Intervista | 08 ta’ Marzu 2009 Nr 123
Harry Vassallo jintervista lil Vince Farrugia, kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew
Rabti, koleriku, imprevedibbli, Vince Farrugia għamel oħra minn tiegħu: wara 15 il-sena jmexxi l-GRTU għażel li jikkandida ruħu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew mal-PN.
Tkellimt miegħu l-għada li kien ittieħed vot fil-GRTU dwar din id-deċiżjoni tiegħu li tat risposta għall-polemika li kienet inqalgħet u qajmet oħrajn.
“Jien offrejt li noħroġ mill-kamra waqt il-vot iżda l-membri riedu li nibqa’ hemm. Ma kienx vot tal-GRTU japprova li noħroġ mal-PN iżda li nħaddem il-libertà tiegħi li nikkontesta l-elezzjoni. Lanqas dawk l-uħud li vvutaw kontra ma riedu jċaħħduni minn dan id-dritt iżda xtaqu li nikkontesta bħala indipendenti.
“Ir-rabta li għandi mal-membri bnejtha jien u nibni l-GRTU għal dik li hi llum. Meta bdejt lanqas ma kellna biex inħallsu segretarja. Minkejja d-diskors kollu ħadd ma kien jagħti kas in-negozji ż-żgħar u l-Gvernijiet kienu jħarsu biss lejn l-intrapriżi l-kbar. Wara ħidma ta’ 15-il sena din il-qagħda bdilnieha”
Din mhix l-ewwel darba li Vince Farrugia qed jaqleb il-folja. Imrobbi Laburist bin ħaddiem tat-Tarzna, attiv fl-Azzjoni Kattolika u mbuttat lejn l-edukazzjoni minn missier anglofilu ambizzjuz li uliedu jiksbu tagħlim aqwa minn tiegħu, Farrugia beda karriera fiċ-Ċivil li wasslitu biex fl-1988, wara li kellu diversi karigi ta’ responsabbiltà taħt il-Gvern Laburista tas-snin sebgħin u tmenin, li jidderieġi l-politika tal-Gvern dwar l-edukazzjoni għolja.
“Kien Ugo Mifsud Bonnici li neħħieni mill-kariga. Tista’ tistaqsieh jekk trid. Kien qalli li konna għamilna żmienna u li issa kien imiss li niesu jkollhom l-opportunità li jmexxu huma. Ma kontx ħadtha bi kbira … fair enough.”
Jgħaddi jgħaġġel ilissen kelma jew tnejn dwar id-diffikultajiet li kien iffaċċja.: “Ħadd ma jaf x’rajt.”
Fetaħ negozju għal rasu bħala konsulent tal-iżvilupp tan-negozju u fost il-klijenti tiegħu kellu lill-FOI u lill-GRTU. Lit-tnejn li huma kien ipproponilhom struttura ġdida fejn il-President ikollu rwol ridott waqt li s-Segretarju Generali jkun full-time u l-uffiċjal prinċipali.
“Meta semmejt lil xi studenti tiegħi li kienu jkunu addattati għal din il-kariga, il-President ta’ dak in-nhar Carlo Cini qalli li kien irid lill-professor u mhux lil xi student tiegħu u minn dak in-nhar iddedikajt ruħi għal dan ix-xogħol favur in-negozji ż-żgħar li sibthom mingħajr ebda rikonoxximent legali, mingħajr xi tarġa li tiddefinixxi x’inhuma dawn in-negozji, meqjusa bħala parassiti u ttolerati iżjed minn ħaġ’oħra. Wara 15-il sena nħoss li dawn qegħdnihom fuq l-aġenda politika b’mod permanenti u llum wasal iż-żmien li nitlaq.”
Ta’ 64 sena Farrugia hu tal-età li fiha wieħed jistenna li jibda jaħseb biex jirtira u jgawdi s-snin tal-għabex u jistrieħ.
“ Stajt nirtira jew niddedika ruħi għal xi għaqda tal-isport jew fil-volontarjat.”
Hu u jgħidli hekk inħossu qed igħidli bil-kontra: li għadu żiemel u li għadu jrid itellaq.
“Fost l-MEPs issib ħafna nies bħali li jaslu fil-Parlament Ewropew wara karriera f’unions u għaqdiet tas-soċjetà ċivili. Nista’ nżid leħen ieħor għal Malta iżda jekk ma jridunix ma ġara xejn. Fil-fatt inkun nista’ naqdi lill-membri tal-GRTU aħjar minn Brussell għaliex il-poter qiegħed dejjem iżjed jaqleb għal hemmhekk u rwol tal-Parlament Ewropew dejjem jikber.”
Waqt li ħaddieħor jista’ jarah li baqa’ jserrep bejn il-PN u l-PL, Farrugia jirrakkonta l-vjaġġ tiegħu mill-perspettiva politika tiegħu. Bħala Laburist qabel l-1987 igħid li kien wieħed minn dawk li baqgħu kwieti għaliex kien mingħalihom li kienu biss minoranza żgħira li kienu responsabbli għall-vjolenza politika u l-inkwiet li nqala’. Is-snin disgħin jarahom bħala snin ta’ bidla u jistqarr li għandu rispett kbir għal Eddie Fenech Adami li mexxa l-pajjiż f’dawk is-snin li fihom intemmet il-Gwerra Bierda u għalhekk il-passaġġ strateġiku għal Malta waqt li “għaraf iwassal lill-pajjiż minn stat ta’ gwerra ċivili għat-tolleranza politika.”
Madankollu r-rwol tiegħu fit-tmexxija tal-GRTU qabel l-elezzjoni tal-1996 m’għenietx lil Fenech Adami. “Niżżiltu u tela’ Alfred Sant bis-saħħa tiegħi. Sa dak in-nhar il-maġġoranza fit-tmexxija tal-GRTU kienet saret ixxaqleb lejn l-MLP u Sant ingħata ċ-ċans isib alternattiva għall-isħubija fl-UE li kienet tagħtina aċċess għas-suq intern tagħha. Ma rnexxilux isib alternattiva u Malta waslet fi sqaq. Kieku kellu l-ħila jerġa’ lura u jaqbad dik it-triq, illum kien ikun il-PL fil-Gvern. Mintoff kien kapaċi li jsir l-iżjed ħerqan favur l-indipendenza wara li ma rnexxietx il-proposta tiegħu għall-integration.
“Ma nifhimx kif wara li Sant tilef fl-1998 u kien baxxa rasu għar-rieda tal-elettorat dwar l-isħubija reġa’ kkampanja kontriha. Kieku ma konniex nagħmlu parti mis-suq intern tal- Unjoni Ewropea kieku bħalissa d-diffikultajiet ekonomiċi li niffaċċjaw minħabba l-kriżi finanzjarja kienu jkunu ħafna agħar għalina.”
Nerġa’ nistaqsih x’fettillu joħroġ kandidat, li jiċċappas bil-politika, jitgħabba bl-istorja tal-PN u jiġbed il-kritika tal-PL.
“Naħseb li l-PN għandu bżonn demm ġdid bħal m’għandu bżonn l-PL li qed jieħu nies bħal Edward Scicluna u Marlene Mizzi. Il-PN tqal u għandu bżonn nies b’entużjażmu li jkunu kapaċi jisfruttaw il-personalità tagħhom biex isemmgħu leħinhom. Apparti ż-żgħażagħ, il-PN għandu bżonn jiġbed lejh nies ta’ esperjenza u mhux jaħlihom”
Parti mill-missjoni tiegħu bħala Ewro Deputat iridha tkun li jifrex l-esperjenza diretta tal-istituzzjonijiet tal-EU fost il-Maltin.
“Kritika li tista’ ssir lill-Gvern hi li żamm ħafna minn dawn l-esperjenzi għan-nies taċ-Ċivil. Hemm bżonn li tinfirex fost il-popolazzjoni.”
L-entużjażmu tiegħu favur is-sehem ta’ Malta fl-UE mhix ġdida: “Tajt sehem sħiħ favur l-isħubija fl-UE u saħansitra lill-iscriptwriters ta’ Fenech Adami. Ma nistħix ngħid u għadni mweġġa’ għal dak li kienu qalu fuqi u oħrajn nies bħal George Vella f’meeting fuq il-Fosos li konna mixtrijin. Għadni mweġġa’ u għadu ħadd ma skuża ruħu.”
L-istess jgħid għall-kritika li fiż-żmien għamel għall-Gvernijiet Nazzjonalisti: “ Dak li għedt għedtu bis-sinċerità kollha u ma jiddispjaċinix. Min jaf kemm hemm filmati tiegħi li nikkritikah. Jistgħu jerġgħu jxandruhom meta jidhrilhom għax dejjem għedt li kellu jingħad.
“Illum iħossni komdu li nikkontesta u nimmira li nieħu posti fost l-Ewro Deputati tal-PPE għaliex naqbel mal-politika tiegħu l-iżjed favur l-intrapriżi ż-żgħar u bil-ħsieb li jekk ma jinħolqux l-impjiegi l-Ewropa titfaqqar mhux biss ekonomikament iżda soċjalment u kulturalment.”
Jiddispjaċih li l-PL baqa’ Ewroxettiku minkejja d-diskors.
“Alfred Sant kien parti minn grupp ta’ nies li dejjem raw l-UE bħala klikka ta’ kapitalisti. Joseph Muscat għandu sfida kbira quddiemu biex jegħleb din il-kultura fil-PL. Nittama li jirnexxielu iżda jien ma baqgħalix ħin għal proġett tant fit-tul”
Meta jsemmili l-kredenzjali demokratiċi tal-PN nisfidah dwar it-tibdil fil-Kostituzzjoni tal-2007 li ħoloq żewġ klassijiet ta’ partiti politiċi. Jaħrab il-konfront. Jgħid li ma jifhimx. L-istess meta tlabtu fehmtu dwar il-kwistjoni tas-sitt siġġu:
“M’iniex espert tas-sistema elettorali iżda naħseb li jmissha ssir elezzjoni waħda bil-kwota għal sitt postijiet u mhux elezzjoni għas-sitt siġġu biss wara l-elezzjoni f’Ġunju.”
Illum qed jagħmilha ma’ Simon Busuttil u Richard Cachia Caruana u jissorprendini l-mod kif diġà ħa l-qagħda:
“Ħajjarni noħroġ Simon Busuttil li qalli li Malta għandha bżonn nies bħali fil-Parlament Ewropew, nies b’leħen qawwi. Għandna nies kapaċissimi fuq livell tekniku iżda xi kultant ikun hemm bżonn leħen iżjed oħxon. Kellna żewġ laqgħat mal-Prim Ministru li qalli li l-bieb tal-PN dejjem miftuħ. Meta ħarġet fil-gazzetti xnigħa li stajt inkun wieħed mill-kandidati tal-PN Joseph Muscat offrieli nomina minn naħa tal-PL kieku ma kontx għadni ddeċidejt.”
Nistaqsih jekk id-dixxiplina tal-partit kinitx se tqegħidlu sarima ma’ ħalqu. “Simon Busuttil ukoll bil-modi docili tiegħu kien jaf jieħu pożizzjonijiet li ma kinux jaqblu għal kollox ma’ dawk tal-Gvern. Il-Prim Ministru qalli li kemm-il darba rrabjah. Ngħid għalija mhumiex se jdaħħluli barmil ġo rasi.”
Jaf sew li qed jaqdi lill-PN mill-koxxa u jiġbed lejh l-voti ta’ ħafna negozjanti żgħar u tal-familji tagħhom li forsi mod ieħor ma kinux jitħajru jivvutaw f’Ġunju li ġej. Meta nsemmilu li qed jagħti iżjed milli jieħu jitbissem u jirringrazzjani tal-kumpliment iżda jinsisti li għandu ċans tajjeb li jirnexxi fil-proġett tiegħu.
Fiduċjuż li hu kapaċi li jippreswadi lin-nies. Ta’ 64 sena jinstema’ frisk, entużjasta, m’għandu xejn x’jitlef. Ħalla l-avventura politika għall-aħħar bħala l-aħħar tellieqa li jista’ jinfexx fiha kważi bħala divertiment. Bħala espert fil-management Farrugia ppjanaha biex tkun tellieqa win win win, almenu għalih.
|
|

Harry Vassallo jintervista lil Vince Farrugia, kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- Giovanna Debono
- Bernard Cauchi u Michael Grech
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|