Emmanuel Micallef | 08 ta’ Marzu 2009 Nr 123
Tajjeb kieku nitgħallmu ngħidu l-iswed iswed u l-abjad abjad. Imma r-realtà hi ferm ’il bogħod minn hekk. Saħansitra anke meta d-dinja kollha qed tgħid li se ngħaddu jew għaddejjin minn inkwiet industrijali, taqlib ekonomiku u kriżi finanzjarja, f’pajjiżna ninħlew nehdew fuq it-trufijiet tal-problemi jew inkella flok nikkonċentraw fuq il-kwistjonijiet reali nintilfu noħolqu kwistjonijiet oħra biex naljenaw lill-poplu.
Meta bdiet tinstema’ l-kelma riċessjoni aħna bdejna niddiskutu l-estensjoni tal-Mużew tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u t-Triq tal-Għadira. Meta rajna fuq il-mezzi tax-xandir l-eluf ta’ ħaddiema jiddemostraw kontra s-sensji fil-fabbriki kbar tal-karozzi, il-unions ta’ pajjiżna spiċċaw jagħtu bejniethom bil-Gvern jitbissem quddiem il-kwistjoni tad-dawl u l-ilma. Niskanta kultant kif dak li jolqot kull rokna tad-dinja donnu lilna ma jmissniex.
Hu minnu li d-daqs tagħna u l-karatteristiċi tagħna jistgħu jinfluwenzaw il-gravità tal-impatt tad-daqqiet li jiġu minn barra iżda żgur li ma jistax ikun li nibqgħu nħambqu fuq l-estrem. La dak li hu tajjeb u sabiħ u lanqas dak li hu ħażin u ikrah: la ġej minn barra ma nammettuhx. Kollox jew tort tal-Gvern jew tort tal-Oppożizzjoni.
Nammettu li bħalma tgħallimna nitkellmu flimkien madwar il-mejda tan-negozjati għadna ma tgħallimniex la kif nieħdu deċizjonijiet flimkien, la kif nerfgħu r-responsabbiltà flimkien u lanqas kif inwettqu flimkien dak li niftehmu dwaru. Il-qabża li jmisshom jagħmlu l-imsieħba soċjali hi f’dan is-sens.
Hekk fhimt meta fi żmien tal-ħatra tagħhom bħala mexxejja tal-partiti politiċi ewlenin kemm Lawrence Gonzi kif ukoll Joseph Muscat stqarrew li jridu jagħmlu mod ġdid ta’ politika! Fhimt sew naħseb imma għadni sal-lum bit-tama li forsi xi darba naslu.
Ngħiduha kif inhi, fil-partiti għad m’hemm ħadd li għandu l-boċċi u jqum jipproponi kif partit jista’ jaħdem mal-partit avversarju fl-interess tal-pajjiż. Min jazzarda jiftaħ ħalqu b’dan il-mod jispiċċa taħt il-giljottina tal-magna tal-partit u mhux biss jagħlqulu ħalqu imma jaħbuh minn wiċċ id-dinja. Il-maturità niksbuha meta narawha titwettaq fil-prattika u mhux bid-diskorsi.
Jekk qatt kien hawn żmien li hemm bżonn nagħmlu patt soċjali hu proprju f’dan iż-żmien. Jekk iżda l-klima u r-relazzjonijiet bejn il-partijiet soċjali għadhom mhux ingranati biex jaslu fi ftehim hi kwistjoni oħra. Il-probabbiltà hi li ħadd ma jrid idendel il-ġolġol. U l-Gvern, bir-raġun kollu, wara dak li kien ġara meta sar attentat qawwi biex naslu f’patt soċjali, mhux mistenni li jerġa’ jieħu xi forma ta’ inizjattiva.
B’hekk jekk l-andament tal-qagħda ekonomika tmur tajjeb jieħu l-mertu u jekk tmur ħażin iżomm l-għodda kollha f’idejh biex jiġġustifika għemilu. Skont jien, din mhix serjetà. Din logħba politika fina li qed tpoġġi l-għixien ta’ eluf ta’ familji f’riskju. U meta ngħid logħba politika mhux qed nirreferi għall-Gvern biss. Dan il-logħob jafu u jista’ jkun li qed jilagħbuh ukoll l-imsieħba soċjali wkoll – kemm il-unions kif ukoll dawk li jirrappreżentaw in-negozju u l-industrija.
Fil-qagħda li qegħdin imisshom ikunu huma li jieħdu l-inizjattiva. Ġejna f’sitwazzjoni li assolutament niddependu mill-barrani. Mhux qed nirreferi għall-Unjoni Ewropea. Iżda jekk l-industrija tal-manifattura, minkejja li ilha sejra lura għadha tipprovdi mijiet ta’ impjieg, għaliex is-soluzzjoni għandhom isibuhielna l-Ġermaniżi jew il-Franċiżi?
Xi proposti tressqu lill-Gvern biex nissalvagwardjaw l-impjiegi ta’ dawk li jiddependu fuq il-produzzjoni tal-karozzi? Qed nistennew li l-Gvern Ġermaniż u dak Franċiz jissussidja lill-fabbriki tal-karozzi tagħhom biex aħna mbagħad nirkbu l-karru? U jekk dawn ifallu fil-pjanijiet tagħhom se nibqgħu ndoqqu l-Aida?
L-istess fit-turiżmu. Ħafna mpjiegi għadhom jiddependu minn dan is-settur għalkemm mhux l-eżempju tal-aħjar kundizzjonijiet tax-xogħol li wieħed isib. Alla jbierek b’li għamilna s’issa se negħlbu l-problemi kollha li ġejjin!
Jew qed nistennew li r-rotot il-ġodda tal-low cost airlines se jimlew is-seats li tbattlu f’dawn l-aħħar xhur u tawna majnata fin-numru ta’ turisti li jżuruna u fid-dħul li ndaħħlu minnhom? Se noqogħdu nittamaw li t-turist jiddeċiedi jivvjaġġa f’rotot qosra fil-viċinanzi ta’ pajjiżu biex nirkupraw?
X’sar minnha l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu għax donnu għandha xi sarima li mhux qed tħallilha l-libertà li tieħu inizjattivi. Jekk din l-Awtorità spiċċa żmienha jew imtliet tilja dejn allura nżarmawha u jekk hemm bżonn imexxi kollox is-Segretarjat Parlamentari. Basta ma naħlux ħin u nsalvaw is-sitwazzjoni. Possibbli li l-Gvern, l-employers u l-unions u, jekk hemm bżonn organizzazzjonijiet oħra, inkluża l-Oppożizzjoni, mhux qed iħossu l-ħtieġa li jidħlu biex jagħmlu patt soċjali? Imqar jekk għal sena waħda!
|
|

Harry Vassallo jintervista lil Vince Farrugia, kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni Abela
- Giovanna Debono
- Bernard Cauchi u Michael Grech
Jiktbu l-kandidati
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|