Il-Punt - Giovanna Debono | 08 ta’ Marzu 2009 Nr 123
Għal ħafna Maltin il-gżira ta’ Għawdex tirrappreżenta destinazzjoni fejn wieħed jista’ jqatta’ tmiem il-ġimgħa, jew inkella vaganza qasira, ftit ’il bogħod mid-dar. L-esperjenza ta’ Għawdex għal dawn it-tip ta’ viżitaturi hi kemmxejn differenti minn ta’ dawk iċ-ċittadini Maltin l-oħra li però huma wkoll Għawdxin.
It-traġitt bil-vapur lejn Għawdex, li jieħu anqas minn nofs siegħa, hu minnu nnifsu simbolu ta’ dak li wieħed ikun qed iħoss meta jħalli warajh kollox u jħares ’il quddiem għal ftit ġranet ta’ mistrieħ u rilassament mill-pressjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum. Għalhekk tista’ tgħid li l-esperjenza ta’ Għawdex tibda mill-mument li wieħed jitla’ r-rampa tal-vapur u tispiċċa meta wieħed jerġa’ jgħaddi minnha fi triqtu lura lejn Malta.
Din l-esperjenza għandha sinifikat xi ftit jew wisq differenti għal dawk l-Għawdxin li jaqsmu lejn Malta regolarment għal raġunijiet ta’ xogħol jew studju. Ir-realtà ġeografika tal-gżira tiddetermina ċerti fatturi soċjo-ekonomiċi li jillimitaw in-numru ta’ servizzi u l-prospetti ta’ impjiegi f’Għawdex stess. Matul iż-żmien saret ħidma koordinata biex kemm jista’ jkun jingħelbu dawn id-diffikultajiet li jaffettwaw b’mod partikolari lil dawk residenti f’Għawdex.
Il-ħolqien tal-Ministeru għal Għawdex kien ifisser rikonoxximent li Għawdex, bħala gżira reġjun, kellu jingħata attenzjoni partikolari. Permezz ta’ dan il-Ministeru r-rappreżentanza ta’ Għawdex ingħatat aktar prominenza u fuq kollox leħen Għawdex beda jkun aktar effettiv f’postijiet fejn jittieħdu deċiżjonijiet importanti.
Dan hu l-għan prinċipali tal-ħidma li wettaq u għadu jwettaq il-Ministeru għal Għawdex. B’hekk ġew magħrufa aktar l-attrazzjonijiet partikolari li jagħmlu minn din il-gżira destinazzjoni distinta, u fuq kollox ingħatat aktar attenzjoni għall-bżonnijiet speċifiċi ta’ Għawdex f’diversi setturi soċjo-ekonomiċi.
Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fissret li anke Għawdex u l-Għawdxin ġew esposti għal opportunitajiet u okkażjonijiet fejn ibbenefikaw minn proġetti diversi taħt skemi ta’ finanzjament differenti. F’dawn il-ħames snin ta’ sħubija, twettqu diversi proġetti infrastrutturali u mhumiex, li wessgħu d-dimensjoni u l-perspettiva f’din il-gżira li tbati minn insularità doppja. Dan ġie rifless b’mod speċjali fin-numru ta’ skambji, ġemellaġġi u proġetti oħra li fihom kienu nvoluti skejjel, għaqdiet, kunsilli lokali u entitajiet oħra.
Permezz ta’ dawn diversi residenti Għawdxin, ta’ etajiet differenti u li ġejjin minn oqsma differenti, tħalltu u għamlu esperjenzi ma’ residenti ta’ pajjiżi oħrajn fl-ambitu Ewropew. Dan wassal għal djalogu interkulturali li espona l-wirt storiku u kulturali tal-gżira ta’ Għawdex filwaqt li żied l-għarfien fost l-Għawdxin dwar pajjiżi u gżejjer oħrajn.
Proġetti infrastrutturali li wettaq il-Ministeru għal Għawdex indirizzaw nuqqasijiet u ħtiġijiet partikolari biex jiggarantixxu żvilupp sostenibbli fil-gżira filwaqt li ngħatat attenzjoni biex jitħares l-ambjent naturali u dak storiku li huma elementi bażiċi tal-karatteristiċi ewlenin tal-gżira.
Dak li wettaqna rriżulta fost oħrajn f’toroq aktar moderni li joffru aktar sigurtà, terminal ġdid li kompla jtejjeb is-servizz tat-trasport bil-baħar, l-impjant għat-tisfija tad-drenaġġ li reġa’ radd lura għall-istat naturali tagħha l-bajja ta’ San Blass filwaqt li rriżulta f’ambjent marittimu aktar nadif billi aktar minn 90 fil-mija tad-drenaġġ iġġenerat f’Għawdex issa qed jiġi ttrattat.
Dawn il-proġetti huma biss ftit mill-ħafna li wettaqna u oħrajn li se nkomplu nwettqu b’riżq din il-gżira tagħna. Dan mingħajr ma ninsew l-impenn biex inżidu u ntejbu dejjem aktar is-servizzi edukattivi, soċjali u dawk tas-saħħa f’Għawdex kif għamilna matul iż-żmien.
Il-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex hi wkoll indirizzata fl-ambitu tal-viżjoni eko-Għawdex, li jfisser distinzjoni miżjuda ma’ dak li diġà toffri destinazzjoni Għawdex. Aħna nemmnu li l-impenn tagħna flimkien mal-koperazzjoni ta’ dawk kollha li jgħixu f’din il-gżira se jwassal biex dan l-għan ambizzjuż jintlaħaq.
B’hekk tkun tista’ titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li huma residenti f’Għawdex waqt li nagħmlu minn din il-gżira destinazzjoni aktar attraenti għal dawk li jżuruha.
|
|

Harry Vassallo jintervista lil Vince Farrugia, kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- Giovanna Debono
- Bernard Cauchi u Michael Grech
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|