Bernard Cauchi u Michael Grech | 08 ta’ Marzu 2009 Nr 123
Biex nibdew. Dan mhux artiklu għal kulħadd. Dan hu artiklu mitkub għal min għandu twemmin Nisrani. Qarrejja li m’għandhomx dan it-tagħlim ovvjament huma milqgħuha li jaqrawh, għalkemm il-premessi li fuqhom hu msejjes probabbilment ma jaqsmuhomx magħna.
It-tieni l-artiklu jitlaq mill-idea ta’ Malta bħala pajjiż b’identità Kattolika-Nisranija. Issa, skont dawk li jbeżżgħu bl-immigrazzjoni, din l-identità hi mhedda mill-preżenza fostna ta’ dawn l-emigranti. Apparti d-difetti fundamentali tal-mod li bih dawn jifhmu l-idea ta’ identità (ħaġa li ikkritikajna fil-ktieb Knisja tat-Triq ippubblikat fl-2006), hemm tliet affarijiet żbaljati li l-argument donnu jimplika:
1. li l-Maltin huma kollha Nsara Kattoliċi, inkella mhumiex Maltin mentri hawn numru mhux ħażin ta’ Maltin Nsara mhux Kattoliċi u ta’ oħrajn li lanqas biss baqgħu Nsara.
2. li l-immigranti mhumiex Insara, imma huma kollha Musulmani, mentri hemm numru mhux ħażin minnhom li huma Nsara.
3. li l-preżenza tal-Musulmani minnha nnfisha hi ta’ theddida għall-identità tagħna. Bħallikieku jekk wieħed ma jikolx majjal jew waħda tilbes velu, dan il-fatt se jnaqqasli xi ħaġa.
Madankollu, anke jekk nassumu li Malta hi pajjiż fundamentalment Kattoliku, hi l-petizzjoni tas-CNI li hi l-veru theddida għall-identità tiegħu u mhux il-preżenza ta’ dawn in-nies. Dan għaliex ħaġa li hi fundamentali għar-reliġjon Nisranija u għall-Kattoliċiżmu (reliġjon li isimha jfisser universalità u mhux l-għeluq ta’ nazzjon) hi l-ftuħ lejn il-barrani.
Diġà fl-Antik Testment insibu lil Alla jwiddeb lill-poplu tiegħu biex “Jekk jiġi jgħammar miegħek f’artek il-barrani, la taħqrux. Ikun għalik il-barrani bħal wieħed ta’ ġewwa; ħobbu bħalek innifsek…” (Levitiku. xix, 33 –34). Il-barrani, flimkien mal-armla u l-iltim, huma t-tliet kategoriji ta’ nies vulnerabbli li n-nuqqas ta’ ħarsien tagħhom jiġbed l-għadab ta’ Alla. Ġesù stess ipoġġi bħala kundizzjoni biex nidħlu fis-Saltna tas-Sema l-fatt li: “…kont barrani u lqajtuni…” (Mattew xxv, 35).
Fit-tradizzjoni popolari Maltija wkoll il-Kristjaneżmu ddaħħal minn barrani, mhux Ewropew, jemmen f’reliġjon differenti min dik tan-nies tal-post u wara li ttrakka mingħajr ma ried fuq xtutna bħal bosta immigranti fi żmienna. Il-Maltin ta’ dak iż-żmien laqgħu lilu u lill-sħabu u ma sakkruhomx għax fosthom ‘seta’ kien hemm xi kriminal’ kif nisimgħu wħud illum jippruvaw jiġġustifikaw il-politika stupida ta’ detenzjoni.
Anzi, kif innutalna seħibna Patri Ġwann Xerri, il-Maltin tal-Istorja laqgħuhom minkejja li kienu jafu li fosthom kien hemm kriminali, kif joħroġ mis-silta tal-Atti fejn jgħid “Malli raw in-nies tal-pajjiż il-lifgħa mdendla ma’ idu, bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: ‘Dar-raġel tassew li hu xi qattiel, għax għalkemm ħeles mill-baħar, il-Ħaqq ma jħallihx jgħix.” L-identità tagħna ma kinitx tkun dak li hi kieku dawn m’għelbux il-preġudizzji tagħhom. Mhux korrett allura, li wieħed jgħid li l-petizzjoni ta’ Karmenu Mifsud Bonnici u sħabu hi theddida għal din l-identità?
Imma aħna x’għandna x’naqsmu?
Hemm min jgħid li aħna m’għandna l-ebda obbligi lejn dawn minħabba li ma ħloqniex aħna l-problema tagħhom. Bħal Kajjin tisma’ bosta jsostnu li m’għandniex responsabbiltà għal dawn ħutna.
Issa dan kollu hu żbaljat għal żewġ raġunijiet. Żbaljat għax jekk l-identità tagħna hi nisranija, u mhux neo-liberali u kapitalista, hu dmirna ngħinu lil min hu fil-bżonn, anke jekk aħna ma naħtux għall-qagħda tiegħu. Anzi, jekk verament nemmnu dak li ngħidu, se niġu kkundannati jekk ma nagħmlux dan.
L-għani tal-parabbola (Luqa xvi, 19-31) ma ġiex ikkunannat għax sfrutta hu lil Lazzru jew għax serqu. Bħalna rraġuna li Lazzru mhux problem tiegħu. L-għani ġie kkundannat għax lil Lazzru injorah. Għaraf lil Lazzru biss meta hu kien batut u ddisprat, waqt li l-fqir kien fil-glorja ta’ Alla ma’ missierna Abram. Meta niffirmaw il-petizzjoni mhux bħas-sinjur qed nagħmlu?
It-tieni nett, man-nies tat-Tielet Dinja, m’għandniex biss dejn ta’ ħniena. Għandna wkoll dejn ta’ ġustizzja, minkejja li pajjiżna fil-passat ma kellux kolonji, anzi kien kolonja hu. Ngħidu aħna, ħafna mill-prodotti li aħna nixtru bi prezz kompetittiv huma frott tal-isfruttament, li hu serq, li kumpaniji multinazzjonali jagħmlu fit-Tielet Dinja.
Il-bott kafè li xtrajt aktarx li min ħadmu ma tħallasx ta’ xogħlu. Biex xtrajt qalziet bi prezz tajjeb, ħaddiema ġew sfruttati u maħqura fit-Tielet Dinja. Kumpaniji li nixtru ż-żejt mingħandhom qed jisirquh min-Niġerja (tant li n-nies ta’ dan il-post, li ż-żejt suppost hu tagħhom, biex ikollhom ftit żejt iridu jisirquh b’riskju kbir ta’ splużjonijiet u ħruġ, minħabba li ż-żejt kollu hu kkontrollat minn multi-nazzjonali Ewropej).
Issa jekk normalment jien legalment obbligat ma nixtrix stereo misruq u nsir kompliċi jekk nagħmel dan, għalfejn m’għandux ikun hemm l-istess raġunament għal affarijiet oħra?
Hemm imbagħad il-problemi li qed jitwieldu fit-Tielet Dinja frott tal-istil ta’ ħajjitna. Jien u int nużaw karozza biex imorru x-xogħol jew niddevertu. Tabo li jinsab fil-Ghana ma jużax waħda għax m’għandux. Il-karozza li jien u int qed nużaw qed tgħolli t-temperatura tad-dinja għalina u għalih. Hu qed ibati minħabba fina; side-effect ta’ xi ħaġa li hu m’użax u ma gawdiex, bħalma jien u int għamilna.
Barra minn hekk, jien u int nistgħu nilqgħu xi ftit għal din il-bidla billi nixtru airconditioner. Tabo mhux biss ma jistax jagħmel hekk, imma din il-bidla li jien u int ikkawżajna jista’ jkollha konsegwenzi wisq agħar għalih. Jekk għandu għalqa, il-bidla fit-temperatura li jien, int u oħrajn fl-ewwel dinja qed noħolqu, tista’ twassal biex l-għalqa li forsi jaħdem issir deżert. Dan mhux każ remot.
Il-Christian Monitor qalet li l-bidla fit-temperatura li ġibna jien, int u oħrajn fl-Ewwel Dinja, u l-bidliet fl-ambjent li din ħolqot, huma t-tieni l-akbar kawża tal-emigrazzjoni fil-kontinent Afrikan wara l-gwerra. Nistgħu għalhekk ngħidu li m’aħniex responsabbli?
Meta qed tiffirma, Ġesù qiegħed jarak
Nagħmlu dawn it-tliet domandi li min hu Nisrani u għadhom ma ġewx iħabbtulu l-bieb KMB u sħabu. Jekk int Nisrani, tista’ tiffirma petizzjoni kontra Ġesù, li hu barrani u int ma tridx tilqgħu?
Jekk temmen fil-ġustizzja t’Alla tista’ tiffirma meta dan widdeb b’mod ċar li “Imbagħad nersaq lejkom għall-ħaqq … kontra dawk li jkeċċu l-barrani…” (Malakija III, 5); ħaġa li Ġesù stess ikkonferma meta semma li ħaġa li twassal għall-ġudizzju ħażin hi li ‘Kont barrani u ma lqajtnix’?
Jekk dan ir-Randan trid li jkun wieħed ġenwinament nisrani ftakar li hemm affarijiet aktar importanti milli ma tikolx laħam jew ħelu. Kif jgħid Alla fit-Testment il-Qadim ‘Ħniena rrid u mhux sagrifiċċju’. Jekk tegħleb il-preġudizzji (forma ta’ konverżjoni) u ma tiffirmax il-petizzjoni tikseb mertu wisq aktar milli toqgħod nieqes mil-laħam jew tipjip.