MediaToday

Wenzu Mintoff | 22 ta’ Frar 2009 Nr 121

It-toroq

“Kemm hi sabiħa Malta minn fuq”, fir-ritratti mill-ajru mill-ħelikopter qalulna tat-Times aktar kmieni din il-ġimgħa. Sa ċertu punt għandhom raġun, għax minn fuq jitgħattew ħafna mid-dnubiet, u anki l-ħotob u l-ħofor fit-toroq tagħna ma tantx jidhru. S’intendi d-dnubiet il-kbar jibqgħu jidhru bil-kruha tagħhom kollha kemm minn taħt u anki minn fuq. Bħall-mostri ta’ barrieri li jieklu bla xaba’ l-blat u l-ġebel li minnhom huma magħmulin dawn il-gżejjer, minn hemm fuq il-kruha tagħhom tidher iktar u iktar.
M’ilux fl-Ingilterra x-xjentista bravu Peter Hughes ħareġ bl-idea ġenjali u sublimi li mit-tumbati li f’Malta nsibuhom bħala sleeping policemen, tiġi ġġenerata l-enerġija elettrika. Fl-Ingilterra dawn it-tumbati saru jsejħulhom road speed bumps biex ikunu politikament korretti u ħadd mill-pulizija ma jieħu għalih bl-implikazzjoni li l-pulizija f’xi ħin jistgħu jkunu reqdin fuq xogħolhom.
Bl-invenzjoni ta’ Mr. Hughes, taħt dawn it-tumbati jitqiegħdu bħal panelli li jinżlu u jitilgħu mal-impatt tar-roti tal-karozzi u b’hekk idawru turbina tal-elettriku. Hu stmat li minn kull erba’ tumbati bħal dawn jiġi ġġenerat elettriku biżżejjed għad-dwal kollha tat-triq, sinjali tat-traffiku li jaħdmu bid-dawl, traffic lights, eċċ, għal triq ta’ madwar kilometru u nofs.

Pozittivi
Kull deni ħudu b’ġid. Aħna l-Maltin tant aħna mdorrijin għall-iskossi u vibrazzjonijiet fis-sewqan, b’murliti reżistenti għall-istress, li xejn m’hu se nsibuha diffiċli jekk fit-toroq tagħna jitqiegħdu dawn il-pannelli taħt il-kwantità kbira ta’ ħofor li għandna fit-toroq tagħna. Mill-elettriku li jiġi ġġenerat b’dan il-mod, hemm ċans li anki l-elettriku fid-djar tagħna jibda jiġina b’xejn. Mod ieħor ta’ kif mill-mitluf tieħu li tista’ u nagħmlu wkoll dak li jixtieq il-mexxej Laburista Joseph Muscat: li ma nibqgħux neqirdu u nogħxew fin-negativiżmu imma min-negattiv noħorġu l-pożittiv.
Malta pajjiż super iffullat bin-nies u bil-karozzi, fejn it-toroq imħaffrin b’toqob u b’ħofor ta’ kull daqs u għamla huma r-regola u t-toroq tajbin bħal tal-kontinent li suppost nagħmlu parti minnu għadhom l-eċċezzjoni għar-regola. L-irdieden tal-propaganda Nazzjonalista jriduna nemmnu li huma t-toroq li nbnew fil-Medjuevu Soċjalista li jitfarrku ma’ kull staġun tax-xita meta dawra żgħira ma’ Malta tkun biżżejjed biex tirrealizza li anki fit-toroq il-ġodda, li suppost kellhom iservu għal 25 sena, hemm ħafna ħofor u toqob. Għandek tgħid il-proġetti ta’ toroq ġodda f’dan il-pajjiż jitfaċċaw biss lejlet xi elezzjoni. Mill-bqija patching u traqqigħ bil-qargħa aħmar, mhux tal-pannu kif jgħid il-Malti, imma ta’ toroq li tant ilu jsir traqqigħ fihom li saru qishom biċċa tal-art imqattgħa.
Sewwa jgħidu li ġid iġib aktar ġid u l-qamel iġib aktar qamel, għax it-traqqigħ iġib aktar traqqigħ u x-xogħol ta’ kaf kaf iġib aktar xogħol ta’ kaf kaf. U bħal ma jgħidu wkoll, l-irħis għali għax it-traqqigħ tat-toroq li jservi biss minn xitwa għax-xitwa ta’ wara, xorta waħda jiġi jiswa l-miljuni ta’ ewro li jispiċċaw jinġarru mal-wied fil-baħar u jgawdu biss minnhom is-soltu reddiegħa ta’ dal-pajjiż.
Is-sewwieqa tal-karozzi f’dan il-pajjiż bir-raġun iħossuhom frustrati li qajla jistgħu jagħfsu l-gass mal-pjanċa, dejjem fil-limiti tad-deċenza, peress li fit-toroq sfrakassati li hawn ta’ bilfors ikollhom jiħduha bil-lajma biex jiskapulaw ħofra wara oħra u fil-ftit toroq li hawn sura, qed isibu ma’ wiċċhom il-magni ħalliela tal-ispeed cameras jiksrulhom id-devozzjoni.
Li f’dal-pajjiż ikun hawn iktar sens ta’ dixxiplina u ta’ mġiba korretta lejn xulxin, minn ewl id-dinja jeħtieġ naħdmu għal dan il-għan bis-serjetà f’kull aspett tal-ħajja, anki għal dak li huwa s-sewqan. Imma s-sistemi ta’ kontroll tat-traffiku suppost li qegħdin hemm biex isaħħu s-sigurtà fis-sewqan u jkun hawn aktar bon ordni fit-toroq tagħna u mhux li jservu ta’ paraventu biex permezz tal-multi l-Gvern iżid id-dħul tiegħu u jħaxxnu bwiethom is-sidien tal-kumpanniji li jamministraw is-sistemi ħalliela tal-wardens u tal-ispeed cameras.
Mhux sew li l-Gvern ċentrali jħalli lill-kunsilli lokali sajmin mill-fondi meħtieġa biex dawn ikunu jistgħu jwettqu l-proġetti tagħhom u minflok dawn jispiċċaw jiddependu fuq id-dħul mill-multi tat-traffiku biex ikunu jistgħu jiffinanzjaw lilhom infushom.

