MediaToday

Edward Demicoli | 22 ta’ Frar 2009 Nr 121

Il-kandidati jgħidu tagħhom

L-immigrazzjoni rregolari u l-logħba politika ta’ Joseph Muscat

Meta ġejt biex nagħżel jekk nikkontestax l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għaddewli ħafna ħsibijiet minn moħħi. Wieħed iħares lejn l-esperjenzi li kellu f’ħajtu u jara jekk verament jistax jagħti kontribut. Dak li jkun jara kif jiżen il-kontribut li jkun ta ma’ dak li jista’ jagħti. Imbagħad ikun hemm ukoll il-prinċipji li wieħed irid iżomm magħhom u dawk il-prinċipji jkun irid jagħmilhom evidenti għal kulħadd ħalli kull min ikun qed jivvutalu jkun jaf jekk dan ikunx denju li jirrappreżentah jew le.
Mhux kulħadd però jaħdem bil-prinċipji. Hemm min jara l-politika bħala logħba fejn int tista’ toqgħod gallarija u tħalli lil ħaddieħor jieħu d-deċiżjonijiet ibsin. Tista’ titkellem biss meta jaqbillek u tipprova tidher sabiħ ma’ kulħadd. Tista’ tagħżel politika li tikkritika biss u ma tipproponi xejn.
Din tal-aħħar hija sfortunatament it-triq li qed jagħżel li jimxi biha Joseph Muscat. Kompla bħal ta’ qablu li kkritikaw ħafna u ma qalu xejn siewi, qabdu ma’ affarjiet li bihom setgħu skurjaw xi gowl politiku imma ma tawx kas tal-kwistjonijiet li qegħdin jolqtuna verament. Fiż-żmien meta l-ekonomiji ta’ madwarna qed jikkrollaw, meta s-swieq minn fejn jiġu t-turisti għandna qed jisfaxxaw, Muscat jitkellem fuq affarijiet oħra u jipprova jgħaddi mozzjonijiet fil-Parlament biex ifixkel u mhux jgħin.
L-aħħar suġġett li tkellem fuqu Muscat kienet is-sitwazzjoni allarmanti li pajjiżna jinsab fiha fejn tidħol l-immigrazzjoni rregolari. Din hija kwistjoni serja ħafna, delikata mmens u waħda li trid koordinazzjoni u kollaborazzjoni bejn diversi pajjiżi biex tinstab soluzzjoni dejjiema. Mhux faċli.
Dan huwa fenomenu li qed jolqot lill-pajjiżi kollha iżda lill-ebda pajjiż daqs il-pajjiż ċkejken tagħna. Għandna bżonn l-għajnuna mill-pajjiżi Ewropej u għalkemm qed isir progress dan m’huwiex qiegħed isir bil-pass li hu meħtieġ. Faċli li tikkritika f’sitwazzjonijiet bħal dawn.
Fuq il-paġna tal-Facebook tiegħu Muscat din il-ġimgħa kiteb hekk, u nikkwota:
“Il-mod li bih qed jidħlu l-immigranti rregolari qed jeskala b’mod drammatiku u minkejja dan il-Gvern mhu qed jagħmel xejn”
Kieku dan il-kumment għaddieh ħaddieħor kont ngħid li hi sempliċiment opinjoni li għandu kull dritt jagħmilha però dan il-kumment ma stennejtux mingħand Muscat. Dan għaliex meta huwa kellu ċ-ċans jagħmel xi ħaġa fuq din il-kwistjoni fil-Parlament Ewropew hu u sħabu vvutaw kontra l-interessi tagħna l-Maltin. Kemm meta kien hemm vot fuq il-perjodu tad-detenzjoni, kif ukoll meta kien hemm vot dwar id-dritt tal-vot lill-immigrant Muscat għażel li, mhux ma jagħmel xejn, kif qiegħed jakkuża lill-Gvern, imma li jivvota kontra l-interessi ta’ pajjiżna.
Mhux facebook profile wieħed għandu bzonn Joseph Muscat imma tnejn għax fuq din il-kwistjoni qiegħed jimxi b’zewġ uċuh. L-ewwel jivvota kontra l-interessi tagħna mbagħad jikkritika li m’hu qed isir xejn.
L-Ewro-Parlamentari Soċjalisti ma vvutawx kontra l-interessi ta’ pajjiżna biss f’dan il-każ. Joseph Muscat uża l-pożizzjoni tiegħu biex jipprova jwaqqaf fondi neċessarji għas-separazzjoni tal-iskart milli jiġu f’pajjiżna. Kien hemm ukoll il-vot riċenti dwar il-priġunieri minn Guantanamo Bay fejn l-MEPs Soċjalisti Maltin ivvutaw biex Malta u l-pajjiżi Ewropej l-oħra jospitaw is-suspettati terroristi fil-ħabsijiet tagħna. Dan juri kemm ma jaħsbux meta dawn jivvutaw!
Din hija l-politika li qed jimxi biha Muscat. Jikkritika u jipprova jakkwista l-voti imma meta jiġi għall-fatti mhux kapaċi jieħu deċiżjonijiet tajbin. Noqogħdu gallarija u nikkritikaw biss.
Jien, u naħseb li anki intom il-qarrejja ta’ din il-gazzetta, nixtieq inkun naf x’qiegħed jipproponi Muscat biex isolvi din is-sitwazzjoni tal-immigranti rregolari. S’issa ma nafux: nafu biss bil-gimmick li kien għamel meta mar malajr il-Libja, ma qal xejn lil ħadd ma’ min iltaqa’ u ġie lura ferħan b’dokument li kien ilu fuq l-internet ix-xhur.
Ma hemmx soluzzjoni waħda għal din il-problema. Irridu nkomplu nagħmlu ħilitna kollha biex kull min qiegħed f’Malta llegalment jintbaghat lura. Irridu naraw li l-Maltin ma jħaddmux immigranti bla permess. Irridu nużaw l-enerġija tagħna biex dawk il-pajjiżi Ewropej li mhux jikkollaboraw magħna fuq din il-kwistjoni jibdew jagħmlu dan. Irridu nagħmlu pressjoni fuq il-Libja biex din tonora l-obbligi tagħha.
Min jaħseb li hemm soluzzjoni faċli hu żbaljat jew irid iqarraq.

 

Intervista
Il-bieb tiegħi dejjem miftuħ

Julia Farrugia tintervista lill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Robert Arrigo


Editorijal
It-talent meħtieġ



Wenzu Mintoff
It-toroq



Carmelo M. Bonnici
Kapitoli miktuba fid-deżert



Joe Ellis
Il-liġijiet tal-kera II



Emmanuel Micallef
Wake-up Call



Toni u Peppi
X’jiswa li Simon Busuttil ressaq riżoluzzjoni dwar l-immigranti fil-Parlament Ewropew?


Il-Punt - Carmen Sammut
Dan xi spin hu?


Il-kandidati jgħidu tagħhom - Edward Demicoli
L-immigrazzjoni rregolari u l-logħba politika ta’ Joseph Muscat

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan