Toni u Peppi| 22 ta’ Frar 2009 Nr 121
Għajjejt nikteb dwar dan is-suġġett. Għajjejt nisma’ l-istess affarijiet u ripetizzjonijiet. Meta taħseb li x-xenarju jkun inbidel issib li meta tagħsar dak li jkun qed isir xorta bqajna fejn konna. Issa din ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew. Naħseb it-30 waħda fuq is-suġġett. Il-protagonist: Simon Busuttil.
Wieħed qalli waħda fuq Simon. Bniedem li jidher li qiegħed iġib affarijiet kbar meta jħallik fejn kont. Bniedem li jaf jagħmel użu tajjeb mill-mezzi tax-xandir, speċjalment meta jkunu resqin l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej.
Bniedem li jpatti b’dak li jidher li qed jagħmel għar-raqda politika tal-Gvern fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni rregolari.
Tant hu minnu dan li biex il-Parlament iċċaqlaq fuq din il-kwistjoni l-iżveljarin kellu jkun Joseph Muscat li talab is-sospensjoni tax-xogħol tal-Kamra biex il-Parlament jiddiskuti din il-problema gravi. Inizjattiva li messu ħa l-Gvern żmien ilu.
Ovvjament jien ma qbiltx ma’ dan it-tali. Jien naf kemm ħadem Simon Busuttil fil-Parlament. Il-ħwejjeg kbar li wettaq għall-pajjiżna llum magħrufa mal-erbat irjieħ tal-Ewropa. Qiegħed jaħdem fl-interess assolut tal-pajjiż.
Hekk bħal meta kien Chairman tal-MIC. Ħadd ma jidħollu l-iċken dubju li kellu f’moħħu xi partit u mhux l-interess tal-pajjiż. Żamm ’il bogħod mill-politika partiġġana u mexa skont il-kuxjenza. Forsi tgħiduli li llum kandidat mal-PN. Imma kulħadd għandu d-dritt tal-għażla tat-tifsila ta’ ħajtu.
Jidher li Simon qiegħed jitqanzaħ ħafna biex ifiehem lil sħabna fl-Unjoni Ewropea t-tbatijiet li għaddej minnu pajjiżna b’dan il-fenomenu devastanti. Meta f’pajjiż zgħir bħal Malta f’daqqa waħda jinżlu 300 emigrant fuq xtutna qisek qed tgħid li niżlu eluf ta’ immigranti illegali fl-Italja. Din il-biċċa rridu narawha mill-perspettiva proporzjonali ta’ pajjiżna, aspett li bħal donnhom ma jistgħux japprezzaw l-Ewropej għax art għandhom kemm iridu. Għalhekk kull darba mhux biss m’aħniex nagħmlu pass ta’ nemlu iżda bil-kemm wieħed ta’ mikrobu.
Din ir-riżoluzzjoni hi ġabra ta’ ġakulatorji ta’ ħafna riżoluzzjonijiet u direttivi oħrajn li jew ma ġewx osservati jew inkella ma twettqux. Riżoluzzjoni li telenka lista ta’ qrid ta’ dak li kellu jsir u ma sarx jew ta’wegħdiet li ma ssarrfux.
Għal darba oħra riżoluzzjoni li tirriaferma dak li diġà ntqal u appell biex jiċċaqalqu l-affarijiet u xejn aktar. Riżoluzzjoni li tfakkarna f’kanzunetta li kienet popolari ħafna fi żmieni: Parole. Żgur però li se tgħolli l-profil elettorali ta’ Simon għax wara kollox li jgħodd il-perċezzjoni ta’ Simon qiegħed jaħdem.
It-tentattivi li saru s’issa mill-UE taw riżultat mielaħ. Il-Frontex kienet l-akbar daħka fil-wiċċ. Disfatta li anke l-istess pajjiżi fl-Unjoni jirrikonoxxu. Serviet biex tkun ta’ attrazzjoni akbar għal dawk li jridu jiġu salvati f’nofs ta’ baħar. Ma nistax nifhem kif sal-lum għadhom ma żarmawhiex.
Ir-‘Returns Directive’ tfasslet b’mod li tagħmel minn pajjiżi bħal tagħna aktar attraenti għall-immigranti illegali. Din id-direttiva tagħmel wisq enfasi fuq ir-ritorn tal-immigrant illegali b’mod volontarju milli dak obbligatorju. Naqbel mal-prinċipju ta’ ‘non-refoulement’, jiġifieri li ma nistgħux nibagħtu lura lejn pajjiżhom lil dawk l-immigranti li jistgħu jinqatlu minħabba il-biża’ li hemm f’pajjiżhom. Din id-direttiva ma tagħtix soluzzjoni x’nagħmlu b’dawk li jibqgħu hawn. Meta teżamina din id-direttiva tasal għall-konklużjoni li ma fiha l-ebda detterent. Pjuttost tinċentiva l-immigrazzjoni illegali.
Ġew ivvutati €5,000, 000 biex jgħinu pajjiżi bħal tagħna li qed ikollhom iseffqu wiċċhom mal-problema waħedhom. Fir-realtà pajjiżna jrid mhux flus biex iżommhom hawn iżda li l-Gvern iqum mir-raqda li qiegħed fiha u ma joqgħodx jinħeba wara xi rebħa li ma tiswiex ta’ xi Membru Parlamentari. Bħalma kien għalxejn dak li jidher li kienet rebħa l-kisba ‘kbira’ li għamilna bil-Patt Dwar l-Immigrazzjoni fejn ġie ddikjarat l-ovvju: li kull pajjiz jekk irid jista’ minn żmien għal żmien jieħu xi immigranti illegali li jkunu daħlu f’pajjiżi membri tal-UE.
Iżda fil-verità dejjem naħarbu l-verità. Il-verità hi li l-kontinent Afrikan hu mnawwar mill-gwerer ċivili, mard, faqar u dittaturi tal-ħabba gozz li jagħtu l-ħin kollu bejniethom, waqt li nieshom ta’ kuljum imutu bħad-dubbien. Legat sfreġat li ħalla warajh il-kolonjaliżmu Ewropew! Il-problema hi profonda ħafna aktar mir-riżoluzzjoni tas-Sur Avukat.
Hi riżoluzzjoni antistorika u taħrab milli tagħmel il-kontijiet ma’ dawk li ġabu lin-nies ta’ dan il-kontinent tant sinjur iżda fl-istess ħin paradossalment fqir, fl-istat li huma. Bħas-sensiela twila ta’ riżoluzzjonijiet li ġew qabilha, nibżgħu ngħidu lill-Imperatur li mhu liebes xejn iżda jinsab għarwien ħuta.
Hemm bżonn li nagħmlu stock take storiku ta’ min irid iwieġeb u li għadu jrid jirrispondi għall-ħsara kbira li saret u għadha ssir lill-Kontinent Afrikan. Jekk nagħmlu hekk, tgħidx kemm nilmħu uċuh jiħmaru fil-Parlament Ewropej, fil-Kummissjoni u fil-Kunsill tal-Ministri.
Kieku jien Afrikan x’aktarx li kont nagħmel l-istess bħal dawk il-mijiet li jinżlu fuq xtutna. Biex infittex ħajja aħjar x’aktarx kont nimmira li mmur ngħix f’xi pajjiż li sar u għadu jsir sinjur minn fuqi. Jiena ngħid li t-teħid tal-immigranti illegali għandu jkun imkejjel ma’ kemm pajjizi fl-Unjoni Ewropea li għadhom jieħdu l-ġid Afrikan daqs li kieku hu tagħhom. Dawn mhux fatti li għaddew iżda li għadhom iseħħu.
Għalhekk irridu nagħmlu audit storiku u ekonomiku fost l-imsieħba Ewropej biex naraw min minnhom għandu d-dmir politiku u moralment marbut li f’din it-traġedja jagħtu palata akbar minn ħaddieħor.
Noħolqu inventarju tal-interessi ekonomiċi Afrikani dwar min għandu ż-żejt tan-Niġerja, id-djamanti u d-deheb fin-naħat t’isfel u f’dawk kostali Afrikani, ir-riżorsi naturali fir-reġjun ta’ Katanga fil-Kongo, fil-pjantazzjonijiet agrikoli tal-multinazzjonali u tant ġid ieħor li mhumiex f’idejn l-Afrikani iżda f’idejn xi Ewropej.
Meta nagħmlu dan il-kont ekonomiku wara nsiru nafu min għandu jerfa’ xiex u min qiegħed f’pożizzjoni li jippriedka lil min.
Fl-aħħar nett tajjeb ukoll li dawk il-pajjiżi li jimmanifatturaw l-armamenti jagħmlu dikjarazzjoni li tassew m’għadhomx jesportawhom lejn l-Afrika jew li mhumiex ibigħuhom lill-pajjiżi li jgħadduhom lill-politiċi Afrikani minn taħt.
Fi ftit kliem din ir-riżoluzzjoni ma tindirizzax il-qalba tal-problema. Kollox mibni fuq il-volontarjetà u mhux fuq l-obbligazzjoni ta’ dawk li tant huma obbligati lejn l-Afrikani!
Skużawni, imma nipprova kemm nipprova, ma nistax ninsa kemm fiż-żmien li Malta kienet f’salib it-toroq kien hemm min gideb, ivvinta, ħarref u għamel akkużi serji biex aħna nivvutaw ‘le’.
Nipprova ninsa kemm inkitbu artikli kontrija l-ewwel wieħed jakkużawni li diġà għandi xogħol merfugħ fi Brussell u kemm jien u l-kumplament għandna nagħlqu ħalqna għax aħna ġurnalisti u ma jistax ikollna opinjoni. Niftakarni nwieġeb li jien, li għandi l-mara u lil ibni b’passaport Ingliż, kont diġà qiegħed fl-Unjoni Ewropea.
Xtaqt biss li l-opportunitajiet li diġà kellu ibni jkunu wkoll l-opportunitjiet tat-tfal Maltin u Għawdxin. Simon Busuttil għadu kif ippreżenta rapport dwar l-Immigrazzjoni. Rapport li fih qed jirrappreżenta lill-Parlament Ewropew kollu.
Busuttil hu Malti li qed ifassal u jagħġen il-politika tal-Unjoni dwar l-immigrazzjoni. Hu veru li r-rapport mhux jitkellem biss dwar Malta għax Busuttil qed jirrappreżenta lill-popli l-oħra kollha.
Iżda kieku xi ħadd minna kellu jaqra r-rapport mingħajr ma jkun jaf li kitbu Simon Busuttil kien żgur jinduna li l-persuna li kitbet ir-rapport hi Maltija. U bilfors. U dak hu s-sabiħ li għadna lil xi hadd tal-kalibru ta’ Busuttil qed jirrappreżentana fil-Parlament Ewropew.
Hawn ninħaraq ta’ veru meta niftakar li ħafna li llum jitkellemu qishom kienu huma s-salvazzjoni ta’ pajjiżna biex Malta ssieħbet, għal naqra ma tellfuniex l-okkażjoni, anke jekk b’mod Karnivalesk, fil-widnejn kienu jgħidu li jemmnu mod ieħor.
Mir-rapport nixtieq nenfasizza żewġ punti.
1. Ir-rapport jitkellem dwar is-solidarjetà li bħala poplu għandu jkollna lejn l-immigranti rregolari iżda wkoll solidarjetà tal-pajjiżi ma’ xulxin. Ovvja, Malta hi waħda minn dawk il-pajjiżi li għax żgħar għandha bżonn l-għajnuna tal-pajjiżi l-kbar.
Busuttil qed jissuġġerixxi lill-Parlament Ewropew kollu li s-solidarjetà tal-pajjiżi ma tibqax fuq bażi volontarja. Jiġifieri l-pajjiżi ma jibqgħux jagħżlu jekk ikunux solidali ma’ per eżempju pajjiżna u jgħinuna billi jaqsmu magħna t-toqol ta’ din il-problema.
Busuttil qed jissuġġerixxi li tkun obbligatorja bil-liġi mhux b’għażla. Naqbel magħha din.
Kulħadd iħobb jitkellem dwar is-solidarjetà iżda allaħares f’pajjiżna m’għandniex liġijiet li bilfors irridu nħallsu it-taxxi biex bihom ngħinu lil min hu fil-bżonn għax kieku jien l-ewwel wieħed ma nħallashomx. Żgur insib xi skuża biex dan ix xahar u din is-sena ma nkunx solidali. Iżda bil-Liġi mod ieħor. L-istess il-pajjiżi. Kollha jkollhom xi kriżi nazzjonali biex iserrħu l-krizi tal-kuxjenza u jinjoraw is-solidarjetà ma’ pajjiżi żgħar bħal tagħna.
2. Ir-rapport ta’ Busuttil jagħmel punt li ħajjarni naħseb. Jekk il-pajjiżi jagħmluha iżjed faċli li ħaddiema mhux mill-pajjiż jkunu jistgħu jaħdmu, jekk ikun hemm il-ħtieġa, allura tonqos l-immigrazzjoni rregolari. Dan għax dawn l-istess nies flok maħrubin jista’ jkun li jiġu għax ikun hemm bżonnhom.
Naħseb li r-rapport għandu jenfasizza iżjed il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tinvesti iżjed fi programmi effettivi ta’ integrazzjoni kulturali li tibda mill-iskejjel. Inħoss li f’dan is-sens, jekk bħala eżempju nieħdu pajjiżna, ma nara l-ebda azzjoni attiva biex ikollna ġenerazzjoni li mhux taċċetta d-differenza kulturali iżda tiċċelebra din id-differenza għax tifhem li d-differenza tagħti skop li tgħix aħjar bla biżgħat irrazzjonali u fantaxjentifiċi.
Ma rridx nagħti l-impressjoni li bir-rapport ta’ Bususttil se jkollna soluzzjoni li qed tistenniena pitgħada. Iżda għall-futur li Malta qed tagħġen il-politika tal-immigrazzjoni tal-Unjoni Ewropea se tagħmel id-differenza. Kollha.