Pjazzetta | 22 ta’ Frar 2009 Nr 121
Joe Cassar
“Qegħdin ngħixu sigħat ta’ hemm li minn jum għall-ieħor jistgħu jwasslu għal traġedja. Billi int Russa u Lhudija jista’ jkun li min ma jafekx – b’danakollu ftit jistgħu ma jafukx billi sirt kittieba famuża – iġibek fl-inkwiet. Għalhekk, billi jista’ jiġri kollox, ħsibt li x-xhieda tiegħi ta’ Editur tista’ tkun ta’ siwi.”
(Robert Esmenard lil Irene Nemirovski – 28 ta’ April, 1939)
Eli Wiesel u Primo Levi rnexxielhom jeħilsuha imma bħal Anne Frank, Irene Nemirovsky ma ġietx lura. Twieldet fi Kiev fir-Russija fl-1903. Missierha kien bankier Lhudi sinjur li fl-1918, ħarab flimkien mal-familja lejn Franza. Hemm kibret, iżżewġet u kellha żewġt itfal bniet. Fl-Lulju tal-1942 ġiet arrestata u fix-xahar ta’ wara nqatlet f’Auschwitz.
Nies żgħar li jsibu rwieħhom qalb il-ħalel li qallbu s-seklu 20. Is-seklu li ra l-gwerer jieħdu sura oħra. Qabel kienu jiltaqgħu eluf ta’suldati qalb l-għelieqi u jagħmlu waħda. Is-seklu l-ieħor biddel kollox. Iċ-ċittadini Ewropej kollha bla ma ħasbu u bla ma riedu sabu rwieħhom fin-nofs. Beda jsir kollox biex dawn jaqtgħu qalbhom u hekk iċedu qishom li kienu suldati.
L-Ewwel Gwerra Dinjija. Il-Ġermanja taħbat għal Franza. Il-borgeżija Franċiża trid tibqa’ tgħix il-ħajja tas-soltu. Familji jiftehmu dwar żwiġijiet biex il-proprjetà tibqa’ għandhom u ma tmurx għand l-oħrajn. Id-dota tiswa. Il-patrijarka jibqa’ jmexxi l-familji ta’ wliedu li jaħdmu miegħu. Iħossu sod. Hu u ta’ madwaru jafu li l-gwerra ġejja. Imma żgur se jkollhom żmien jaraw lil uliedhom jiżżewġu, żmien biex jibqgħu jiltaqgħu mal-ħbieb u jaqilgħu l-flus. Jittamaw li l-gwerrra ma tiġix qabel ma huma ma jkunux iridu jgħixu aktar. Imma wliedhom imorru għall-gwerra. Dawn mhu se jiġrilhom xejn. F’daqqa l-ħoss tal-kanuni jibda joqrob. Il-ħarba tan-nies, ħadd ma jaf fejn jagħti rasu. Jiġbru li jistgħu għax il-ġid m’għandux jintilef.
Nemirovsky fir-rumanzi ‘Le Biens de ce mond’ u ‘Suite Francaise’ tieħu l-qarrejja lejn iż-żmien ta’ qabel l-Ewwel Gwerra sal-bidu tat-Tieni. It-tnejn ħarġu wara mewtha. L-aħħar wieħed misjub miż-żewġ uliedha. Riedet tlestih imma ħatfitha l-mewt qasir il-għomor. Xorta jibqa’ l-aqwa xogħol tagħha. Kienet taf x’kien ġej fuqha? Il-qarrej ma jinsiex id-dehra ta’ toroq b’eluf ta’ nies għajjiena. In-nies li jridu jisolħu lill-imsejkna, il-qassis maqtul mit-tfal li kien jieħu hsieb, il-baruni rijazzjonarju, il-partiġġan, il-mara Franċiża li ssir tħobb uffiċjal Ġermaniż li se jitlaq għar-Russja.
Ir-Rivoluzzjoni Russa. Tatjana għadha 70 sena, mara rqiqa u qasira imma fuq ruħha, titbissem dejjem. Għexet bħala seftura mal-familja Karin li taraha titnaqqar bħad-dubbien għajjien tal-ħarifa (‘Le mouch d’automne’). Fl-aħħar Pariġi u x-xmara.
It-terrorist Leon M, iben ir-revoluzzjonarji li ħallewh tifel żgħir, jitqabbad joqtol ministru taz-Zar. Imma hu tabib ukoll u hekk isir jaf sew lill-ministru. Isir jaf iktar dwar il-politika. Għandu l-kuxjenza. Qalb il-paġni ta’ ‘L’affaire Courilof’ tħaxwex il-kefrija ta’ gwerra ċivili.
‘David Golder’ kiseb għal Nemirovsky fama kbira. Il-protagonist bi tbatija bena fortuna. Iħobb lil bintu li jaf li mhux tiegħu għax martu waqt il-ħajja miżżewġa ġieli marret ma’ ieħor. Jinnegozja mal-Gvern Sovjetiku. Għal bintu Joyce jagħmel kollox. Il-mard qed ikiddu. Għaliha jagħmel vjaġġ. Isib l-għajnuna minn żagħżugħ Lhudi bħalu li ta 18 se jħabbat wiċċu mad-dinja.
“U fl-aħħar ma baqagħlux aktar ħlief sqaq mudlam, ħanut imdawwal, triq ta’ meta kien għadu ċkejken, xemgħa wara tieqa kiesħa, il-lejl, is-silġ li beda jaqa’ fuqu.”
Il-koppja Kampf issir sinjura f’daqqa minn negozju fil-borża. Jeħtieġ li jsir ballu ħa turi dak li għandha u tiġbor ħbieb li jistgħu jgħinuha fil-ħajja ġdida tagħha. Kampf baqgħalhom ix-xewqa li jingħataw titlu ta’ nobbiltà. Binthom Antoinette. Imma kif omm tista’ ġġib lil bintha bħalha (‘Le Bal’)?
Nemirovsky id-dinja kienet tafha. L-imħabba ta’ meta jkollok 20 sena. Id-deni, id-demm li jbaqbaq. Ħolm u xewqat. Iebes biex tiftakar meta tixjieħ u ssir aktar għaqli. Trid tbati u tgħix. X’se tgħid lil uliedek? Ir-raħal ta’ Issy-l’Eveque, il-kampanja Franċiża. Nies tal-art u bdiewa.
“Kemm hu sabiħ ikollok 20 sena! Min jaf it-tfajliet żgħar, jintebħux kif qed nitħabat jien, jafux iduqu l-ferħ, il-ħeġġa, il-qawwa, is-sħana tad-demm.” (Chaleur du sang).
Iż-żmien jgħaddi minn fuq kulħadd. Il-wiċċ jibda jitkemmex, il-pass jitqal. Mara, darba sabiħa, issib quddiemha lil bin bintha. Għadha trid l-ammirazzjoni. Flus għandha, imma x’jiġri jekk xi ħadd isir jaf li hi nanna? In-neputi Bernard, b’kelma jista’ jeqridha darba għal dejjem (‘Jezabel’).
Iz-zija Raisa u n-neputija Ada, bħal Nemirovsky, jitilqu mir-Russja lejn Franza (‘Les Chien et Les Loups’)
Il-kotba ta’ Nemirovsky inqalbu għall-Ingliż u għat-Taljan.
Ħajr lil Agenda Bookshop