Perċezzjoni
Teżisti perċezzjoni qawwija u ġustifikata fost in-nies li dawk li jħaddmu is-sistemi tal-wardens u tal-ispeed cameras jistrieħu fuq it-tama mhux li s-sewwieq josserva l-liġijiet u r-regolamenti, imma li dan jiksirhom, li jirkadi u jibqa’ jippersisti fl-iżball. Li kieku l-flus li qed jinħolqu mill-multi tat-traffiku jmorru biex isiru kampanji edukattivi dwar is-sewqan jew biex jissewwew it-toroq, fiha u ma fihiex.
Imma li dawn is-sistemi jintużaw bħala paraventu biex ikompli jiġi penalizzat u ntaxxat iċ-ċittadin komuni, dan żgur mhuwiex aċċettabbli f’soċjetà demokratika. Is-sitt speed cameras li twaħħlu fis-snin imgħoddija altru milli kienu biżżejjed għal territorju żgħir daqs tagħna, aħseb u ara bi tmienja oħra li issa jridu jwaħħlulna biex ċerti sangisugi jkomplu jerdgħu minn fuqna.
F’pajjiżi ferm akbar minn tagħna b’mijiet ta’ mili ta’ autostrade u super-highways, fula f’qamar tara xi speed camera biex tbeżbizha lil sewwieqa li jgħaddu bil-karozza tagħhom bħal leħħa ta’ berqa b’veloċità ta’ ħafna aktar mill-130 kph stabbiliti bil-Liġi.
Mill-banda l-oħra hawn Malta fejn suppost li hawn limiti tal-veloċità tas-sewqan stabbiliti bil-Liġi fil-livell ta’ 85 kilometru fis-siegħa għal toroq prinċipali u ta’ 55 kilometru fis-siegħa għal zoni urbani, qed jitwaħħlu speed cameras li jbaxxu l-ispeed limits għal livelli redikoli ta’ 50-70 kilometri fis-siegħa. Huwa aktar minn ovvju li l-ħsieb ta’ min qed iwaħħal dawn l-ispeed cameras mhux li jagħmilha aktar faċli għas-sewwieqa li jirrispettaw ir-regolamenti tat-traffiku eżistenti imma li jagħmilhielhom aktar diffiċli li ma jaqgħux fid-dnub ħalli jkompli jqaxxar lin-nies ħajjin b’limiti ta’ veloċità redikoli u assurdi.
Ħalli nagħti rakkont ta’ esperjenza personali bħala eżempju tal-frustrazzjonijiet li jkollhom jgħaddu minnhom is-sewwieqa ta’ dan il-pajjiż. Jien noqgħod ġo pjazza quddiem waħda mill-knejjes fir-Rabat.
Din il-pjazza hija mdawra bis-siġar li jservu ta’ kenn għal eluf ta’ għasafar li hekk kif tibda nieżla x-xemx tarahom ġejjin bil-ġzuz minn kull rokna, dritt għal ġos-siġar fejn iqattgħu l-lejl. F’dan il-mument partikolari tal-ġurnata l-għana ta’ dawn l-għasafar litteralment itarrax. Imma s-seher ta’ dawn l-għasafar jieqaf mal-għana tagħhom.
Għax hekk kif tgħaddi bir-riġel minn taħt dawn is-siġar, inkella tipparkja l-karozza taħthom, għandek garanzija li se tintlaqat żgur mix-xita ta’ missili li dawn l-imberkin għasafar kapaċi jipproduċu bid-disinterija permanenti li taħkimhom.
Ix-xfar tal-bankini ta’ dan il-misraħ huma litteralment miksija bl-opri ta’ dawn l-eluf ta’ għasafar tal-bejt u li jagħmel minnhom id-Dipartiment tal-Agrikoltura.
Skont il-Kunsill Lokali s-siġar f’din il-pjazza ma jistgħux jinżabru għax huma protetti. Issa minn dak il-ftit li naf dwar is-siġar, biex dawn tabilħaqq jiġu protetti ta’ bilfors iridu jinżabru minn żmien għal żmien.
Minn twila sa qasira, ftit li xejn għandek għażla f’dawn iċ-ċirkostanzi, għax jew tipparkja fil-kaxxi miżbgħin bl-abjad u tispiċċa tmur ix-xogħol bil-karozza mżejna bil-kakka tal-għasafar, inkella tipparkja barra dawn il-kaxxi, tirriskja li taqla’ l-kakka ma’ wiċċek flok mal-karozza, b’xi ċitazzjoni minn tal-warden.

 

 

Intervista
Il-bieb tiegħi dejjem miftuħ

Julia Farrugia tintervista lill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Robert Arrigo


Editorijal
It-talent meħtieġ



Wenzu Mintoff
It-toroq



Carmelo M. Bonnici
Kapitoli miktuba fid-deżert



Joe Ellis
Il-liġijiet tal-kera II



Emmanuel Micallef
Wake-up Call



Toni u Peppi
X’jiswa li Simon Busuttil ressaq riżoluzzjoni dwar l-immigranti fil-Parlament Ewropew?


Il-Punt - Carmen Sammut
Dan xi spin hu?


Il-kandidati jgħidu tagħhom - Edward Demicoli
L-immigrazzjoni rregolari u l-logħba politika ta’ Joseph Muscat

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan