MediaToday

Jiktbu l-kandidati - Arnold Cassola | 08 ta’ Marzu 2009 Nr 123

Kull deni ħudu b’ġid – A Green New Deal

Li aħna għaddejjin minn riċessjoni qawwija kulħadd jaf. Mhux biss aħna l-Maltin imma, aktar u aktar, l-Ewropej u l-Amerikani kollha. Li ħafna ma jafux huwa għaliex ġiet fuqna ħabta u sabta din l-akbar kriżi finanzjarja u ekonomika mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn.
Fir-realtà din il-kriżi ġibnieha fuqna b’idejna meta ħallejna f’idejn l-ispekulaturi finanzjarji biex imexxu kif iridu huma mingħajr ebda kontroll u regoli fissi. “Is-suq isuq” kienet buzzword, jew frażi, rikorrenti li kienet tagħti l-impressjoni li kulħadd jista’ jibqa’ għaddej allegrament iħallas bil-Karta Visa jew Master, jissellef mill-banek, jieħu l-loans, jixtri bin-nifs, u kollox jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn, bl-illużjoni li kollox miexi fuq ir-rubini.
Ir-realtà tal-fatti qed turina llum li dan l-istil ta’ ħajja kien appuntu biss illużjoni. Imma, kif jgħid il-Malti, kull deni ħudu b’ġid. Ejja naraw kif nistgħu ndawru din il-kriżi f’opportunità għalina lkoll u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajna. Aħna ta’ Alternattiva Demokratika, flimkien ma’ sħabna l-European Greens, qegħdin nipproponu li jekk nitiligħu fil-Parlament Ewropew naħdmu favur Green New Deal li toħloq madwar 5 miljun post tax-xogħol ġdid fl-Ewropa, f’dan il-mument meta qed jintilfu eluf u eluf kbar ta’ postijiet ta’ xogħol tradizzjonali fil-qasam tal-manifattura, tal-industrija tal-karozzi, tat-tessuti u x’naf jien.
Naturalment, aħna rridu li anki pajjiżna, minkejja li hu ċkejken, igawdi mill-ħolqien ta’ postijiet ta’ xogħol ġodda u “ħodor”. Fiex tikkonsisti din il-Green New Deal u kif tista’ tgħin biex jinħoloq ix-xogħol f’Malta? Aħna nemmnu li ċ-ċokon ta’ pajjiżna jista’ jkun ta’ vantaġġ fiċ-ċirkostanzi tal-lum u li permezz tal-Green New Deal inkunu nistgħu noħolqu postijiet ta’ xogħol ġodda ta’ kwalità u li huma people friendly aktar milli jiddisumanizzaw lill-bniedem.
Per eżempju, minħabba li aħna pajjiż żgħir nistgħu naħdmu aħjar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ teknoloġija nadifa u innovattiva f’oqsma bħas-sistema tat-trasport pubbliku, tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija nadifa li ġejja minn għejjun alternattivi, bħax-xemx u r-riħ.
Naturalment, iżda, irridu naqbdu l-barri minn qrunu u naġixxu. Per eżempju, ilna ġejjin bir-riforma tat-trasport pubbliku s-sekli sħaħ. Kemm se ndumu nparlaw? Issa ċ-ċans li l-Gvern, flimkien mal-privat, jidħol għall-biċċa xogħol li jirrikonverti s-sistema ta’ trasport pubbliku bażwi li għandna u jġedded il-flotta ta’ karozzi billi jdaħħal minibuses, karozzi tal-linja li jaħdmu bl-idroġenu, bil-gass u bl-elettriku u, għala le, billi jagħmel l-akbar użu tar-rotot bil-baħar bejn xi bliet tagħna. Naturalment il-Gvern irid jgħin lill-privat biex din il-qabża ta’ kwalità sseħħ.
Jekk aħna nidħlu għal din il-Green New Deal żgur li, minbarra li noħolqu postijiet tax-xogħol ġodda, aħna ntejbu l-kwalità ta’ ħajjitna f’kull sens. Kull wieħed minna jkun jista’ jgawdi minn arja aktar nadifa, minn kundizzjonijiet ta’ xogħol itjeb, minn sistema ekonomika li tkun ċċentrata madwar il-ħtiġiet tal-bnedmin tad-demm u l-laħam u mhux madwar l-interessi tal-korporazzjonijiet kbar biss.
Bħal kull bniedem ieħor jien u sħabi fl-Alternattiva Demokratika għandna d-difetti tagħna. Imma aħna l-Greens għandna viżjoni ċara u dan urejnieh matul dawn l-aħħar 20 sena. Flimkien ma’ Yvonne Ebejer Arqueros u mal-Greens f’Malta u fil-Parlament Ewropew, jekk elett jien naħdem għall-bidla, bidla li tkun ta’ benefiċċju mhux biss għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin tal-lum, iżda wkoll għall-impjegati, għall-ħaddiema, għas-self-employed, għall-imprendituri ta’ għada, flimkien mal-familji u mat-tfal tagħhom.

Arnold Cassola, Alternattiva
Demokratika — The Green Party

 

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan