MediaToday

Jiktbu l-kandidati - Glenn Bedingfield | 08 ta’ Marzu 2009 Nr 123

Tajba għall-pazjenti fil-waiting lists

Mhux normalment nidħol għal dan il-kumitat. Il-Parlament Ewropew huwa bbażat fuq kumitati bħal ma l-Parlament Malti llum il-ġurnata għandu wkoll il-kumitati tal-Kamra. Fil-Parlament Ewropew jien qiegħed fuq il-kumitat tal-budget u fuq il-kumitat tal-iżvilupp tar-reġjuni. Kont naf li fil-Kumitat tax-Xogħol u Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew kienet se tkun diskussa d-direttiva dwar il-mobbiltà tal-pazjenti fl-Ewropa, jew kif inhi magħrufa, il-Cross Border Health Directive.
Din id-direttiva tinteressa lili għax tinteressa lill-pajjiżna jew aħjar lill-pazjenti f’pajjiżna. Hemm eluf illum jistennew fil-kju biex jagħmlu operazzjoni u allura din id-direttiva li qed tiġi diskussa bħalissa fl-istrutturi tal-Unjoni Ewropea hija aħbar tajba għal dawn l-eluf ta’ pazjenti. Mhux għax il-Gvern Malti għandu għalfejn joqgħod jistenna lill-Unjoni Ewropea biex tgħidlu x’għandu jagħmel! Imma dik hi s-sitwazzjoni li ġabuna fiha u f’dak l-ilma rridu ngħumu.
Meta ġejt elett fil-Parlament Ewropew biex nieħu post Joseph Muscat meta sar Mexxej tal-Partit Laburista bdejt naħdem fuq żewġ issues partikolari. Din tal-waiting lists u d-direttiva dwar il-cross border health directive kienet waħda minnhom u li dwarha ili nitkellem mill-ewwel laqgħa pubblika li għamilt fil-bidu nett ta’ Novembru f’Bormla. Daqstant ili ninsisti fuq is-soluzzjonijiet li jien narahom bħala t-triq waħdanija biex ittaffi l-problemi li ntefgħu fihom dawk l-eluf, aktarx ħafna minnhom anzjani, li għadhom qed jistennew biex xi darba jagħmlu l-operazzjoni li għandhom bżonn.
Għidt kif naħseb li għandha tkun solvuta din il-problema u nsistejt dejjem li l-Gvern għandu juża r-riżorsi kollha mediċi disponibbli għalih kemm fis-settur pubbliku u kemm fis-settur privat. U ma’ dawn ta’ l-aħħar jekk ikun hemm bżonn isir ftehim apposta magħhom.
Jekk il-Gvern Malti jaħdem din bil-għaqal ikun jista’ jrażżan u jnaqqas drastikament il-waiting lists li hu stess sejħilhom skandalużi. Skandalużi kemm huma skandalużi, eluf kien hemm jistennew u eluf għad hemm jistennew. Sakemm qed taqra din il-kitba wisq probabbli l-waiting list reggħet żdiedet b’xi naqra oħra!
It-tieni parti tal-proposti konkreti li ressaqt kienet tgħid li fejn l-isforzi li semmejt fl-ewwel parti ma jsolvux il-waiting lists għal kollox allura fejn ma nlaħħqux aħna tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li nibagħtu pazjenti barra l-pajjiż f’xi stat membru ieħor tal-Unjoni Ewropea. B’sodisfazzjon ngħid li din il-pożizzjoni li ħadt fuq din il-kwistjoni saret il-pożizzjoni uffiċjali tal-Partit kif imħabbar mill-Partit stess f’Jannar ta’ din is-sena.
Attendejt u ħadt sehem fil-Kumitat tax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew għax inzerta kien hemm xi żewġ membri Soċjalisti neqsin u tkellimt mal-Grupp Soċjalista biex nidħol jien nissostitwixxi għax lill-pajjiżna din id-direttiva tinteressana. Dħalt u vvutajt biex din id-direttiva tgħaddi.
Meta tidħol fis-seħħ din id-direttiva l-pazjenti Maltin se jgawdu minn drittijiet ġodda fil-kura medika biex jingħataw l-aqwa servizz possibbli.
F’dan il-kumitat kellna quddiemna 206 emendi għal din id-direttiva li kienu diskussi u għadd minnhom kienu approvati. Minkejja li kien hemm Deputati Parlamentari Ewropej li ressqu emendi biex din id-direttiva ma tidħolx fis-seħħ, il-vot tad-Deputati Soċjalisti kien determinanti biex iżomm ħajja din id-direttiva li minnha se jgawdu miljuni ta’ ċittadini madwar l-Ewropa.
F’Malta din id-direttiva mistennija tħalli mpatt pożittiv fuq is-sevizz tas-saħħa f´pajjiżna għax dawk iċ-ċittadini li ma jistgħux jingħataw kura f’waqtha f’pajjiżna se jkollhom id-dritt li jingħataw kura f’pajjiż iehor a spejjeż tal-Gvern Malti. L-iskop ewlieni ta’ din id-direttiva huwa li tistabbilixxi qafas ġenerali ta’ kif għandu jaħdem is-sevizz tas-saħħa fl-istati membri tal-Unjoni Ewropea biex kull ċittadin ikollu l-istess opportunità għal kura medika tajba u f’waqtha.
Meta tidħol fis-seħħ din id-direttiva se jkun possibbli wkoll li ċittadini Maltin jixtru mediċini minn pajjiżi oħra tal-għażla tagħhom. Dan ix-xiri se jkun jista’ jsir bla xkiel hekk kif ir-riċetti tat-tobba se jkunu rikonoxxuti fl-istati membri kollha tal-UE.
Madankollu, nibqa’ ninsisti li l-Gvern Malti m’għandux joqgħod jistenna din id-direttiva tidħol fis-seħħ imma għandu jindirizza l-problema li qed tgħabbi eluf ta’ pazjenti bi tbatijiet.
Ix-xogħol ta’ Membru tal-Parlament Ewropew illum sar li jaħdem u jara li jiġu mħarsa d-drittijiet taċ-ċittadini ta’ pajjiżu. Li jqarreb dak li hu tajjeb fl-UE lejn pajjiżu u jbiegħed dak li ma jaqbilx għall-poplu li jirrappreżenta. Jien nemmen ukoll li Parlamentari Ewropew Soċjalista għandu jaħdem biex l-Ewropa tkun iktar soċjali.
Għalhekk ngħid kullimkien li n-nies jiġu l-ewwel għaliex meta tgħid in-nies l-ewwel tkun qed tpoġġi l-interessi ta’ pajjiżek u tan-nies tiegħu fuq quddiem nett tad-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu. Din tal-cross border health hija waħda minnhom. Iktar u iktar meta dan il-Gvern baqa’ ċass quddiem il-problema.

Glenn Bedingfield hu kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew www.glennbedingfield.com

 

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan