Joe Ellis | 08 ta’ Marzu 2009 Nr 123
Ftit xhur ilu s-senatur Taljan Paolo Guzzanti telaq il-partit ta’ Silvio Berlusconi li miegħu kien tela’ fil-Parlament. Qamet polemika sħiħa li kellha anke mill-personali. Guzzanti huwa esponenti pjuttost prominenti tal-lemin fl-Italja u kien il-President ta’ kummissjoni li ppruvat turi li Prodi kellu rabtiet mal-KGB. Meta telaq lill-Partito delle Libertà, wieħed mil-logutenti l-aktar fidili ta’ Berlusconi, il-Ministru tal-Kultura Sandro Bondi, attakka lil Guzzanti u qallu li ġaldarba kien tela’ bil-voti tal-Partito delle Libertà, kellu jirriżenja għax kien qed jittradixxi l-votanti li vvutawlu.
Sentimenti simili kien esprimihom Gianfranco Fini, illum President tal-Kamra Taljana, meta n-neputija tad-Duce u ta’ Sophia Loren, Alessandro Mussolini, kienet telqet lill-Alleanza Nazionale.
Kummenti bħal dawk li għadda Sandro Bondi għaddihom il-Ħadd li għadda, Georg Sapiano f’artiklu dwar l-aġir ta’ Jeoffrey Pullicino Orlando li ġie ppubblikat bi prominenza kbira fis-Sunday Times: “Had he (JPO) not contested the PN ticket he would have obtained just a tiny fraction of the votes he did, so he sits in Parliament as a member of the party first and foremost.”
Għaldaqstant, għal dan l-esponenti prominenti tal-Partit Nazzjonalista, il-lealtà primarja ta’ Membru tal-Parlament hi lejn il-partit li fi ħdanu jiġi elett u deputat għandu joqgħod għad-dixxiplina ta’ dak il-partit. Eżatt min jiddeterminaha din il-linja ma tantx hu ċar. L-evidenza turi li l-partiti l-aktar li jimxu hu b’kunsens impost minn fuq, kunsens li l-militanti jridu jsegwu. Madankollu ħafna jħossu li Membru tal-Parlament elett fil-lista tal-partit għandu joqgħod għal dak li jiddetta l-istess partit u għalhekk ftit hemm lok ta’ awtonomija fl-aġir politiku tiegħu.
Il-kuntest politiku hu dak li hu u l-kummenti li ġejjin assolutament ma jfissrux li wieħed jaqbel fil-mertu ma’ dak li stqarr id-Deputat in kwistjoni. Madankollu wieħed ser jillimita l-kummenti għall-aspett kostituzzjonali tas-sitwazzjoni. Kemm hi leġittima l-asserzjoni li Membru tal-Parlament jirrappreżenta lill-partit tiegħu u mhux lill-votanti li jkunu eleġewh ?
Fil-fatt, il-verità hi li meta deputat jitla’ fil-Parlament, il-partit ftit ikollu kontroll formali fuqu. Il-kontroll li jeżisti hu pjuttost il-frott ta’ konsiderazzjonijiet oħra. Id-deputat ikollu ambizzjonijiet li m’humiex ser javvanzaw wisq jekk jirribella kontra l-linja tal-partit. Madankollu, mil-lat kostituzzjonali, ma teżisti l-ebda sanzjoni fuq deputat li jagħżel li ma jimxix skont l-amar tal-whip. Għalkemm saret pressjoni biex id-deputat jirriżenja, ħadd ma seta’ jġagħlu jirriżenja mill-Parlament. L-aktar l-aktar, f’każijiet estremi, id-deputat jirtirawlu l-whip u ma jibqax jappartjeni lill-Grupp Parlamentari li fi ħdanu kien. Il-partit jista’ anke jkeċċih minn membru, possibbiltà li ħadd m’hu jsemmi fir-rigward ta’ JPO għal raġunijiet ovvji.
Deputat m’għandux l-obbligu kostituzzjonali li jaġixxi b’mod kolleġġjali kif għandhom il-ministri li jridu jassumu responsabbiltà kollettiva għall-aġir sħiħ tal-Gvern. Deputat hu ħieles li jikkritika lill-Gvern, anke jekk hu tal-istess partit tiegħu u li jivvota kontra dak li jirrakkomanda l-whip tiegħu. L-uniċi konsegwenzi jqumu jekk deputat jivvota kontra mozzjoni ta’ fiduċja fil-Gvern jew kontra abbozz finanzjarju. Jekk il-Gvern jitlef tali vot, jitlef il-fiduċja.
Li deputat jitlaq il-partit tiegħu m’hu xejn ġdid. Churchill innifsu kien telaq il-Konservattivi għal-Liberali qabel ma mar lura mal-Konservattivi. U anke f’Malta kellna bosta każijiet fejn esponenti politiċi emigraw minn partit għal ieħor. L-anqas m’hi xi ħaġa ta’ barra minn hawn li Gvern jitlef vot fil-Parlament. Minkejja li għandu maġġoranza Parlamentari solida, il-gvern ta’ Berlusconi tilef kemm-il vot fil-Parlament. U l-Prim Ministru Ingliż, ikun min ikun, regolarment jaffaċċja dak li jissejjaħ “backbench revolt”. Biex ma nsemmux lill-Kungress Amerikan li sfida kemm lil Bush fl-aħħar tar-renju tiegħu kif ukoll lil Obama fl-aqwa tal-glorja tiegħu dwar il-pakkett ta’ stimulu. M’hemm xejn trawmatiku f’demokrazija Parlamentari li gvern jitlef vot fil-Parlament, anzi hija ħaġa ferm pożittiva li żżomm lill-eżekuttiv saqajh mal-art.
Madankollu hawn Malta qed nassistu għal tendenzi li qed jimminaw l-istess essenza tad-demokrazija Parlamentari. Kif ikkummenta Michael Falzon f’ġurnal ieħor il-Ħadd li għadda, it-tendenza li l-Prim Ministru ma jibqax sempliċiment ministru primus inter pares fost il-kollegi ministerjali l-oħra ilha tevolvi.
Filwaqt li l-kariga ta’ prim ministru dejjem arrogat għaliha poteri akbar minħabba l-influwenza u l-prestiġju li l-kariga tgawdi, qed nassistu għall-evoluzzjoni ta’ sistema presidenzjali fejn il-poteri li darba kellu s-sovran qed jiġu eżerċitati mill-prim ministru, assistit mill-ministri li jiddependu għall-kariga tagħhom fuq il-beneplaċitu tal-istess prim ministru. Fit-teorija, il-kontroll tal-operat tal-eżekuttiv huwa f’idejn il-ġudikatura u f’idejn il-Parlament.
Il-ġimgħa l-oħra waqt li kien intervistat fuq programm tan-Net TV, l-ex-Speaker Anton Tabone ilmenta li l-Parlament m’huwiex awtonomu u fi żmienu kien qed isir xogħol fuq abbozz ta’ liġi biex isaħħaħ l-operat tal-Parlament. Li ried jgħid hu li l-Parlament jiddependi għall-operat tiegħu fuq ir-riżorsi li jipproponilu l-eżekuttiv, rizorsi li kulħadd jaf kemm huma inadegwati imma li l-Parlament, sena wara sena, jivvota b’rutina kbira fl-approvazzjoni tal-estimi.
Huwa spropositu kbir li tgħid li l-Parlament jeħtieġ li jkun awtonomu meta fit-teorija l-Parlament huwa suprem. Imma fir-realtà l-poter reali qiegħed f’idejn il-Kabinett u b’mod partikulari, f’idejn il-Prim Ministru. F’pajjiżna, b’differenza ta’ pajjiżi oħra, kemm il-Parlament kif ukoll il-ġudikatura, li tiġi appuntata esklussivament mill-Kabinett, huma neqsin mir-riżorsi biex iżommu kontroll adeġwat fuq l-operat tal-eżekuttiv.
F’sitwazzjoni bħal din, li tgħid li deputat jirrappreżenta l-partit u għandu jimxi skont il-linja li jiddetta l-partit, sakemm mhux għal xi raġuni gravi ta’ kuxjenza, mhux talli din l-idea hi bla ebda bażi fil-Liġi jew fil-Kostituzzjoni, talli hi perikoluża u timmina l-istess natura tad-demokrazija Parlamentari.
Huwa minnu li deputati ħafna drabi jmorru kontra l-linja tal-partit mhux għax ma jaqblux mal-linja politika imma għal kunsiderazzjonijiet oħra li jistgħu jkunu ta’ natura personali. Imma dan ma jbiddel xejn mis-sistema tagħna li l-prim ministru jintgħażel għax igawdi l-appoġġ tal-maġġoranza tal-membri tal-Parlament u li dawn il-membri jistgħu jirtiraw dan l-appoġġ skont kif jidhrilhom. Allaħares nispiċċaw b’sistema li fiha l-membri tal-Parlament ikollhom joqogħdu għal dak li jiddetta l-apparat tal-partit.
Il-partiti diġà ħadu wisq spazju fid-demokrazija tagħna u rridu nevitaw li d-demokrazija Parlamentari titnaqqar dejjem aktar u ma tirrappreżentax l-aspirazzjonijiet reali tal-pajjiż. Jekk deputat ma jistax jaġixxi independentement minn dak li jiddetta l-apparat tal-partit, allura xi skop hemm li partiti jħajru persuni li għandhom fama li huma indipendenti fil-ħsieb u spiss ikkritikaw il-linja tal-partit jew l-operat tal-Gvern biex jikkontestaw għall-Parlament Ewropew?
|
|

Harry Vassallo jintervista lil Vince Farrugia, kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- Giovanna Debono
- Bernard Cauchi u Michael Grech
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|