Sports | 22 ta’ Frar 2009 Nr 121
Mark Attard
Illum se niżvela ftit affarijiet ġodda li mhux żgur qatt għidt lil xi ħadd bihom. Qatt ma ħassejt li għandi ndoqq trombi żejda fuqhom. Iżda grazzi għal din l-intervista sibt ix-xoqqa f’moxta biex niżvela li l-klabb favorit tiegħi fl-Ingilterra huwa Manchester United. Tistaqsunix għalxiex jew għalfejn għax ma nafx inwieġeb domanda li tidher tant sempliċi.
Fil-ġganti Ingliżi nara tim b’ħafna xebħ mal-klabb Taljan ta’ Juventus. It-tnejn huma ‘big winners’ u jsiru kemm isiru manuvri kontra dawn iż-żewġ klabbs biex jippruvaw ixekkluhom mis-suċċessi dejjem kien għalxejn. Tħares meta tħares lejn il-klassifika tal-kampjonat Premiership fl-Ingilterra u s-Serie A fl-Italja dejjem se tara lil Manchester United u lil Juventus mal-ewwel tliet postijiet. Huwa għalhekk li bejn it-tnejn nara x-xebħ! Forsi għalhekk li lejhom għandi ammirazzjoni. Hemm dik ix-xi ħaġa li meta nara Old Trafford u l-atmosfera li jarmi waqt xi logħba taħraq nipprova nkun partitarju ferventi tagħhom, imqar għal dawk id-90 minuta, sakemm dejjem ma jilagħbux ma’ tim Taljan. U sakemm it-tim li jilagħbu miegħu ma jkunx wieħed partikolari għax inkella nkanta vittorja mar-Red Devils ukoll.
Ftit tal-jiem ilu kien hawn pajjiżna erba’ ismijiet kbar fil-futbol Ingliż. Dan kollu seta’ jseħħ grazzi għall-Manchester United Supporters Club Malta. Dawk membri magħhom setgħu jgawdu fosthom il-preżenza ta’ Sir Alex Ferguson, Ryan Giggs, Paul Scholes u Gary Neville. Ma ġewx hawn b’kumbinazzjoni iżda għax il-MUSCM għalaq 50 sena mit-twaqqif tiegħu. Hija rarità u żgur li mhix xi ħaġa li tiġri ta’ kuljum. Kien għalhekk li għall-benefiċċju ta’ dawk partitarji ta’ dan it-tim naħtaf l-okkażżjoni u nitkellem mal-iktar persuna popolari minn dan il-Kumitat li kien tant viċin dawn l-istilel li kienu pajjiżna.
Qabel ma niltaqa’ ma’ Joe Tedesco ngħid bejni u bejn ruħi li b’din l-intervista ma nidħolx f’kontroversja waħda ma’ dawk dilettanti tal-futbol Britanniku. Nispera li rnexxieli! Il-wiċċ magħruf sew. Jekk int issegwi l-programmi sportivi Maltin ta’ fuq it-televiżjoni bilfors li xi darba jew oħra rajtu jikkumbatti u jirribatti dak li ħafna jippruvaw jikkritikaw bih lil Manchester United.
Tedesco jkellimni fuq is-suċċess enormi li kellhom bħala klabb f’dawn l-attivitajiet tal-50 sena mit-twaqqif tagħhom u b’erba’ idoli fosthom.
“Il-fatt li għalaqna 50 sena u li aħna l-eqdem supporters club fid-dinja tatna spinta kbira ’l quddiem. Ridna nagħmlu xi ħaġa li tibqa’ tissemma għax l-għeluq tal-50 sena jiġi darba.
“Kollox beda sena u nofs ilu. Iddeċidejna li naħtru sotto Kumitat li beda jorganizza ċerti avvenimenti biex naqilgħu dik ix-xi ħaġa żgħira. Konna nafu li ġejjin spejjeż kbar għal dawn l-avvenimenti li għadna kemm għamilna. Minbarra hekk kien hemm ukoll l-għan li nsebbħu lill-klabb.
“Għaqqadna grupp ta’ erba’ persuni li mbagħad ġew ħamsa. Ħadmu bla heda għal sena u nofs sħaħ biex taw wiċċ ġdid lill-kamra tal-Kumitat. Semmejniha għall-eks Viċi President li ħalliena sena u nofs ilu, Dennis Caruana. L-iskop kien li nibqgħu nfakkruh. Ix-xogħol manwali għamluh kollu dawn il-ħames persuni u organizzajna ħafna ikliet, parties u lotteriji.”
Joe Tedesco twieled fl-10 ta’ Novembru 1971 f’Raħal Ġdid u llum joqgħod l-Imtarfa. Miżżewweġ lil Audrey Ann u missier ta’ Gary David u Thea. Joe jispjegali r-responsabbiltà kbira li waqgħet fuqu u fuq sħabu tal-Kumitat ta’ dan il-klabb u x-xogħol li ġie fuqhom biex sar l-buildup qawwi għall-jiem li għaddew.
“Saru kuntatti mal-MUTV, l-istazzjon tat-televiżjoni tal-klabb. Organizzajna dik li hi l-‘MUTV Day’ f’Mejju li għadda. Ġiet organizzata eżatt bejn il-ġurnata li rbaħna l-kampjonat li għadda u l-finali ta’ Moska. Ġie crew ta’ MUTV u organizzajna party kbir fil-lukanda Excelsior.
“Kienu għamlu feature ta’ nofs siegħa fuq din l-attività li ntwera mal-100 darba bejn Mejju u Diċembru li għadda. Kienu jirrepetuh ta’ sikwit. Ħalla mpatt qawwi u nafu dan mill-emails li rċivejna l-klabb minn nies madwar id-dinja kollha. Xtaqna nistiednu lil kulħadd iżda naħseb tifhimni jekk ngħidlek li fi klabbs bħal tagħna l-ewwel priorità bilfors li jiħduha l-membri. L-aħħar avveniment li kellna attenda għalih Andy Ritchie u regġħu ġew crew tal-MUTV. Din id-darba mhux biex jiffilmjaw iżda għax riedu jitkellmu ma’ Where’s Everybody? għax kienet hi l-kumpanija magħżula li riedet tipprovdilhom is-servizz biex ixandru.”
“Kif għaddiet l-attività li kellna f’Ottubru waqfu l-fundraising events. Ir-riżultati li kellna tawna indikazzjoni li se tkun suċċess. Il-membri kkoperaw ħafna. Kellna qligħ li stajna naħdmu bih. Imbagħad stajna lkoll nagħtu l-aħħar spinta biex niġru għall-isponsors biex inkomplu nissaħħu. L-aktar ħaġa li kienet se tqumilna flus kienet il-links biex nagħmlu l-programmi diretti fuq l-MUTV minn Malta sakemm il-plejers u Sir Alex kienu pajjiżna. Ridna lil xi ħadd jgħinha sewwa finanzjarjament. Deherilna li peress l-MUTV huwa kkalkulat li għandu mal-120 miljun viewer mad-dinja kollha kienet opportunità kbira biex nagħmlu reklam qawwi lil pajjiżna.
“Kellimna lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u tellagħjna programm ta’ sagħtejn. L-MTA raw li kienet opportunità kbira għal Malta u llum ninsab ċert li ma jiddispjaċihomx li għenuna.
“Sirna nafu li l-programm fejn irreklamajna ta’ Paddy Crerand dak inhar żied 30 fil-mija fit-telespettaturi tiegħu. Għandi dokument uffiċjali fuq dan kollu. Dak inhar raw il-programm nies minn pajjiżi li anqas timmaġina li hemm nies jafu li jeżisti l-futbol. Crerand rebaħ it-Tazza tal-Ewropa ma’ Manchester United fl-1968. Kulħadd kien kuntent.”
Xi ħaġa bħal din fiha uġigħ ta’ ras l-aktar meta tkun fil-pożizzjoni ta’ Joe Tedesco u sħabu. Sakemm isserraħ rasek li kollox mar sew ma tistrieħx. Moħħok ikun irid ilaħħaq mal-mistidnien speċjali li jkollok, mal-avvenimenti u mal-membri tal-klabb. Jekk tieħu kollox ma’ kollox il-MUSCM huwa sodisfatt minn kif marru l-affarijiet.
“Jien nista’ nurik l-emails kollha. Bl-ikbar sinċerità ngħidlek li jekk irċivejt 100 email, 97 minnhom kienu ta’ prosit u awguri mentri tlieta minnhom kienu ta’ kritika. Kellna 97% tal-emails pożittivi. L-uniku diżappunt li kien hemm u ma kellniex kontroll fuqu kien meta ftaħna l-bejgħ tal-biljetti tal-ikla u nħatfu f’inqas minn 10 sigħat. Għażilna s-sala fil-La Vallette Mediterranian Centre għax hija fost l-ikbar swali tal-pajjiż iżda xorta ma kinitx biżżejjed. Kien hemm xi membri li ma laħqux u spiċċaw ftit iddiżappuntati.
