MediaToday

Jiktbu l-kandidati - Malcolm Seychell | 08 ta’ Marzu 2009 Nr 123

Proposti dwar l-immigrazzjoni llegali

Bla dubju llum kulħadd qiegħed jaqbel li l-akbar problema li qed iħabbat wiċċu pajjiżna hi l-immigrazzjoni llegali. Individwi bħali konna naraw li din se tkun l-akbar problema ta’ Malta. Dak iż-żmien konna ġejna mgħajra razzisti u li qegħdin inbeżżgħu lill-poplu Malti.
Illum wasalna fi stat li snin ilu kont ngħid li se naslu jekk il-Gvern Malti jibqa’ ċass u ma jagħmel xejn. Hu għalhekk li ddeċidejt li noħroġ għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju li ġej għax nemmen li Malta għandha tkun rappreżentata minn nies li jkollhom viżjoni għall-futur ta’ pajjiżna u mhux jistenbħu meta l-problema tkun diġà ħakmitna waħda sewwa.
Il-Partit Azzjoni Nazzjonali ftit tal-ġimgħat ilu għamel 10 proposti ta’ kif l- immigrazzjoni illegali tista’ tiġi megħluba u nemmen li l-Gvern għandu japplikahom jew tal-anqas jiftaħ diskussjoni serja dwarhom. Dawn huma wħud minn dawn il-proposti:
1. Għandu jiġi ddikjarat Stat ta’ Emerġenza
2. Peress li Malta tkun dikjarat stat ta’ emerġenza, Malta tirrinunzja mill-obbligi tagħha skont il-konvenzjoni magħrufa bħala Dublin II u l-konvenzjoni ta’ Ġinevra li tirregola t-trattament tar-refuġjati u li qatt ma kienet intenzjonata biex tiffaċilita kolonjaliżmu ġdid. Dan għal Malta huwa każ ta’ sigurtà nazzjonali u għall-Gvern l-ewwel obbligu hu li jipproteġi lil pajjiżna u lil niesna.
3. Dawk l-immigranti llegali li jiddaħħlu fiċ-ċentri ta’ detenzjoni wara ftit ġranet ta’ mistrieħ jittieħdu jaħdmu taħt sorveljanza, inaddfu u jsewwu t-toroq, jiżbgħu l-arbli, jirranġaw il-ħitan u xogħol ieħor ta’ tisbiħ tal-pajjiż.
Din mhux skjavitù kif diġà pprova jpinġi xi ħadd. L-immigranti illegali qed jiswew miljuni lill-poplu Malti u jkun bix-xieraq li jagħtu lura xi ftit xogħol lejn il-poplu Malti
4. Taħt l-ebda ċirkostanza l-immigranti illegali ma jingħataw iċ-ċittadinanza Maltija.
5. Il-Gvern Malti jagħti ultimatum lill-imsieħba fl-Unjoni Ewropea li jekk ma jintlaħaqx ftehim dwar il-burden sharing obbligatorju, jew aħjar trattat komuni ta’ ripatrijazzjoni ma’ pajjiżi ta’ oriġini fiż-żmien stipulat, Malta tirtira l-koperazzjoni tagħha fil-formulazzjoni u tħaddin ta’ ligijiet Ewropej. Jintuża l-veto f’kull opportunità.
Membri ta’ l-UE jridu jifhmu li Malta għandha dritt, anzi dover, li tħares u tiddefendi l-interessi, il-kultura u l-identità tagħha u tfassal liġijiet li jaqblilha hi u mhux kif dettati lilha.
6. Kull min jinqabad iħaddem immigranti llegali mingħajr il-permess tal-awtoritajiet għandu jitlef awtomatikament il-liċenzja tan-negozju waqt li kull min jinqabad li huwa nvolut fit-traffikar tal-bnedmin jeħel awtomatikament sentenza ta’ għomor il-ħabs u konfiska ta’ dawk l-assi li ma jistax jipprova l-provenjenza legali tagħhom.
Jeħtieġ li l-Gvern jagħmel kuraġġ u jibda jaffronta b’mod iebes kemm lill-UE u anke lil ċerti NGOs li jidher biċ-ċar li l-unika interess li għandhom hu li jmorru kontra l-interess nazzjonali u jagħtu palata lil xi organizzazzjonijiet partikolari.
Tkun ħasra li Gvern li taħt Borg Olivier fl-1964 akkwista l-indipendenza għal Malta se jkun ħalla din il-problema taħrablu minn taħt idejh b’konsegwenza li jridu jiffaċċjaw din il-problema uliedna u ulied uliedna, li sa dak iż-żmien l-immigrazzjoni illegali se tkun akbar jekk nibqgħu għaddejjin b’din ir-rata ta’ bħalissa.
Inwiegħed lil kull ċittadin Malti li jien dejjem se naħdem fl-interess ta’ Malta u l-Maltin qabel kwalunkwe organizzazzjoni jew entità oħra.

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan