Sports | 08 ta’ Marzu 2009 Nr 123
Tinħasdux! M’huwiex Mauro German Camoranesi ta’ Juventus. Veru li jagħtih lemħa. Wara kollox tal-istess demm Sud Amerikan u tal-istess pajjiż … Arġentina. Iżda għal min ma jafux jew forsi sema’ ismu u ma jafx li hu ngħidilkom li Julio Alcorse, l-attakkant ta’ Hibernians li misluf lil Marsaxlokk, għandu ħafna minn Camoranesi. Leħinhom u l-aċċent Taljan kważi l-istess. Il-mod ta’ kif jirraġunaw fula maqsuma. Kieku b’xagħru twil miġbur toppu u iqsar milli hu ngħid li hu clone tiegħu. Meta nindirizzah Mauro jmejjel rasu bħallikieku jrid jgħidli, “lanqas in-nida fejn ix-xita.”
“Diġà għidthieli darb’oħra din però naħseb li hemm ftit differenza. Qatt ma ltqajt miegħu għalkemm nixtieq ħafna. Ikun ta’ pjaċir għalija. Tkun xi ħaġa sabiħ jekk xi darba jirnexxieli jew jirnexxielek tlaqqagħni.”
Għal mument kont insejt li l-aħħar darba li kont rajtu kien tagħni x’nifhem li nfurmat sew fuqi. Jaf sew li bejni u bejn Mauro Camoranesi hemm rapport sod ta’ ħbiberija. Inwiegħed lil Julio Alcorse biex l-ewwel darba li nkun sejjer Turin ninfurmah u nieħdu miegħi.
Ma’ Julio iltqajt ftit tal-ġimgħat ilu f’lejla partikolari f’post partikolari fi tmiem il-ġimgħa. Ma kontx nafu personali qabel ħlief għal ismu u wiċċu. Minn dak iż-żmien sal-lum il-kuntatt ta’ bejnietna sar aktar ta’ sikwiet. Fil-plejer nara bniedem differenti minn plejers oħra.
L-esperjenza ta’ dawn l-intervisti għallmitni biex niżen dejjem kulma jgħiduli. Dejjem ikkwotajt kulma jingħad bi preċiżjoni għalkemm konvint li mhux kulħadd kien ġenwin mija fil-mija f’diskorsu. Din kienet waħda mill-ftit drabi li ħriġt konvint mija fil-mija minn dak li qalli ta’ quddiemi.
Julio huwa bniedem serju u tal-affari tiegħu. Jgħożż ħafna r-reliġjon Kristjana u aktar minn hekk jipprattikaha wkoll. L-għajnejn tal-bniedem tul is-siegħa li għamilt inkellmu ma qatgħu qatt milli jkunu ffukati f’għajnejja. Dik xi ħaġa li nemmen fiha ħafna u li forsi minnha għandi don li ninduna jekk il-bniedem ikunx qed jitkellem minn qalbu jew le. L-attakkant ta’ Marsaxlokk ikkonvinċini f’kollox!
Iltqajt ma’ Julio Alcorse jumejn wara r-rebħa kontra Msida St. Joseph b’żewġ gowls tiegħu li bihom ippremja lil Marsaxlokk b’post fiċ-Championship Pool. Jidher frisk, għadu ġej minn xi testijiet mediċi. Ir-raġel daħkan u kuntent. Reġa’ ħa d-dawl billi ħallas tal-fiduċja li ngħata bl-aħjar mod wara s-sospensjoni li kellu. Ninnota fih bniedem differenti mill-aħħar darba li rajtu f’sens ta’ trankwillità. Jidher aktar minn ċert li ħadd mhu se jwaqqfu milli jkompli juri l-potenzjal tiegħu li jagħmlu fost l-aqwa barranin li għandu l-futbol Malti.
“Jien persuna li ngħożż il-prinċipji li twelidt u tgħallimt matul ħajti. Sinċier u leali lejn kulħadd. Reliġjuż ħafna wkoll u ma niddejjaqx ngħid li jien Kristjan devot. Nipprova nipprattika r-reliġjon ta’ kuljum u dejjem ippruvajt nagħmel it-tajjeb. Nemmen li hemm Alla u li għandu s-saħħa fuq id-dinja kollha u jien nipprova nagħmel dak li għamel Hu u dak li jridna nagħmlu.”
Julio Alcorse jirrispondi kull mistoqsija li nagħmillu anki dawk l-iktar delikati. Mill-forma ħażina li bdew biha Marsaxlokk sas-sospensjoni tiegħu. Ikellimni anki fuq Malta u fuq il-futur. Fuq kemm hi diffiċli l-ħajja fl-Arġentina u fuq Diego Armando Maradona. Jgħidli kif ġiet fuqu l-opportunità biex jiġi pajjiżna.
“Kont qed nilgħab l-Arġentina. Minn dejjem kelli x-xewqa li mmur nilgħab barra anki għaliex il-qagħda tal-pajjiż mhux xi waħda mill-aħjar. Il-flus li jieħdu l-plejers fl-Ewropa huma erba’ darbiet aktar minn dak li jieħdu fl-Arġentina. Aktar minn hekk ridt insib il-kwiet.
“Kienu ġew għalija Hibernians. Sabu l-informazzjoni tiegħi minn fuq website Spanjola u għamlu kuntatt miegħi. Għamluli offerta u aċċettajt. L-iktar importanti għalija kienet iċ-ċertezza f’dak li nkun qed nagħmel. Tkellimt u għamluli proposta. Aċċettajt u ġejt.”
Julio Alcorse twieled fis-17 ta’ Settembru 1981 f’Santa Fe, l-Arġentina. Miżżewweg lil Hulietta u missier ta’ Katalina. Jgħidli kemm jinsab għal qalbu f’pajjiżna tant li ma jeskludix il-possibbiltà li jibqa’ jgħix hawn għal dejjem.
“Malta huwa pajjiż mill-isbaħ. Hawn dak kollu li jkollu bżonn plejer barrani. Hawn il-kwiet u postijiet sbieħ u aktar minn hekk il-poplu simpatiku u jilqgħek kull fejn tmur. Dawn l-affarijiet jagħmluk komdu biex tgħix f’din il-gżira. Malta pajjiż turistiku u forsi dik hija r-raġuni l-għala bniedem barrani jħossu komdu hawn.
“Qed nikkonsidra lil Malta bħal d-dar tiegħi għal dejjem. Hawnhekk sibt ruħi tajjeb ħafna. Għandi l-familja miegħi u jinsabu għal qalbhom ħafna. It-tifla tmur l-iskola u għamlet ħafna ħbieb. Sibt trankwillità u ċertezza. L-Arġentina diffiċli ħafna biex tgħix minbarra li pajjiż perikoluż immens. Hawnhekk pajjiż safe.”
Julio jispjega kurżità fuq kif beda jilgħab il-futbol. Jgħidli li rnexxielu jkollu ħajja ta’ plejer professjonali grazzi għal imħatra ma’ missieru li kien dejjem isostni fuqu li mhux plejer kapaċi, tant li fi tfulitu kien tah parir biex imur jistudja u jinsa l-ballun darba għal dejjem.
“Skont missieri ma kontx tajjeb. Ta’ tmien snin kien qalli biex nagħmel xi ħaġa oħra għax għall-futbol miniex kapaċi. Tagħni parir biex nistudja. Kien jgħidli li jien miniex magħmul għall-futbol. Iżda ommi u ħuti kienu jaħsbuha differenti. Jien ridt nibqa’ nilgħab u għalhekk kien ippropona fil-familja li jsir ftehim biex l-ewwel logħba li nkun se jilgħab jiġu jarawni kollha. Kienu ġew jarawni u għamilt diżastru sħiħ. Għamilt affarijiet orribbli. Wara dakinhar ommi u ħuti ikkonvinċew ruħhom ukoll li l-futbol ma kienx ħajti.
“Sakemm kelli 11-il sena ma lgħabtx aktar. Fil-mument fejn kull tifel fl-Arġentina jingħata ballun bħala l-ewwel rigal jien ingħatajt parir biex ninsa l-futbol. Jien għandi ħuti kollha bniet u ikbar minni u forsi għalija kien ta’ żvantaġġ ħdejn tfal oħra.
“Ta’ 11-il sena erġajt bdejt nilgħab ma’ sħabi fejn id-dar. Darba kien qed jarani nilgħab sid ta’ klabb żgħir u riedni mmur nilgħab fit-tim tiegħu. Aċċettajt u għidtlu biex jitkellem ma’ missieri. “Missieri baqa’ skantat kif mar jgħidlu li jrid joħodni miegħu għax f’moħħu kellu dik il-wirja ta’ meta kienet ġiet tarani l-familja kollha però kkonvinċa ruħu.
“Kien minn hemm li erġajt bdejt. Kienet imħatra ma’ missieri. Bdejt nieħu pjaċir nitgħallem u kont ukoll fortunat li sibt l-ewwel kowċ li għallimni ħafna. Ta’ 16-il sena għamilt sena l-Italja ma’ Chiavari. Kienet esperjenza mill-isbaħ.
“Imbagħad ġiet l-esperjenza ma’ Boca Juniors u wasalt anki sal-ewwel tim. Għamilt tliet snin magħhom sakemm ġiet l-opportunità ta’ Malta.”
Nitkellem miegħu fuq is-sospensjoni li kien dabbar mill-klabb wara diversi wirjiet kwieti. Julio jistqarr li minkejja dan kollu baqa’ jqis lill-President Robert Micallef bħala ħabib uniku b’rapport partikolari bejniethom.
“Ili nilgħab 10 snin. Jien tgħallimt nifred il-ħbiberija mix-xogħol. Huwa l-kap tax-xogħol tiegħi u jien naħdem miegħu.
“Li kien ġara huwa li l-livelli tiegħi ma bdejtx nilħaqhom. Ma bdejniex nilagħbu tajjeb bħala tim u forsi ġejt ikkastigat jien għax stennew aktar minni. Jien barrani u nifhem li rrid nagħmel aktar mill-Maltin u f’dak iż-żmien forsi ma kontx qed nagħmel hekk.
Nemmen li għandi l-kwalitajiet u l-affarijiet tajbin iżda għandi d-difetti tiegħi wkoll li jitilfuli rasi. U meta nilgħab f’kundizzjoni hekk ma nagħtix il-mija fil-mija.
“Jien ngħix il-ħin tal-partita b’mod differenti minn kif jagħmel ħaddieħor. Dan għalija xogħol. Nipprova nagħmel dejjem l-aħjar anki jekk xi drabi jkun impossibbli għax, kif taf, il-futbol huwa sport li fih tista’ tirbaħ u titlef. Però hemm mod kif titlef u hemm mod kif tirbaħ.
“Illum ir-relazzjoni bejni u bejn il-President tajba ħafna kif wara kollox dejjem kienet anki meta kien iddeċieda li jissospendini. “Kelli l-ġranet normali ta’ rabja iżda konna tkellimna. Jien fiehemt lilu u u fehem lili u nirringrazzja lil Alla li kollox mar sew.”
Julio jagħtini l-ideat tiegħu ta’ kif jara l-futbol Malti. Jemmen li hawn ħafna plejers ta’ livell għoli iżda hawn ukoll ħafna affarijiet x’intejbu biex noqorbu lejn il-professjonalità tal-pajjiżi l-kbar.
“Naħseb li hemm ħafna affarijiet x’ittejbu. Però l-ewwel tridu tibdew minna l-plejers stess. Trid tinbidel il-mentalità. Mill-Arġentina ħarġu plejers kbar iżda mhux kollha għandhom il-mentalità ta’ plejers professjonali.
“Jien inqis il-futbol bħala ħajti u xogħli. Ħaddieħor jilagħbu biex jiddeverti u jieħu pjaċir jew biex jaqla’ l-flus u jkun jista’ jgħix komdu.
“L-istess ħaġa tgħodd għall-plejers Maltin. Kieku jibdlu l-mentalità hawn ħafna aktar plejers ta’ livell milli għandkom. Nemmen li għall-gżira tant żgħira hawnhekk hawn livelli aktar minn aċċettabbli. L-Arġentina hemm ħafna aktar minn fejn tagħżel.”
Nistaqsih jekk il-gowls li skorja ma’ Birkirkara u Msida servewx biex jagħti risposta lil tant kritiċi li kellu f’dawn l-aħħar jiem. Jirrispondi b’diplomazija…
“Le. Jien nirringrazzja lill-President li reġa’ tagħni ċ-ċans. Li rritornajt u skurjajt kienet biss risposta għalija nnifsi. Bil-qiegħda d-dar mal-mara sofrejt. Kont ngħidilha li jekk jerġa’ jiġini ċ-ċans se nieħdu. Kont irrabjat u ddispjaċut. Però naf li dawn l-affarijiet normali fil-futbol. Daqqa l-aqwa u daqqa l-agħar.
“L-objettiv tagħna hija l-FA Trophy. Huma żewġ partiti diffiċli kontra żewġ timijiet kbar. Però bħalissa qed naħseb biss fi Sliema Wanderers. Jekk nirbħu naraw x’jiġri wara. Il-kampjonat diffiċli ħafna għax Valletta u Hibs diġà qabdu r-rankatura. Jekk jirnexxielna jkun premju mistħoqq wara dak kollu li għaddejna minnu. Għandna skwadra kbira bi plejers kbar u rridu nuru dan. Jekk nirbħu t-Trophy niddedikaha lill-President għax naf li hu għamel ħafna għall-klabb u għall-plejers.”
Julio jagħtini l-opinjonijiet tiegħu fuq x’jaħseb li kien sejjer ħażin fit-tim Xlukkajr sa ftit taż-żmien ilu sakemm bħal donnhom inbiddlu taħt it-tmexxija ta’ Patrick Curmi.
“Ma jfissirx li għax għandek ħafna plejers u ħafna ismijiet għandek tim. Nemmen li minn dak iż-żmien sal-lum inbdilna fil-mentalità. Jien naħseb li tim isir tajjeb bis-sagrifiċċji tal-plejers. Trid issib l-aqwa kundizzjoni ta’ kull plejer. Kien żball li ħsibna li għax kellna ismijiet kbar bilfors li se jkollna tim tajjeb. Fil-logħbiet ta’ Birkirkara u Msida fhimna kollha li rridu nagħmlu xi ħaġa tajba. Neħħejna kull ambizzjoni personali biex ilħaqna l-ambizzjoni tas-soċjetà. U rnexxielna!”
Jitkellem fuq il-livell tal-kampjonat Malti u fuq ammirazzjoni speċjali lejn plejer partikolari.
“Kampjonat diffiċli u iebes. Mhux faċli tilgħab għax kulħadd jaf il-kwalitajiet u d-difetti ta’ kulħadd. Hawnhekk hawn dik il-ħaġa li int tista’ tara żewġ partiti f’daqqa u allura ċ-ċans tiegħek biex tara l-logħbiet li ma jkunux jikkonċernaw it-tim tiegħek huma ikbar. Mhux daqshekk faċli tilgħab Malta.
“Il-plejer favorit tiegħi huwa Andrew Cohen. Għandu kwalitajiet kbar u meta kont narah jitħarreġ kont ninduna li għandu makakkerija kbira bil-ballun f’saqajh li rajt bħala biss fl-Amerika Latina. Għalija jista’ jilgħab f’kull pajjiż ieħor tal-ogħla livell. It-tul mhux kollox. Għandu kwalità terribbli u personalment jogħġobni ħafna bħala plejer.”
Ikellimni fuq it-tim nazzjonali u xi plejers partikolari li fl-opinjoni tiegħu jistgħu jilagħbu barra l-pajjiż filwaqt li jitkellem fuq Hibernians u Marsaxlokk, iż-żewġ klabbs li lagħab magħhom s’issa kemm ilu Malta.
“Ma rajtx ħafna logħbiet tan-nazzjonali. It-tim nazzjonali għandu l-iżvantaġġ li jilgħab kontra timijiet li għandhom plejers li jilagħbu fl-aqwa klabbs tad-dinja. Differenti ħafna milli tqabblu mal-kampjonat. Iżda t-tim nazzjonali għandu plejers kbar li ħafna minnhom jistgħu jilagħbu f’kampjonati oħra. Plejers bħal Jamie Pace, Terence Scerri, Sean Bajada u Kevin Sammut jistgħu jagħmluha.
“Jien ma nafx klabbs oħra hawn ħlief Hibernians u Marsaxlokk u b’dak li se ngħid ma jfissirx li l-oħrajn m’humiex. Però Hibernians u Marsaxlokk huma klabbs serji li dak li jgħidu jwettquh. Jekk iwiegħduk xi ħaġa ibqa’ ċert li se jagħmlu dak li wara jkunu qalulek.”
Ma setax jonqos li ma’ plejer mill-Arġentina ma nitkellimx fuq il-leġġendarju Diego Armando Maradona u diskors ieħor relatat mal-futbol u l-plejers f’dan il-pajjiż.
“Diego kien mitiku fil-futbol. Jien naħseb li bħalu ma jkun hawn qatt aktar. Fl-Arġentina hemm ħafna biografiji tiegħu miktuba minn coaches, professuri u tobba. Kollha jgħidu li kien speċjali. Ma kellux bżonn jitħarreġ daqs plejers oħra. Kellu don uniku. Fil-futbol għamel ħafna affarijiet li l-plejers il-kbar tal-lum anqas joħolmuhom. Ma naħsibx li jista’ jkun hawn ħaddieħor bħalu. Għalina l-kelma Maradona hija xi ħaġa sagra fil-futbol. Hemm uħud li jqisuh idolu u oħrajn bħala xi alla. Maradona huwa l-istorja tal-futbol mondjali.
“Se tkun iebsa biex l-Arġentina jirbħu t-Tazza tad-Dinja iżda jistgħu jagħmluha għax hemm Maradona kowċ li jfisser ħafna affarijiet fil-futbol Arġentin. Jaf jifhem il-moħħ tal-plejers u l-plejers se jkunu kkundizzjonati biex jippruvaw lilhom infushom lil Maradona.
“Fil-mument hawn ħafna plejers kbar Arġentini. Iżda nħallu barra lil Riquelme, li jien għandi simpatija kbira lejh, naħseb li Lionel Messi l-aqwa plejer Arġentin. Anki hu għandu xi ħaġa speċjali. Għandu l-ħeffa u jagħmel affarijiet inkredibbli.”
Lejn l-aħħar nitkellem ma’ Julio Alcorse fuq il-futur tiegħu. Jgħidli li kif jispiċċa l-istaġun se jmur l-Arġentina biex imbagħad jirritorna ma’ Hibernians, it-tim oriġinali tiegħu li minkejja li mhux magħhom jixtieq li jarahom jirbħu l-10 kampjonat tagħhom. Minkejja dan kollu ma jeskludix li jibqa’ ma’ Marsaxlokk jekk ikun il-każ.
“Is-sena d-dieħla għad irrid nara. Il-kuntratt jgħidli li rrid immur lura mal-Hibs. Però rridu nitkellmu t-tliet partijiet għax forsi jkun hemm affarijiet ġodda. Irrid nivvaluta kollox iżda l-kuntratt jgħidli li rrid immur lura mal-Hibs. Nispera li tal-inqas Hibernians jirbħu l-kampjonat. Qed jagħmlu staġun mill-aqwa.
“Nammetti li Marsaxlokk jogħġbuni. U jogħġbuni għax għax inħossni komdu. Inħoss li għandi ħbieb personali u għalija jkun aktar faċli li naħdem f’ambjent hekk.
“Jien irrid nispiċċa dan l-istaġun ma’ Marsaxlokk imbagħad immur l-Arġentina għall-vaganza tas-sajf fejn il-familja tiegħi. Imbagħad nirritorna mal-Hibs.”
Julio jirringrazzja lill-familja u liż-żewġ klabbs li tawh iċ-ċans jagħmel karriera f’pajjiżna.
“Nirringrazzja lil mara li dejjem sibtha viċin tiegħi u għeniti biex dejjem nagħmel l-aħjar mill-ħajja. Nirringrazzja lill-Hibernians li kienu huma li fetħuli l-bibien biex ġejt hawn. Lill-President ta’ Marsaxlokk għax kellu fiduċja fija. Anki jekk ġara dak li ġara jien nemmen li hu għad għandu fiduċja fija.”
|
|

Harry Vassallo jintervista lil Vince Farrugia, kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- Giovanna Debono
- Bernard Cauchi u Michael Grech
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|