Joe jispjega paniku żgħìr li nqala’ fuq din il-mawra hekk kif l-FA Ingliża ċaqalqet il-ħin tal-partita mis-Sibt għal Ħadd wara nofs inhar. Mal-membri ħadd ma seta’ jitkellem xejn biex ma jiġi allarmat ħadd. Il-plejers waslu pajjiżna wara r-rebħa ta’ 1-0 kontra West Ham f’Londra b’gowl proprju ta’ Ryan Giggs. Minkejja dan kollu l-plejers kienu sodisfatti ħafna.
“Ġara li meta kellna l-pjan oriġinali l-plejers kienu ġejjin fuq titjira diretta minn Manchester. Il-logħba kontra West Ham iċċaqalqet mis-Sibt għal Ħadd u għalhekk l-uniku titjira li kien hemm kienet minn Heathrow. Kellhom sagħtejn u nofs biss ċans sakemm ħarġu minn Upton Park u qabdu l-ajruplan.
“Hawnhekk ħadu pjaċir ħafna u ħassew home. Gary Neville mhux l-ewwel darba li ġie Malta tant li hu l-ambaxxatur tal-Air Malta fl-Ingilterra. Ryan Giggs ma ġiex l-ewwel darba u Paul Scholes ġie mat-tim Ingliż u kien ġie darba mal-familja iżda għalih kienet l-ewwel darba li attenda għal ikla bħal tagħna. Ċempilli l-masseur ta’ Man Utd u qalli li Paul u Ryan qed jgħidu lil kulħadd li l-ikla kienet avveniment inkredibbli.
“Waħda miż-żewġ suċċessi kbar li għamilna u li kburin bihom huma li waqt l-ikla l-manager għamel diskors ta’ 20 minuta li fl-ebda ikla qabel ma dam daqshekk fit-tul.
“Unur kbir ieħor kien li rnexxielna nġibu l-World Club Trophy hawn Malta. Din jekk tmur Old Trafford anqas issibha fil-mużew. Il-membri tagħna kellhom dan il-privileġġ.”
L-impressjoni tiegħi fuq il-karattru Ingliż huwa li miegħu tasal aktar mit-Taljan. Taljan jibqa’ ’l bogħod minnhekk sakemm jidrak. Iżda kif jaċċettak issir l-ikbar ħabib tiegħu. Ingliż jagħmel dan kollu mill-ewwel.
“Jien għandi ħbieb tiegħi Taljani iżda jkolli ngħid li l-karattru Ingliż tasal ħafna miegħu. Fuq plejers ma nistax nitkellem għax ma nafx plejers Taljani. Jekk qbadt u ħadthom jieklu fenek ikunu qed jistennew bil-ħerqa dan il-mument. Taljan ma naħsibx li se jiġi jikollok fenek.
“Nemmen li l-kultura Ingliża taqbel ma’ dik Maltija iktar milli hi l-kultura Taljana. Però jien għandi ħbieb tiegħi Taljani u kburi bihom. Inzertaw partitarji ta’ Fiorentina u biex tkun taf ma tantx iħobbu lil Juventus.”
L-aħħar kumment tiegħu huwa raġuni oħra għalfejn nara li hemm ħafna l-istess bejn Juventus u Manchester United. M’hemmx triq tan-nofs. Jew tħobbhom, jew xi ħaġa oħra. Illum, Tedesco huwa l-Viċi President tal-Manchester United Supporters Club Malta u possibbilment l-aktar kandidat b’saħħtu, ideali u li jixraqlu jkun President meta tinħoloq il-vakanza għal dan is-siġġu. Wara tant snin midħla ta’ dan il-klabb Tedesco jgħidli:
“Illum ilni 12-il sena membru ta’ dan il-Kumitat. Kont bdejt fl-1997, sena wara li konna mxejna fil-bini l-ġdid tal-Imsida. L-ewwel tliet snin qattagħjthom nieħu ħsieb is-souvenir shop. Wara kont għal ftit ġranet Teżorier sakemm darba rriżenja s-Segretarju Ġenerali u ġejt elett fil-kariga. Għamilt sitt snin inservi fuq dan is-siġġu sakemm waslet il-ġurnata li erġajt kelli nibdel. Illum jien il-Viċi President u l-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet pubbliċi tal-MUCM.”
Madankollu, Tedesco jistqarr li l-imħabba tiegħu lejn ir-Red Devils wiritha mingħand missieru sa minn meta kien daqsxejn ta’ tifel żgħir. Jispjegali li hemm differenza enormi milli tkun sempliċiment partitarju ta’ Manchester United għal li tkun isservi f’Kumitat ta’ klabb tant kbir. Fuq dan kollu jien naqbel miegħu.
“Missieri huwa partitarju kbir ta’ Manchester Utd. Niftakar li meta kont żgħir konna naraw il-programm Big League Soccer. Kont dejjem nistenna bil-ħerqa biex nara l-gowls ta’ Manchester Utd. Dak iż-żmien kien l-uniku mezz li bih stajt tara lit-tim favorit tiegħek fl-azzjoni. Konna nixtru l-gazzetti kull nhar ta’ Ħadd u nibdew nitolbu minn qabel biex narawhom ftit ’il fuq minn nofs il-klassifika.
“Żmien is-70’s kien differenti ħafna mil-lum. Dejjem ħassejt ġibda kbira lejn it-tim iżda sinċerament ngħidlek li qatt ma mmaġinajt li xi darba kont se ninvolvi ruħi kif jien illum jew li xi darba kont se nkun daqshekk viċin dan il-klabb daqshekk kbir.
“Jien dejjem ngħid li hemm differenza enormi milli tgħid li int partitarju ta’ Manchester United u li tkun impenjat fi klabb kif inhu l-MUSCM. Assolutament m’għandix x’taqsam. It-tim trid tkun tħobbu, ssegwih u tkun taf x’inhu għaddej. Iżda dan kollu m’għandu x’jaqsam xejn mal-ħin li trid tiddedika biex tlaħħaq mal-ammont ta’ membri li jkollu klabb bħal tagħna.”
Manchester United huwa wieħed mill-ikbar klabbs li hawn fid-dinja. Forsi kbar daqshom hawn biss Real Madrid u Juventus. M’hemmx dubju li fil-pajjiżi Asjatiċi għandhom ammirazzjoni kbira.
“Naħseb li l-imħabba li għandhom illum Manchetser Utd bdiet fl-1958 meta kkraxxja l-ajruplan ta’ Munich. Minn dak inhar lil hawn ir-Red Devils ġibdu simpatija mad-dinja kollha. Sena wara fl-1959 twaqqaf is-Supporters Club f’Malta u sentejn wara t-tim ġie Malta u lagħab kontra għażla ta’ plejers Maltin.
“Il-fundatur stess jgħid li kien hawn ċertu xettiċiżmu fuq kemm se jibqa’ jiffunzjona dan il-klabb peress li l-għan li jiġi t-tim Malta kien intlaħaq. Il-fatti urew li dak iż-żmien konna żbaljati għax illum kulħadd jaf kemm huma popolari l-Manchester United f’pajjiżna.”
Il-fatti jitkellmu waħedhom. Il-MUSCM huwa l-ikbar klabb ta’ tim barrani b’saħħtu f’dawk li huma membri attwali li għandna pajjiżna. Aktar minn 1,350 membru huma tesserati għal dan l-istaġun li ninsabu fih. Il-kobor tal-klabb tarah fil-mod li anki jekk int m’intix dilettant tal-futbol, iż-żewġ kelmiet Manchester United smajt bihom xi darba żgur. Tedesco jgħidli fuq dan kollu.
“Nemmen li daqshekk popolari mad-dinja minħabba l-mod kif irnexxielhom ibigħu l-isem. Irnexxilhom jagħmlu dan b’mod qawwi f’pajjiżi enormi fl-Asja u l-Lvan Imbiegħed u anki l-Amerika. Veru li hawn klabbs oħra popolari daqs il-Utd iżda fil-mod kif irnexxilhom ibigħu l-isem ta’ Manchester Utd żgur li għandhom xi ħaġa aqwa minn ħaddieħor.
“Li ġiet tajba għall-klabb kienet li meta daħal il-boom tal Premiership fl-1993 sparaw ’il fuq. Il-Premiership ġab ħafna flus minn kull lat inkluż fi drittijiet tat-televiżjoni. Dan kollu ġab sponsors kbar f’miljuni kbar ta’ liri. Il-management ta’ dak iż-żmien għaraf japprofitta mis-sitwazzjoni biex illum ninsabu fejn ninsabu.
“Illum, Manchester United huma fost l-iktar klabbs sinjuri fid-dinja u bħalissa m’humiex l-iktar minħabba l-iżvalutar tal-lira Ingliża. Kieku l-lira Ingliża baqgħet tal-istess saħħa llum Manchetser United għadhom bl-ikbar saħħa finanzjarja. Dan qaluh anki d-Deloitte & Touche fl-aħħar rapporti tagħhom. Veru li għenu wkoll f’dan kollu l-ħafna s-suċċessi li rebħu.”
Personalment naħseb li Alex Ferguson huwa l-moħħ wara l-iskola ta’ Manchester United u s-suċċessi li rebħu f’dawn l-aħħar snin. Il-bniedem huwa meqjus bħala l-aktar persuna b’saħħitha fil-futbol Ingliż.
“Alex Ferguson wasal mal-Utd u sab tim li bil-plejers li kellu kien tajjeb ħafna biex tasal sat-tieni post. Ġie wara Ron Atkinson. Induna mill-ewwel li fil-klabb ma kienx hemm dixxiplina. Neħħa plejers li kienu idolu bħal Norman Whiteside u Paul McGrath. Il-partitarji ħaduha kontra tiegħu. Baqa’ jinsisti li kien fit-triq it-tajba. Investa ħafna fiż-żgħażagħ tal-klabb u kompla saħħaħ it-tim biex illum wasal fejn wasal. Kellu l-ewwel erba’snin diffiċli iżda l-klabb baqa’ jemmen fih. Ħaġa li llum sfortunatament ma tantx għadna narawha. Huma ftit dawk il-klabbs li għadhom jissaportu kowċ. Illum żgur li l-ebda partitarju ta’ Manchester Utd ma jiddispjaċih li Sir Alex huwa l-kowċ tagħna.
“Għandu esperjenza tremenda tal-futbol internazzjonali. U l-pariri tiegħu baqgħu l-iktar siewja f’dan il-klabb. Baqa’ jingħata attenzjoni daqslikieku għadu ġej fl-ewwel ġurnata.”
Li hu żgur hu li minkejja li hu Skoċċiż ingħata t-titlu ta’ ‘Sir’, ħaġa li m’għandu l-ebda kowċ tal-futbol fir-Renju Unit.
“Iva, dik vera. L-Ingilterra hemm ħafna nies li għandhom it-titlu ta’ Sir iżda kowċis m’hemmx. Għandu wkoll is-CBE mingħand ir-reġina minkejja li Skoċċiż. Mhu partitarju xejn tat-tim nazzjonali Ingliż u bqajt sorpriż meta rajt l-isforzi li għamlet il-Federazzjoni Ingliża biex isir il-kowċ nazzjonali. Personalment ma narahx f’dik il-kariga għax huwa Skoċċiż fuq l-Iskoċċiżi. Kulħadd jaf li l-Iskoċċiżi u l-Ingliżi ma tantx jitħammlu.”
Nistaqsih fuq il-kampjonat u l-Uefa Champions League. Joe iżomm lura u ma jidhirx ċert minn issa għal xi unur.
“Se tkun battalja ma’ Liverpool mija fil-mija sal-aħħar nifs. Liverpool għandhom tim kbir u għandhom plejers bħal Gerrard u Carragher li se jagħmlu minn kollox biex ir-rekord tat-18-il kampjonat mirbuħ li għandhom ma jintilifx. Nemmen li jekk nibqgħu nilagħbu kif qegħdin se jkollna ċans kbir li nerġgħu nirbħu l-kampjonat iżda m’hemm xejn ċert.”
U fuq l-Inter?
“Personalment imbeżża’ ħafna. Jien nibża’ minn kull tim. Anki mid-Derby County bżajt. Illum jekk titlef logħba taf titfgħek il-baħar. Però il-fatt li l-Inter għandhom lil Mourinho kowċ twerwirni. Kulma rnexxielna nirbħulu kemm dam ma’ Chelsea kien biss darba b’gowl ta’ Fletcher. Il-bqija dejjem qlajna t-tlitat kontrieh. Jekk l-Inter jilagħbu kif lagħbu mal-Milan żgur li se tkun kif jgħidu l-Ingliżi, ‘a game to watch’.”
Joe Tedesco jirringrazzja lil dawk li sab ta’ appoġġ biex dan l-avveniment seta’ jkun suċċess għall-MUSCM.
“Ngħid grazzi lill-Kumtat kollu u lis-sotto Kumitat li ħadmu bla heda għal dan l-avveniment li organizzajna. Ma nistax ninsa lil mara tiegħi tal-appoġġ li tagħtni f’dawn l-aħħar sitt xhur.”
Sakemm insellmu lil xulxin nitkellmu fuq affarijiet oħra li jistgħu jiġru f’pajjiżna fiż-żmien li ġej. Nerġa’ nsemmilu l-atmosfera ta’ Old Trafford u li xi darba rrid nagħmel il-preżenza tiegħi f’dan il-grawnd. Din nikkunsidraha bħala waħda mit-tliet ħolmiet li fadalli fl-isport. Oħra hi li niltaqa’ mal-idolu tiegħi Diego Armando Maradona. U l-oħra mhux se niktibha hawn…
|
|

Julia Farrugia tintervista lill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Robert Arrigo
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni u Peppi
- Carmen Sammut
- Edward Demicoli
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|