MediaToday

Jiktbu l-kandidati - Rudolph Cini | 08 ta’ Marzu 2009 Nr 123

L-immigrazzjoni

Bard li jxoqq l-għadam; baħar li juri kemm tassew għandu rasu iebsa u żaqqu ratba. Imma minkejja dawn iċ-ċirkostanzi, ta’ spiss qed nisimgħu li numru ta’ immigranti illegali waslu fuq ix-xtajtiet tagħna.
X’inhuma dawk ir-raġunijiet li jgiegħlu lil bniedem jivvjagġa b’mod klandestin, b’mod moħbi biex jipprova jgħix ħajja aħjar? Imma naħseb, l-aktar mistoqsija importanti għalina li ngħixu hawn insaqsu, għaliex fl-aħħar minn l-aħħar, jispiċċaw hawn f’dawn il-gżejjer? Kif nistgħu aħna nassiguraw li nuru ċerta kompassjoni u għajnuna lejn dawn in-nies mingħajr ma jkunu ta’ piż soċjali u ekonomiku fuq pajjiżna?
F’dawn l-aħħar xhur smajna dwar diversi inizjattivi li ttieħdu bil-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu mmanniġati dawn il-problemi li issa m’għadhomx staġjonali ta’ dħul ta’ immigrazzjoni illegali. Għall-ħames snin li ġejjin se jkunu ngħataw 112 miljun ewro għall-fondi tal-fruntiera esterna kif ukoll fondi għal programmi bejn is-sena 2007 u 2008 ta’ 5.6 miljun ewro u 9.7 miljun ewro.
Fil-verità, dawn kellhom jgħinu biex inkunu f’pożizzjoni li nidentifikaw dgħajjes u inġenji li jkunu qegħdin jittraffikaw l-immigranti illegali fl-ibħra tagħna. Imma xorta bqajna nirċievu immigranti illegali f’pajjiżna u sal-aħħar statistiċi bejn Jannar u Frar ta’ din is-sena waslu 528 immigrant illegali. Fl-2008 waslu madwar 2,704 immigrant illegali.
Kien hemm xi ripatrijazzjoni u anke xi wħud li sabu passaġġ għal pajjiżi oħra kemm fl-Ewropa u saħansitra fl-Amerika, imma xorta waħda pajjiżna qiegħed isofri l-problemi soċjali, jekk mhux daqstant ekonomiċi, ta’ nies li jsibuha diffiċli li jintegraw fil-kultura tagħna u dan għaliex ħafna minnhom lanqas ikunu jixtiequ li jkunu hawn imma l-oġġettiv tagħhom huwa li jmorru lejn l-Ewropa ċentrali.
Il-problema tal-immigrazzjoni illegali hi waħda fundamentalment li tikkonċerna l-kwalità ta’ ħajja u l-livell ta’ għixien tagħna lkoll. Jekk dawn in-nies jistgħu jkunu assigurati ħajja diċenti, demokrazija u livell tal-għixien fid-dar tagħhom, taħsbu li ma jkunux jippreferu jibqgħu f’darhom, mal-familja tagħhom, ma’ ħbiebhom u fl-ambjent li huma mdorrijin?
Naħseb hawn fejn irrid ninsisti li l-Parlament Ewropew għandu jivvota flus mhux biss biex jassigura li jkollna fruntieri mgħassa b’aktar effiċjenza imma wkoll li nieħdu ħsieb programmi edukattivi, programmi ta’ inċentiva għal industrija u l-ekonomija fl-Afrika biex ikun hemm aktar stabbiltà soċjo-ekonomika.
Hawn ukoll irridu naqdbu l-barri minn qrunu u ngħinu biex jinbnew komunitajiet sodi, li ma jkunx hemm għalfejn familji u ħbieb jinfirdu imma jibqgħu jgħixu fi djarhom.
U fuq kollox nistgħu ngħinu lilhom mhux billi nħalluhom ikomplu jkissru d-dinjità tagħhom imma billi naħdmu biex b’mod bilaterali l-Ewropa flimkien mal-pajjiżi Afrikani joħolqu djalogu u skambji ta’ ideat li verament ikabbru kemm il-kreattività kif ukoll l-innovazzjoni għal kulħadd. Din is-sena hija s-sena tal-kreattività u nnovazzjoni, mela ejja ħalli nħarsu b’mod aktar pożittiv u pro-attiv lejn il-problemi tal-immigrazzjoni illegali.
S’issa dejjem ħsibna għal-strateġiji pjuttost reattivi, strateġiji li rridu nammettu li ftit li xejn kienu effettivi u komplew joħolqu pressjoni fuq il-popolazzjoni tagħna li hija t-tieni l-akbar densament popolata fid-dinja.
Irridu nistabbilixxu miżuri li mhux biss huma mmirati li nnaqsu l-impatt f’pajjiżna għax bir-rata li qed jaslu fi xtutna mhux se nkunu nistgħu nlaħħqu ma’ dan iżda rridu insibu mezz kif il-vjaġġ mill-Afrika ma jibda qatt.
Issa wasal iż-żmien li nkunu proattivi u b’ċittadin b’saħħtu fl-Ewropa nistgħu nkomplu nkattru l- ġid għalina, għal pajjiżna u għall-Ewropa.

Rudolph Cini hu kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew

 

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan