MediaToday

Pjazzetta | 08 ta’ Marzu 2009 Nr 123

Tnieda Id-Demm Nieżel bħax-Xita

Il-Ħamis li għadda kienet lejla ddedikata mill-ġdid lill-vittmi tal-Palestina permezz tat-tnedija tal-ktieb Id-Demm Nieżel bħax-Xita li jġib ismu minn messaġġ iddisprat li kien bagħat it-tabib Palestinja Yousef Mousa wara l-ewwel bumbardament Iżraeljan.
L-inizjattiva tal-ktieb saret wara li numru ta’ kittieba u poeti ddeċidew jingħaqdu f’lejla ta’ solidarjetà għall-vittmi li bħalma qal Patri Ġwann Xerri: ‘tgħinek issalva ruħek u tagħmel xi ħaġa f’sitwazzjoni impossibbli’. Wara ngħaqdu aktar poeti li taw kontribut bil-kitba tagħhom fil-ktieb.
It-tnedija kellha attendenza numeruża fiċ-Ċentru tad-Drama fil-Blata l-Bajda. Qalb l-udjenza kien hemm l-Ambaxxatur Palestinjan, l-Imam tal-moskea Mohammed El Sadi, Palestinjani li jgħixu f’Malta u għaqdiet mhux governattivi fil-qasam tal-iżvilupp.
Il-kontributuri tal-ktieb huma Adrian Grima u Karl Schembri, li ħadu ħsieb li jeditjaw il-ktieb; Immanuel Mifsud; Norbert Bugeja; Antoine Cassar; Sanaa El-Naħħal; Victor Fenech; Clare Azzopardi; John P. Portelli; Maria Grech Ganado; Mario Azzopardi; Caldon Mercieca; Achille Mizzi; Peppi Azzopardi; Vince Fabri u Walid Nabhan. Dakinhar tat-tnedija ħadu sehem bil-mużika tagħhom Lara Vassallo u Vince Fabri.
Il-pubblikazzjoni saret bil-għajnuna ta’ Inizjamed, iċ-Ċentru tad-Drama, Ramattan u Skop. Id-disinn tal-qoxra sar mill-artist Jonathan Grima. Għal aktar tagħrif żur www.skarta.org.

Il-Gaża filgħaxija
Fuq il-golgotta tad-dmija
Imnażża’ l-qalziet
Sidirha mċarrat jqattar kubrit
U swaba’ l-iskiet
Tgħawwar fil-partijiet privati ta’ laħamha
Eli… Elohim… Alla tiegħi

Silta minn ‘Il-Gaża minn fuq il-Golgota’ ta’ Walid Nahban, kittieb refuġjat Palestinjan li jgħix f’Malta

 

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan