Carmelo Mifsud Bonnici | 08 ta’ Marzu 2009 Nr 123
Il-passat għandu piż 1. Il-ġimgħa li għaddiet bdiet bl-aħbar fuq numru ta’ gazzetti li l-ekonomiji ta’ numru minn dawk il-pajjiżi li kienu taħt il-ħakma komunista għadhom ma jistgħux jieħdu r-ruħ. Wara 20 sena li waqa’ l-Ħajt ta’ Berlin u b’diversi stati lura lejn il-libertà u d-demokrazija, xorta għadhom iħossu l-effetti ta’ dik id-dittatura twila. L-effetti ta’ dawk is-snin għadhom evidenti minkejja d-diversi miżuri li ttieħdu b’tant kuraġġ u determinazzjoni minn dawn il-popli. Verament tibqa’ tammira l-mexxejja li ggwidaw lil dawn il-bnedmin barra minn ċirku vizzjuż li qatel l-ispirtu uman u kisser l-istituzzjonijiet soċjali, kulturali u ekonomiċi li kellhom. 2. Il-mument attwali mhuwiex anqas faċli għalihom. Sfortunatament, l-attività ekonomika li l-komuniżmu rnexxielu jipproduċi xeħet ħafna gvernijiet biex imorru fuq in-naħa l-oħra tal-estrem. Kapitaliżmu mingħajr ħafna barrieri, liberissimu li jiddomina u jikkundizzjona. Il-ħsieb kien li b’dawn il-mekkaniżmi setgħu jqabbdu nar ta’ attività ekonomika li tista’ taċċellera l-proċess tal-bidla. Is-sens ta’ neċessità, li wieħed jaqla’ x’jiekol, li pajjiż jieħu l-ħajja ġab dawn in-nazzjonijiet f’iktar vulnerabbiltà quddiem din il-kriżi li xterdet b’qawwa mill-ikbar. 3. Il-laqgħa tal-mexxejja Ewropej fi Brussell il-Ħadd li għadda sabet għalhekk lill-Estonja, il-Litwanja, il-Latvja, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Rumanija u l-Bulgarija f’pożizzjonijiet diffiċli. Ir-rata ta’ inflazzjoni għoliet sew bil-Litwanja għaddejja fuq id-9.5 fil-mija, il-Latvja b’9.7 fil-mija, ir-Rumanija bis-6.8 fil-mija u l-Bulgarija b’6 fil-mija. Bir-rata ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol titla’ fil-Litwanja għal 12.3 fil-mija, fil-Latvja 9.8 fil-mija, fir-Rumanija 5.8 fil-mija u fl-Ungerija 8.6 fil-mija, jidher l-effett ta’ tali kriżi mondjali. Mhux biss, dawn il-membri tal-Unjoni li ħafna minnhom daħlu magħna jew preċiż warajna, imma anke l-Ukrajna għaddejja f’iktar diffikultajiet lill-industrija tagħha fil-kimika u l-ħadid tkeċċi eluf ta’ ħaddiema. Hemm stat ta’ aġitazzjoni u passi li ma jindikawx ħafna stabbiltà. Kif qalet tajjeb il-Herald Tribune: “Ukraine, once considered a symbol of an emerging, free-market democracy that had cast off authoritarianism, is tethering. And its predicament poses a real threat for European economies and the former Soviet republics.” 4. M’hemmx dubju li l-arja ma kinitx tant faċli biex wieħed jipprova jislet il-paniku, il-biża’ mir-realtà ekonomika. Biss hu minnu li għall-ewwel darba fl-istorja tal-Unjoni għandna membri li jistgħu jersqu lejn il-falliment. Mhux biss, imma qiegħed isir diskors ta’ qasma bejn dawk li huma sinjuri u dawk fqar. Il-pożizzjoni tal-Litwanja u l-Ungerija mhi sabiħa xejn u għalkemm m’hemmx dubju, iridu jaqdfu biex jerġgħu jiġu fuq saqajhom. Però wieħed ma jistax jinsa li l-valur ċentrali tal-għaqda hi s-solidarjetà. L-Ewropa ma toħroġx b’soluzzjonijiet immedjati imma ma tħallix l-affarijiet jippreċipitaw. Kif tajjeb tkellem Mirek Topolanek, il-Prim Ministru Ċek li għandu l-Presidenza f’idejh: “L-Unjoni Ewropea tgħin lil min għandu bżonn. Biss twettaq dan każ b’każ mingħajr ma toħloq diviżjonijiet bejn il-Lvant u l-Punent.” 5. Forsi l-pożizzjoni ppreċipitat iktar fid-drammatiċità tal-laqgħa meta l-Prim Ministru Ungeriż, Ferenc Gyurcsany, talab il-ħolqien ta’ fond ta’ €190 miljun għall-pajjiżi tal-Lvant, kif ukoll il-laqgħa ta’ disa’ repubbliki eks Komunisti qabel ma tantx ġiebu reazzjonijiet tajba. L-esperjenza turi li l-aġir mill-membri, li hu settarju u mhux favur l-avvanz sħiħ tal-Unjoni, ħafna drabi hu destinat għall-falliment. Dak li alleanzi temporanji politiċi ma jwasslux, però jkollhom l-effetti negattivi tagħhom. 6. Issa deħlin lejn l-Elezzjonijiet Ewropej. Il-Parlament Ewropew il-ġdid hu magħmul ukoll minn dawn l-Istati. Żgur mhux forsi dan il-pass “strateġiku” ta’ dawn il-pajjiżi se jkollu l-effetti tiegħu fil-futur. Meta elezzjoni ġenerali tinħakem minn sens ta’ reazzjoni lejn xi ħaddieħor, b’rabja u nuqqas tal-użu tar-raġuni, min jiġi elett ma jkunx neċessarjament bniedem li jirrappreżenta l-moderazzjoni imma l-estremiżmu. Il-politika hi maħkuma wkoll minn dawk li jħaddmuha ħażin. Jekk min imexxi, flok jiġi ggwidat mill-ħsieb u mir-raġuni, jintelaq għal għonq it-triq tal-emozzjonijiet irendi ruħu f’idejn deċiżjonijiet diżastrużi. L-effetti ta’ din il-laqgħa fil-kapitali Belġjana rridu narawhom b’iktar dettall u attenzjoni. Ikun żball li wieħed jimmaġina li l-kapitlu ngħalaq proprju, għax diversi kapitli oħra, qed jaraw is-sistema ekonomika li bnew tali u l-uniku rimedju li jaraw li għandhom hi l-Unjoni Ewropea. 7. Fil-5 ta’ April, meta hemm laqgħa oħra li għaliha għandu jattendi l-President Amerikan Barack Obama, tajjeb li s-suġġett jitqajjem u jerġa’ jiġi ttrattat mill-ġdid. Hemm iktar xogħol li jista’ jsir biex nanalizzaw fejn sejrin numru ta’ Stati eks Komunisti. M’għandhomx jitħallew għal rashom, anzi hemm iktar l-okkażjoni u l-opportunità biex titqiegħed bażi ekonomika aqwa. Hu minnu li 20 sena ta’ bidla mill-Komuniżmu ġabu taqlib. Biss, bħala Unjoni Ewropea, għandna naċċettaw li l-passat għandu piż għalihom u għandhom bżonn is-solidarjetà tagħna lkoll.
|
Intervista
|
Email: Illum Search Custom Search
Features
|
Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan