MediaToday

Joe Ellis | 22 ta’ Frar 2009 Nr 121

Il-liġijiet tal-kera II

Il-ġimgħa l-oħra rajna l-isfond storiku għar-riforma proposta għal-Liġi tal-Kera. Illum niflu dan l-abbozz b’aktar dettall. Forsi din id-diskussjoni se tkun xi ftit teknika żżejjed u ma jifhimhiex kulħadd imma wieħed iħossu fid-dmir li jagħmilha ħalli l-leġiżlatur ikollu firxa wiesgħa ta’ opinjonijiet quddiemu.
L-ewwel ħaġa li wieħed jistqarr hija skantament kif il-Parlament irid jemenda liġi li mponiet reġim speċjali li jirregola l-kirjiet li saru sal-31 ta’ Mejju 1995 mhux billi jemenda dik il-liġi speċjali imma billi jemenda l-liġi ġenerali. Wieħed ma’ jifhimx kif biex jiġi emendat l-Kap. 69 tal-Liġijiet ta’ Malta, il-Gvern qed jipproponi li jemenda l-Kodiċi Ċivili u ma jmiss kważi xejn il-Kap. 69. Dan ser joħloq problemi.
Wieħed jaħseb li jkun aktar għaqli li l-Kap. 69 jiġi emendat ħalli jinħoloq reġim tranżitorju għall-kirjiet li għadhom igawdu mill-protezzjoni sakemm dawn jispiċċaw waqt li l-Kodiċi Ċivili jiġi emendat biss fejn hu strettament meħtieġ. Il-liġi proposta sejra tiżnatura b’mod radikali l-Kodiċi Ċivili mentri bl-aktar mod inkredibbli, il-Kap. 69 li l-aktar għandu bżonn li jinbidel, mhux ser jittiefes.
Naħseb li bosta mill-qarrejja jistqarru li qajla hi importanti liema liġi tiġi emendata sakemm jintlaħaq l-iskop mixtieq. Madankollu tajjeb li l-liġi tkun ċara ħalli ma’ tinħoloqx konfużjoni. Fejn hu ċar, wieħed m’għandux għalfejn jipprova jirranġa għax wieħed m’għandux għalfejn jerġa’ jivvinta r-rota kif xi kultant donnu jidher li hu l-każ.
U lanqas jista’ jkollok ċarezza meta punti kardinali tal-abbozz jiddependu fuq deċizjoni ministerjali li ħadd ma jaf kif u meta ser tittieħed, jekk tittieħed. Barra minn hekk, jeżistu kontradizzjonijiet ċari fl-abbozz kif se naraw li wieħed jittama li jitnaqqew fl-iskrutinju Parlamentari.
Wieħed ma jridx jidħol f’ħafna dettalji tekniċi ħlief li jirrimarka li ma tantx tirrifletti tajjeb fuq min abbozza l-fatt li ssib bosta referenzi għall-proċedura permezz ta’ rikors ġuramentat (ċitazzjoni) meta issa kull kwistjoni li għandha x’taqsam mal-kera se ssir fil-Bord tal-Kera fejn il-proċedura dejjem tinbeda b’rikors sempliċi. Żball tekniku li juri nuqqas ta’ ħsieb f’dan l-abbozz.
Fir-rigward tal-kirjiet ta’ djar ta’ abitazzjoni li saru qabel l-1 ta’ Ġunju 1995 u għalhekk għadhom protetti bil-Kap. 69, l-abbozz jipproponi li l-kera minima titla’ għal €185 fis-sena u tibda tiġi riveduta kull tliet snin skont l-Indiċi tal-Inflazzjoni.
Ċertament ma jistax jingħad li d-drittijiet tas-sidien avvanzaw wisq u l-inkwilini għadhom imfissdin sew għax probabbilment ħafna minn dawn id-djar aktar se jonfqu f’cable television millli kera fis-sena.
Dan ifisser li fil-perjodu mill-1914 sal-lum, perjodu ta’ 95 sena, il-kera, barra dan l-aġġustament minimu fejn il-kera hi anqas minn Lm80 fis-sena, ma tistax togħla aktar minn 40 fil-mija. Dan meta l-Indiċi ta’ Inflazzjoni li ssib fil-liġi juri li l-ħajja għoliet aktar minn seba’ darbiet mill-1947 lil hawn. Jidher li l-leġiżlatur irid li s-sidien ta’ dawn il-fondi jkomplu jerfgħu piż li messu qed jerfgħu l-Istat. Imma dan mhux l-uniku saġrifiċċju li jridu jagħmlu s-sidien ta’ dawn il-propjetajiet għax l-abbozz qed jagħmilha f’ħafna każi aktar diffiċli biex dawn is-sidien jerġgħu jieħdu l-pussess ta’ dawn id-djar f’idejhom.
Mentri llum meta wieħed ma jużax il-fond mikri jintitola lis-sid li jitlob li jieħu l-post lura f’idejh, l-abbozz qed jipproponi ħafna eċċezzjonijiet għal din ir-regola. Hekk, per eżempju, jekk persuna tmur taħdem barra minn Malta b’xi salarju fenomenali, xorta ser tibqa’ intitolata għall-kirja protetta ta’ mhux aktar minn Lm80 fis-sena.
L-istess jekk issiefer fit-tul għal raġunijiet mediċi jew ta’ studju, raġunijiet leġittimi imma ċertament li jistgħu jagħtu lok għall-abbuż. Jekk persuna tmur tgħix f’dar tal-anzjani u tħalli l-post mikri vojt, m’huwiex awtomatiku li s-sid jieħu l-post lura. Anzi l-inkwilin ser ikollu d-dritt f’każ bħal dan li jittrasferixxi tali kirja lil uliedu jew lill-ġenituri tiegħu jew lil xi ħadd minn ħutu jew anke l-konjuġi ta’ ħutu basta jkollhom aktar minn 60 sena u kienu jgħixu mal-inkwilin.
Illum il-liġi tippermetti lill-membri tal-familja li jgħixu mal-inkwilin li jkompli fil-kirja biss meta l-inkwilin imut u mhux meta jmur jgħix banda oħra. Meta ngħidu “membru tal-familja”, il-ġurisprudenza interpretat dan il-kunċett bħala dixxendenti tal-kerrej minn antenat komuni, jiġifieri tfal jew neputijiet. Issa, jekk l-abbozz se jsir liġi, dan il-kunċett se jitwessa’ u ser jinkludi mhux biss l-aħwa, imma anke lill-konjuġi tagħhom u lill-ġenituri. Wieħed jiskanta kif il-Gvern joħlom li jżid mal-protezzjoni li għandhom dawk il-kirjiet li ilhom privileġġati 80 sena u a skapitu tad-drittijiet leġittimi tas-sidien. U dan bla ma daħħal l-ebda limitu sakemm dawn il-kirjiet jibqgħu jiġġeddu.
Din l-estensjoni mhix mistennija tal-protezzjoni ta’ dawn il-kirjiet privileġġati tikkuntrasta bl-ikrah ma’ sitwazzjonijiet oħra li l-eżekuttiv, minħabba l-influwenza qawwija ta’ moraliżmu Kristjan, irrifjuta li jindirizza. F’dan il-kuntest,ir-rimarki tal-Ministru Tonio Borg fil-Parlament ġibdu reazzjoni qawwija. Għax jekk il-Gvern ħass li għandu jipproponi li persuna li tmur tgħix f’dar ta’ xjuħ tista’ tittrasferixxi l-kera lir-raġel ta’ oħtu, allura għaliex persuna li tkun tgħix ma’ persuna b’mod stabbli għal snin kbar, kemm jekk f’relazzjoni omosesswali jew eterosesswali, ma għandha tingħata l-ebda protezzjoni kif qed jipproponi l-Gvern?
Sfortunatament il-Gvern preżenti ħafna drabi jinsa li pajjiżna huwa sekulari u mhux repubblika nisranija. M’hawnx lok ta’ fundamentaliżmu pseudo-Kristjan li donnu jippernea l-imħuħ ta’ x’uħud u li jmur ’il barra minn dak li tippretendi l-Knisja stess f’pajjiżna. Mhuwiex kompitu tal-Parlament li jimponi t-twemmin nisrani fuq il-poplu: xogħol il-Parlament hu li jirregola r-rapporti bejn l-individwi u għalhekk, anke r-rapporti bejn nies li ma jistgħux jiżżewġu għax diġà miżżewġin jew għax rapport omosesswali. Wieħed, bħala minimu, il-leġiżlatur għandu jirrikonoxxi li dan ir-rapport stabbli jintitola lill-persuna l-oħra l-istess protezzjoni li għandu l-inkwilin. Dan qed jingħad kemm fil-kuntest ta’ kirjiet ta’ qabel l-1 ta’ Ġunju 1995 kif ukoll ta’ kirjiet li saru jew se jsiru wara.
Bla dubju, hemm min se joġġezzjona għal din il-kritika u jgħid li l-inkwilin li lilu se tiġi trasferita l-kirja protetta jrid jgħaddi minn test ta’ mezzi. Dan it-test ma jimpressjona xejn għaliex ħadd ma jaf kif se jsir. Kollox qed jitħalla f’idejn il-Ministru responsabbli biex jiddetermina kif għandu jsir dan it-test.
Wieħed kien jistenna li wara dawn il-Kummissjonijiet u rapporti kollha l-mod kif se jsiru dawn it-testijiet kellu jiġi stabbilit fl-Abbozz tal-Liġi u mhux tħalla f’idejn diskrezzjoni ministerjali li tant hi wiesgħa li m’hemm xejn x’iżomm lill-Ministru milli qatt ma jippubblika r-regolamenti li tirriferi għalihom il-liġi.

Il-ġimgħa d-dieħla nitkellmu fuq il-kirjiet ta’ fondi kummerċjali u fuq il-każini

Intervista
Il-bieb tiegħi dejjem miftuħ

Julia Farrugia tintervista lill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Robert Arrigo


Editorijal
It-talent meħtieġ



Wenzu Mintoff
It-toroq



Carmelo M. Bonnici
Kapitoli miktuba fid-deżert



Joe Ellis
Il-liġijiet tal-kera II



Emmanuel Micallef
Wake-up Call



Toni u Peppi
X’jiswa li Simon Busuttil ressaq riżoluzzjoni dwar l-immigranti fil-Parlament Ewropew?


Il-Punt - Carmen Sammut
Dan xi spin hu?


Il-kandidati jgħidu tagħhom - Edward Demicoli
L-immigrazzjoni rregolari u l-logħba politika ta’ Joseph Muscat

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan