MediaToday

Toni Abela | 08 ta’ Marzu 2009 Nr 123

Żball ta’ €50 miljun: min għandu jħallas għalih?

Ħadd mhu se jħallas għal dan l-iżball. Kulma għandu jiġri hu li min ħa l-flus iħallashom lura. Fi ftit kliem ħadd mhu se joħrog flus mill-but. Dan mhux il-każ ta’ meta tfittex lill-Gvern għad-danni.
Meta l-Gvern iħallas id-danni lil xi ħadd irid joħroġ il-flus mill-but. Fil-każ tal-ħlas lura ta’ VAT li tħallset fuq ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi hu biss ir-radd lura ta’ taxxi li ma kellhomx jitħallsu. Il-prinċipju hu sempliċi u l-matematika ċara.
Fil-bidu ta’ Frar ta’ din is-sena l-Kummissjoni Ewropea tat dak li tissejjaħ ‘reasoned opinion’, jiġifieri fehma mibnija fuq is-sens komun u r-raġuni. Din il-fehma ngħatat kontra l-Finlandja, l-Awstrija u Malta. Il-konklużjoni kienet ċara mhux daqs il-kristall
iżda daqs l-ifjen djamant: li din il-VAT għandha tintradd lura lill-konsumatur għax diġà ħallas għaliha mingħand minn xtara l-vettura tiegħu.
Mhux hekk biss, iżda l-Kummissjoni saħansitra għamlet referenza għal deċizjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, fosthom id-Danimarka.
Il-problema għall-Gvern mhux li jifhem x’għandu jagħmel iżda qed isibha diffiċli biex joħroġ €50 miljun. Bħal meta wieħed jirċievi depożitu ta’ bejgħ u jonfqu. Il-bejgħ ma jsirx u jsibha diffiċli biex iħallas id-depożitu lura u jibda joħrog b’elf skuża biex ma jħallsux. Il-Gvern qiegħed jagħmel l-istess. Flok qiegħed iħabbel moħħu kif se jsib il-fondi biex iħallas lura liċ-ċittadin li ħallas bi żball, qiegħed jivvinta kull skuża possibbli biex ma jħallasx.
L-ewwel irrikonoxxa li dawn għandhom jintraddu lura iżda l-ħlas ma jistax isir għax diġà ntefqu fi ħwejjeġ oħra għall-benfiċċju tal-poplu. Bir-rispett kollu dawk il-benefiċċji kollha għall-benefiċċju tal-poplu diġà tħallsu t-taxxi għalihom. Jekk din l-iskuża tkun aċċettatha jfisser li nħolqot speċi ta’ soprataxxa oħra mingħajr ħadd ma ħabbarha jew kien jaf biha. Bħal meta taxxa ma titħallasx bi żball ikollha titħallas bl-imgħaxijiet, bl-istess mod, taxxa li titħallas bi żball għandha titħallas lura bl-istess munita.
L-agħar fost l-iskużi hi li sal-lum ħadd għadu ma ħa lill-Gvern ifil-Qrati Maltin u rebaħ kawża. Qabel xejn diġà hemm kawżi simili kontra pajjiżi oħrajn fosthom id-Danimarka. Meta l-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja tat sentenza kontra d-Danimarka li ma tistax
issir kaċċa fir-rebbiegħa, il-Gvern Malti rraġuna b’mod għal kollox differenti minn kif qed jirraġuna issa fil-każ tal-ħlas lura ta’ VAT imħallsa żejda.
Minkejja li Malta kienet kisbet deroga li fir-rebbiegħa kaċċa ma ssirx, u minkejja l-elf wegħda li kaċċa tista’ ssir, il-Gvern mill-ewwel qata’ l-kaċċa fir-rebbiegħa minħabba d-deċiżjoni kontra l-Finlandja.
Dakinhar ebda Ministru ma ħareġ u qal li għandha ssirlu l-kawża f’Malta. Dawn huma l-mumenti li jiddistingwu l-kliem mill-fatti. Jekk dan il-Gvern tassew għandu vokazzjoni Ewropeista, kif ilu s-snin dejjem jgħanni, għandu jgħaddi għall-fatti u juri li se jbiddel l-attitudni tiegħu marbuta ma’ kultura antika ta’ min għandu raġun imur il-Qorti. Issa hu l-mument biex juri kemm tassew se joqgħod għall-bidla fil-kultura politika li ġabet magħha s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Minflok ħataf l-okkażjoni biex jibgħat dan il-messaġġ ta’ bidla radikali jrid li nibqgħu għaddejjin bil-massma l-antika tal-ġlied fil-Qrati u dan kollu biex jirbaħ iż-żmien u l-imgħaxijiet, għax b’kawża l-Qorti tkun qiegħed tixtri arloġġ mingħajr minutieri. Irid
li eluf ta’ Maltin jidħlu jitkaxkru l-Qorti bil-ħafna ħela ta’ żmien u spejjeż li dan iġib lura. Dan flok ikun raġel u jħallas lura dak li messu qatt ma rċieva.
F’mumenti bħal dawn tintebaħ ukoll kemm il-Gvernijiet li ma jridux jirraġunaw qegħdin f’pożizzjoni dominanti fuq iċ-ċittadin. Meta xi ħadd minnha ma jħallasx il-VAT fil-ħin ikollu jħallas balla imgħaxijiet u penali flimkien mal-kapital. Kien hawn min ukoll spiċċa il-ħabs għaliex ma ħallasx il-VAT.
Mentri issa, għax għandna sitwazzjoni bil-maqlub, iċ-ċittadin xorta qiegħed fl-iżvantaġġ. Irid jagħżel. Jinsa li jitħallas lura li ħallas bi żball jew jgħaddi mill-manglu tal-Qrati. Il-Gvern għandu jirrikonoxxi li għandu jħallas lura dawn il-flejjes bl-istess ħeffa li jiġborhom.
Jien insibha diffiċli biex nemmen li xi ħadd fid-dipartiment tal-Finanzi ma ntebaħx b’dan l-iżball qabel ma ħarġet l-opinjoni tal-Kummissjoni. Joseph Muscat kien ilu li ġibed l-attenzjoni dwar dan. Kulħadd kien jaf li l-Kummissjoni kienet irċeviet ilment bħal dan
u s-sentenza kontra d-Danimarka hemm kienet. B’danakollu l-VAT fuq ir-reġistrazzjoni baqgħet tinġabar flok ġiet sospiża għal mument sakemm ikun hemm deċiżjoni ċara. Jekk m’għadhiex tinġabar illum ukoll!
Il-Gvern għandu jirrikonoxxi li għamel żball, kif bħal donnu impliċitament li għamel, meta saret il-proposta li dawn jitnaqqsu mill-ħlas tas-circulation tax. Iżda min ħallasha jrid il-flus f’idejh għax meta se jmur jixtri mingħand tal-laħam mhux se jħallas bil-kupuni. Jekk il-Gvern ma jagħmilx hekk se jingħata eżempju ħażin u kontra kull prinċipju demokratiku se tissaħħaħ l-impressjoni popolari li min ikun fil-Gvern jagħmel li jrid.
Sar suġġeriment mill-Oppożizzjoni li fil-fehma tiegħi ma jħammar wiċċ ħadd. Flok isiru l-eluf ta’ kawżi l-Gvern għandu jkun raġel u jħallas volontarjament. Dan jista’ jsir billi tinħoloq xi tip ta’ skema biex titħallas lura din it-taxxa. Tkun skema fejn jinflew it-talbiet kollha li jsiru fid-dawl ta’ dak li qalu l-Istituzzjonijiet Ewropej. Min ikun ħaqqu, jitħallas, u nifhem ukoll, li kull ħlas isir b’mod raġonevoli biex ma jintgħafas ħadd.
Nittama li Ċesri m’għandux żewġ uċuh!

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan