajnejk żewġ arbli enormi, wieħed bil-bajda u ħamra ta’ Malta u l-ieħor bil-bandiera tal-Unjoni Ewropea biex bħal donnu jikkonvinċuk li Malta tassew tinsab fl-Unjoni Ewropea. It-tul ta’ dawn l-arbli jħabbatha sew ma’ tal-arblu li jintrema fil-festa ta’ San Duminku l-Birgu, li skont il-partitarji li jarmawh biex juru kemm hi kbira d-devozzjoni tagħhom lejn il-qaddis, hu l-itwal fustun li jintrema f’Malta. Imma l-appartenenza tagħna bħala pajjiż u bħala poplu fl-Unjoni Ewropea żgur ma titkejjilx la mit-tul tal-arbli u lanqas mill-kobor tal-bnadar li hawn min jiddandan bihom.
Fil-verità aħna suppost li konna nagħmlu parti mill-Ewropa ferm qabel ma’ Malta ffirmat it-Trattat ta’ Sħubija. U issa li Malta tifforma parti integrali mill-Unjoni Ewropea, il-mod kif qed jitmexxa dan il-pajjiż mhux dejjem jixhed li Malta ħaġa waħda mal-Ewropa, bil-fatti u mhux biss bil-paroli. Li tkun Ewropew wara kollox hi kwistjoni ta’ mentalità, ta’ kultura, ta’ valuri demokratiċi ibbażata fuq it-tolleranza u l-pluraliżmu.

Madre Patria
In-Nazzjonalisti jiddandnu mhux ftit bil-kredenzjali Ewropej tagħhom, sal-punt li ħadd f’dan il-pajjiż ma jista’ jkun Ewropew bħalhom u daqshom. Issa ħallik li l-istorja tas-seklu 20 tixhed mod ieħor. Fil-perjodu ta’ bejn iż-żewġ gwerer, in-Nazzjonalisti ta’ Nerik Mizzi kellhom rabtiet sentimentali qawwija mal-Madre Patria Taljana immexxija kif kienet minn Benito Mussolini. Jeżistu anki provi li dawn ir-rabtiet ma kinux biss sentimentali imma ta’ sostenn politiku reċiproku. L-ironija hi li l-Komunità Ekonomika Ewropea, il-predeċessur tal-Unjoni, twaqqfet proprju biex ma jerġax jirrepeti ruħu t-tkissir u t-tifrik li ġab miegħu n-Nażiżmu u l-Faxxiżmu fl-Ewropa. Mentri n-Nazzjonalisti, li kien għalihom, Malta ngħaqdet mal-Italja fi żmien li kienet immexxija mill-Faxxisti ta’ Mussolini.

Dnub il-mejjet
Jgħidu x’jgħidu l-propagandisti Nazzjonalisti, l-ironija tal-istorja hi li kien il-Partit Laburista li ħadem qatigħ biex jiddaħħlu l-valuri Ewropej f’pajjiżna, biex Malta ma tibqax aktar stat medjevali u konfessjonali, fi żmien meta ma kienx hawn libertà tal-espressjoni u tat-twemmin, fejn l-intolleranza u l-persekuzzjoni kienet tibqa’ ssegwik sal-qabar. In-Nazzjonalisti jilagħbuha tal-fidili meta jippruvaw jiskolpaw irwieħhom li kien ħaddieħor li mpona d-dnub il-mejjet u mhux huma. Dan meta kemm fi żmien Manuel Dimech, kemm fi żmien Strickland u Boffa u anki fi żmien il-Perit Mintoff, kienu n-Nazzjonalisti li dejjem ħasdu vantaġġ mid-dnub il-mejjet f’termini elettorali u ta’ ħakma fuq l-imħuħ tan-nies.
Il-qoxra tal-passaport tagħna, il-pjanċi tan-numri mal-karozzi tagħna, il-bnadar f’kull dipartiment tal-Gvern, jistqarru li aħna parti mill-Unjoni Ewropea, meta fir-realtà l-mod kif qed jitmexxa dan il-pajjiż qajla jagħti xhieda ħajja tal-kredenzjali Ewropej li jiddandnu bihom tant in-Nazzjonalisti.
Ħ u mill-bawxata tal-estensjoni tal-Mużew tal-Konkatidral ta’ San Ġwann. Ir-raġunijiet vera u proprja għalfejn bdiet tbaqbaq din il-kontroversja kienu jmorru ferm lil hinn mill-mertu tal-proġett innifsu li pprinzipjaw bih Richard Cachia Caruana u sħabu. Wara pressjoni qawwija li saret mis-soċjetà ċivili, fuq quddiem nett l-għaqda ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar, il-Partit Laburista u ħafna persuni oħra li għandhom għal qalbhom il-wirt storiku ta’ pajjiżna, il-Gvern Nazzjonalista kellu jdoqq l-irtirata. Issa ħallik li r-raġuni vera u proprja għalfejn Gonzi ċeda l-armi ma kinitx din, imma t-tgergir tal-imsaren li qed jobrom mill-backbench Nazzjonalista.

Klieb tal-ġlied
So far so good kif jgħidu l-Ingliżi. Xejn wisq differenti min-norma Ewropea, anki jekk ġew misturin ċerti fatti importanti mill-pubbliku, bħall-fatt li la l-Arċisqof u lanqas il-Kapitlu tal-Monsinjuri ma kienu qed jaqblu mal-proġett insensat tal-estensjoni tal-Mużew.
Imma dak li kien tabilħaqq indekoruż u indeċenti, u li kien aktar jixbah dak li jiġri f’qiegħ l-Afrika u mhux ġo nofs l-Ewropa, hu li hekk kif Dr Gonzi ħabbar li kien se jwaqqaf dan il-proġġett, beda t-tkeskis, odju u ħdura mis-soltu sorsi moqżieża speċjalment minn fuq l-internet u anki fil-gazzetti, l-aktar kontra l-esponenti ewlenin tal-FAA.
Minn ma kienx kuntent b’dan l-eżitu keskes il-klieb tal-ġlied biex bl-iktar mod goff u vili jassaltaw il-kredibbiltà ta’ Astrid Vella u sħabha u jagħmlu assassinju mill-profil pubbliku tagħhom, għax eżerċitaw id-dritt li juru d-diżapprovazzjoni ma’ dak li kien se jsir. Filwaqt li l-isforzi ta’ Astrid Vella fl-UE jiġu rikonoxxuti u mogħtija ġieħ bil-premju Ewropew għall-ħidma volontarja, il-mażunerija mhux uffiċjali ta’ dan il-pajjiż tipprova ġġibha żibel.
Il-pampaluni li qalbhom taħraqhom tant għall-Unjoni Ewropea, għal darb’oħra wrew kemm mhumiex Ewropej ta’ veru fil-kwistjoni tal-impożizzjoni illegali tal-VAT fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi. Wara t-tweġiba li ngħatat mill-Kummissarju László Kovács, il-minimu li wieħed kien jistenna minn Gvern suppost Ewropeista tar-razza pura, kien li dan jiddikjara bil-quddiem li lest li joqgħod għal kull deċiżjoni li jistgħu jieħdu l-Qrati ta’ Malta jew tal-Unjoni Ewropea.
Minflok ġew jaqgħu u jqumu minn x’jistgħu jiddeċidu l-qrati, u spiċċaw jinsulentaw l-intelliġenza tagħna lkoll meta qalu li jekk dawn il-€50 miljun minn din it-taxxa illegali jkollhom jintraddu lura, xorta jinġabru minn xi forma ta’ taxxa oħra. Daqstant ir-rispett lejn dak li jiddeċiedu l-istituzzjonijiet u l-protezzjoni li dawn kellhom jagħtu liċ-ċittadini Maltin li tant ftaħħru biha fi żminijiet oħra.

Ħobż
Suppost li wieħed mill-benefiċċji prinċipali ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea kellu jkun il-ħarsien tad-drittijiet tal-konsumatur. Għal darb’oħra huma l-fatti li jgħoddu u mhux il-paroli li sar qabel ir-referendum.
Jekk tabilħaqq hawn xi forma ta’ protezzjoni tal-konsumatur f’dan il-pajjiż, jista’ xi ħadd jispjegali kif għola l-prezz tal-ħobż minħabba l-ispejjeż li żdiedu minn barra, imbagħad ħobża suppost ta’ ratal u ħobża ta’ nofs artal għolew bl-istess mod, b’sitt ewroċenteżmi kull waħda?!

 

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan