MediaToday

Editorjal | 08 ta’ Marzu 2009 Nr 123

Lussu prezzjuż għal kulħadd

L-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Ġunju li ġej għandha tkun festa ta’ diversità b’kandidati ta’ kull għamla, ta’ kull età u provenjenza. Minnhom se ntellgħu ħamsa għalkemm ftit wara l-elezzjoni għandu jsir referendum fl-Irlanda li jiftaħ il-proċess biex jidħol fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona li bih Malta jkollha sitt deputati f’dan il-Parlament. Sal-lum ħadd ma jaf kif se jiġi elett is-sitt deputat.
Il-Gvern, li dejjem irridu nistennew mingħandu biex jieħu xi inizjattiva bħal din, għadu ma tħarrikx biex jgħid lill-eletturi x’se jiġri. Se nivvutaw f’Ġunju għal sitt deputati mill-ewwel jew għandu fi ħsiebu li dritt wara l-elezzjoni nibdew kampanja elettorali oħra biex intellgħu kandidat wieħed?
Ħadd ma jaf. Lanqas il-kandidati li diġà għandhom il-kampanji tagħhom imfassla u li diġà bdew jiddeffsu f’kull rokna li jsibu fejn jaqa’ xi dawl mir-rifletturi tal-media. Min sab l-isponsors u min għaqqad tim ta’ rjus kbar biex jgħinuh. Min iżżattat ma’ xi kap ta’ partit u min sab ruħu b’wiċċu jgħatti xi faċċata ta’ gazzetta f’intervista bla ħsieb.
Għandna kandidati xjuħ: Vince Farrugia ta’ 64 sena u Edward Scicluna ta’ 63; u għandna ż-żgħażagħ: Alan Deidun u Steve Borg. Hemm min ilu s-snin imdaħħal fil-politika bħal Claudette Baldacchino u oħrajn li nistgħu nqisuhom verġni bħal Edward Demicoli jew Yvonne Ebejer Arqueros.
Hemm min hu rikonoxxut bħala espert fil-kamp bħal Arnold Cassola, eks Segretarju Ġenerali tal-European Green Party; u min għandu l-vantaġġ li diġà jinsab fuq il-pultruna: Simon Busuttil, Louis Grech, David Casa u John Attard Montalto. Glen Bedingfield, għalkemm ħa post Joseph Muscat bħala MEP, jinstab f’kategorija għalih.
Jista’ jkun li s-suċċess ta’ dawn ta’ l-aħħar qed iħajjar lil ħaddieħor jipprova xortih għaliex ħlief John Attard Montalto ħadd minnhom ma kellu xi profil politiku għoli qabel ma laħaq MEP fl-2004.
Mhumiex kollha bl-istess ċans. Hemm min se jitla’ żgur bħal Simon Busuttil u oħrajn li jrid ikun miraklu biex jara r-rebħa. Ħadd ma jistaqsi lil Busuttil x’fettillu joħroġ kandidat iżda ħafna minn sħabu fil-listi elettorali jqabbduna lkoll il-kurżità.
Fl-2004 il-PN u l-LP kienu ħarġu tmien kandidati kull wieħed meta kien hemm ħames postijiet b’kollox. L-iżjed li setgħu jippretendu li jtellgħu realistikament kienu tliet Deputati. Għaliex joħorġu kandidati li m’hemmx ċans li jitilgħu?
Ir-risposta nsibuha fid-drawwiet li bnejna aħna u nħaddmu s-sistema elettorali tagħna f’elezzjonijiet oħra. Biex il-partit jiġbor kemm jista’ jkun voti jrid jintogħġob ma’ kemm jista’ jkun nies. Busuttil jiggustawh ħafna nies iżda l-PN ma jistax joħroġ ħafna clones ta’ Busuttil għax mhux kull Nazzjonalist jiggustah. Dawk li jitnaffru minn kandidati bħalhom għandhom bżonn kandidati ta’ għamla oħra biex jagħtu l-vot tagħhom.
Filwaqt li fl-elezzjonijiet nazzjonali n-numru ta’ voti li jiġbor il-partit, itella’ jew ma jtellax kandidati hu tal-akbar importanza minħabba r-regoli kostituzzjonali dwar min jikseb maġġoranza, assoluta jew relattiva, f’din l-elezzjoni mhi tal-ebda importanza liema partit jikseb il-maġġoranza ħlief għall-iskopijiet ta’ pika fiergħa. Importanti li l-voti jissarrfu f’kandidati eletti. Madankollu l-partiti joħorġu lil dan jew dak il-kandidat għax jaħsbu li jista’ jiġbed xi vot ieħor lejn il-partit li ma kienx jieħdu mod ieħor.
Vince Farrugia u Marlene Mizzi huma attraenti għaliex jiġbdu l-voti tan-negozjanti kbar u żgħar, Alan Deidun u Steve Borg immirati għan-nies tal-għaqdiet l-iżjed l-ambjentalisti. Claudette Baldacchino bħalma kien David Casa, tiġbed in-nies li jafuha mill-mezzi tax-xandir tal-partit. Il-partiti l-kbar b’dan il-mod jikinsu kull rokna li jistgħu biex jiġbru l-aħħar vot.
Il-mistoqsija li tqum waħedha hi jekk b’dan il-mod aħniex nitilfu nies li b’hekk jiċċappsu mal-politika meta kellhom pożizzjoni utli lil hemm mill-politika fil-ħajja pubblika jew aħniex nersqu għal politika oħra, iżjed kalma, iżjed ċivili li tippermetti li jieħdu sehem fiha nies li ma jkunux lesti għat-tip ta’ ġlied bla regoli li jseħħ fl-elezzjonijiet nazzjonali?
Aktarx li qegħdin nibnu politika bil-personalità doppja: taqbida dejjem tiħrax iżjed fl-elezzjonijiet ġenerali u elezzjoni iżjed tixbaħ programm tal-varjetà għall-Parlament Ewropew.

 

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan