Aħbarijiet | 22 ta’ Frar 2009 Nr 121
Julia Farrugia tintervista lill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Robert Arrigo
“Kienet anticlimax kbira li tefgħuni backbencher. Ħassejtni qisni team tal-futbol li rebaħ il-league u għal xi raġuni ma ngħatax it-tazza,” jistqarr Robert Arrigo.
Ħdax-il xahar wara d-diżappunt għadu jinħass. Għall-mistoqsija ta’ kif ħassu meta minkejja r-riżultat eċċellenti li kiseb fl-elezzjoni ġenerali ta’ sena ilu ma ngħata l-ebda kariga ministerjali jew ta’ Segretarju Parlamentari jħalli pawsa twila.
Imbagħad …
“L-akbar diżappunt għan-nies li vvutawli.”
Jerġa’ jiskot għal ftit u jħares lejn il-ħġieġa kbira fl-uffiċċju li tagħti għal fuq il-baħar iċafċaf max-xtajta tal-Balluta.
Kellu tgergir minn nies tad-distretti u minn kanvassers?
“Ħafna. Fir-rebħa iżjed irċevejt kartolini u sms ta’ kondoljanzi. Għamilna l-ewwel tliet xhur anke jekk nippruvaw noħorġu nimxu max-xatt tas-Sliema ma tkunx tista’ timxi,” wieġeb Arrigo.
Imma fi kliem il-Membru Parlamentari Nazzjonalista l-ħajja tkompli u “ġimgħa wara l-elezzjoni xorta fetaħ l-uffiċċju tiegħu. U wara nofsinhar xorta bqajt nagħmel il-home visits. Jien obbligat lejn l-eluf ta’ nies li tawni l-vot.”
Id-diżappunt mhux tiegħu biss personali. Jiżvela għall-ewwel darba li r-rabja fost in-nies tad-Distrett tant kienet kbira li kien hemm petizzjoni ta’ protesta għaddejja.
“Iva, veru saret din il-petizzjoni. Rajtha b’għajnejja. Kien hemm ’il fuq minn 2,000 firma.”
Nistaqsieh x’kienet it-talba ta’ din il-petizzjoni.
“Biex il-Prim Ministru Lawrence Gonzi jikkunsidra u jagħti widen lill-voti li ksibt meta jkun hemm opportunitajiet ta’ ħatriet,” tkun it-tweġiba.
“La sirt naf biha xtaqt li tibqa’ xi ħaġa nterna fil-grupp tagħna u ma ħassejtx li għandha tkun ippreżentatha. Waqqafthom,” isostni b’referenza għall-fatt li l-petizzjoni qatt ma waslet Kastilja.
Arrigo, għal żmien twil President ta’ Sliema Wanderers, igawdi fiduċja anke minn nies ittimbrati Laburisti. Kif iħares lejh dan il-fattur?
“Il-voti li ġibt ivarjaw. L-informazzjoni li tagħni l-partit stess hi li kelli mijiet ta’ voti li taw in-numru wieħed lili u waqfu hemm. U kien hemm ukoll numru mhux ħażin li taw il-1 lili u 2 lill-Partit Laburista.”
Mistoqsi x’jaħseb li kienu l-fattur li Gonzi ma tahx dekasteru Arrigo jsostni li ma jafx. Jaħseb li n-negozju li għandu fit-turiżmu kien il-kaġun?
“Għal dawn l-aħħar snin kelli l-lukandi kollha mikrijin lil ħaddieħor. Wieħed minnhom barrani. L-uniku xogħol li għandi hu li nġib turisti minn barra lejn Malta – xogħol li għandu jkun fl-interess nazzjonali,” iwieġeb bil-kalma.
Imbagħad bħal donnu jinfetaħ.
“Jien qatt ma staqsejt jew ippretendejt li ningħata kariga ta’ Ministru fit-Turiżmu. Dik prerrogattiva tal-Prim Ministru biss. Hemm ħafna oqsma oħra li nista’ nagħti sehem fihom: sports, kunsilli lokali…”
Id-diżappunt għadu jinħass. U bir-raġun. Minn distrett minnhom fl-ewwel għadd ġab 2,965 vot filwaqt li mill-ieħor tela’ wkoll elett sparat fl-Ewwel Għadd b’2,853 vot.
Id-diżappunt forsi hu akbar għaliex din kienet tarġa oħra fid-damma li bena tul dawn l-aħħar 14-il sena. Ikkontesta erba’ elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u żewġ elezzjonijiet ġenerali u dejjem kiseb suċċess.
Jagħtini x’jifhem li s’issa għadu ma jafx x’wassal biex tħalla barra milli jingħata jew Ministeru jew tal-inqas Segretarjat Parlamentari.
Qatt kellu l-gazz li jitkellem wiċċ imb’wiċċ mal-Prim Ministru?
“Iva. Tkellimna darbtejn waħedna,” iwieġeb pront.
Meta? Issa? Ilu? Eżatt wara l-elezzjoni?
B’għajnejh jagħmilli sinja li ‘iva’ għall-aħħar mistoqsija — eżatt wara l-elezzjoni.
“Bagħat għaliha hu.”
Għall-mistoqsija ta’ xi ftehim seta’ ntlaħaq dakinhar Robert Arrigo iwieġeb biss: “Id-diskursata saret bejn żewġt irġiel u se tibqa’ hekk.”
Imma kuntent minn dawn iż-żewġ laqgħat li kellu mal-Prim Ministru?
“Iva, happy,” iwieġeb xott.
Kollox ma’ kollox jinterpreta r-riżultat elettorali bħala “ta’ sodisfazzjon aktar milli ferħ.”
“Sodisfazzjon għax in-nies tapprezza l-ħidma matul il-ħames snin. Meta wieħed jara x’kelli miegħi, għax il-kompetizzjoni kienet within, fuq iż-żewġ Distretti. Kelli ħames Ministri fl-istess tellieqa li mhix ċajta. Apparti li kelli nofs il-Kabinett, lill-mexxej tal-AD u lid-Deputat Mexxej Laburista.”
X’jaħseb li kienu l-fatturi li ġabulu daqstant voti f’distrett daqstant miġġieled?
“Hi jigsaw puzzle. Naħseb hu dovut għat-team li jkollok miegħek u l-aċċess li toffri lin-nies. Jien dejjem miftuħ għan-nies.”
Jieqaf għal ftit u b’idejh jurini l-bieb fit-tarf l-ieħor tal-kamra.
“Il-bieb hu miftuħ beraħ. Int illum dħalt minn dak il-bieb li sibtu miftuħ. Il-bieb dejjem miftuħ. Naħseb in-nies tapprezza li meta tiġi biex tkellmek issib lilek u mhux is- Segretarju tas-Segretarju,” ikompli Arrigo. “Apparti li importanti li wieħed iżomm saqajh mal-art. Il-poplu jselliflek il-vot għal ħames snin. Il-vot hu self. Jistgħu joħduh lura wara ħames snin.”
Demmu u l-għeruq tiegħu huma mgħaddsa fil-politika. Forsi ftit nies jafu li bużnannuh Edgar Arrigo kien l-ewwel Speaker. Nannuh Edward Arrigo kien fl-ewwel Kunsill Malti taħt l-Ingliżi. Filwaqt li missieru Ralph fl-1971 u fl-1976 kien ikkontesta l-elezzjonijiet ġenerali ta’ dak iż-żmien.
Lura għas-suġġett tal-ħatriet. Xi kultant iċċaqċaq li l-possibbiltà ta’ reshuffle fil-Kabinett qiegħda hemm. Jekk isir reshuffle u jerġa’ ma jagħtih xejn, lanqas Segretarjat Parlamentari, jiddiżappunta ruħu?
B’mod diplomatiku jagħmel dawra durella.
“Naħseb li m’hemmx lok għal reshuffle. Ikun inġust li xi ħadd li l-Prim tah il-fiduċja jitneħħa. Jekk u kieku waqa’ u kiser siequ,” iwieġeb.
Nerġa’ nagħmel il-mistoqsija fi kliem differenti.
“M’hemmx lok għal tneħħija ta’ xi ħadd.”
Mela allura l-unika pedina li qed jara hi li jinħolqu opportunitajiet jew dekasteri ġodda?
Jgħidu li s-skiet risposta u ngħaddu għal kapitlu ieħor.
Robert Arrigo ilu fit-turiżmu sa minn meta kellu 19-il sena.
Nizzikah bl-istatistika ta’ ‘suċċess’ li l-Gvern jgħid li qed ikollna bil-cruise liners.
“Much ado about nothing. Sabiħ li settur jiżdied imma hi farka kontra t-turisti li jqattgħu ġimgħa ljieli f’Malta. Nippreferi ħafna aktar li jiżdiedu l-iljieli li t-turisti jqattgħu f’Malta.”
Hu minnu min jgħid li t-turiżmu qala’ daqqa’ ta’ ħarta mhux issa imma ilu nieżel?
“Ilna ma niżdiedu mis-sajf li għadda. Illum is-sitwazzjoni fit-turiżmu hi nkwetanti. M’hemm l-ebda viżibiltà għall-futur. Li qed ngħid mhux qed ngħidu jien imma leaders barranin fit-turiżmu. Qiegħdin f’riċessjoni turistika,” jisħaq Arrigo.
X’jaħseb li huma r-raġunijiet li wasslu għal din is-sitwazzjoni?
“Bħal f’kollox m’hemmx raġuni waħda. F’ħafna diskorsi fil-Parlament tkellimt li kellna nieħdu bżonn lill-operaturi barranin. Fis-snin li għadda ma tajniex ħafna kas tagħhom.”
“Hemm min telaq,” ngħidlu.
“U ma kienx hemm operaturi ġodda,” ikompli minn naħa l-oħra.
“Xorta nibqa’ nemmen li fl-aħħar mill-aħħar kulma għandna bżonn huma 1.4 turist biss. Tgħidli ‘biss’. Irridu mmorru nġibu, infittxu aħna t-turisti.”
Minn kexxun taħt l-iskrivanija joħroġ mazz karti u jdawwarhom lejja.
“Jien mill-1973 sal-llum ġibt lejn Malta 1.6 miljun turist li mhumiex Ingliżi. Qed nitkellem turisti Franċìżi u Ġermaniżi.”
Isostni li hemm bżonn bidla fil-mentalità.
“Hemm bżonn li nieħdu ħsieb l-aspett li klijent meta jiġi għandu ġimgħa mimlija. Il-ħwienet u l-mużewijiet hemm bżonn li jiftħu anke nhar ta’ Ħadd. Il-mużewijiet hemm bżonn li jiftħu bil-lejl. Jekk jiftħu dawn jiftħu ħwienet u kafetteriji fil-madwar. Mhux Notte Bianca waħda jkollok!”
Nistaqsieh jekk kienx jaqbel mad-deċiżjoni tal-Gvern Nazzjonalista li jagħlaq numru ta’ uffiċċji tal-Awtorità Maltija Għat-Turiżmu li kellna f’pajjiżi barranin.
“Qatt ma qbilt ma’ dik id-deċiżjoni. Kienet mossa ħażina ħafna. F’dawk is-snin li ngħalqu l-uffiċini tal-MTA saret ħafna ħafna ħsara li forsi llum qed inħallsu l-prezz tagħha,” jakkuża Arrigo.
Nistaqsieh jekk lil Gonzi qatt taħx pariri dwar it-turiżmu.
“Iva. Ġieli tajtu pariri. Ġieli ltqajt miegħu fuq klijenti jew operaturi. Ġieli tajtu ideat.”
Mistoqsi jekk jaqbilx mat-taxxa ġdida li daħħal il-Gvern fl-aħħar budget li mill-1 ta’ Jannar 2010 kull turist iħallas €0.50 għal kull lejl li jorqod Malta, Arrigo jinsisti li din kienet ġennata.
“F’postijiet oħra jagħmluha f’city tax jew council tax. Ix-xenarju li għandna llum naħseb li hi żejda u qed tħalli lok għal ħafna abbużi. Jekk ikollok erba’ persuni fi flat, kif se tinduna? Min se jiġborha? Kif se tingħata lill-Gvern? Se tidħol fil-pakkett tal-operatur? Hemm ħafna mistoqsijiet. Dawn huma affarijiet żgħar imma żejda!”
Dwar politika nitkellmu dwar suġġetti differenti u bla kantunieri għall-mistoqsijiet tiegħi jsostni hekk:
“It-Teatru Rjal jekk ikolli l-għażla nżommu teatru u mhux nagħmlu Parlament. Naqbel li l-Parlament bil-funzjoni li għandu għandu jkollu post differenti. Imma żgur mhux flok l-opera house.”
Dwar id-divorzju jgħid hekk: “Għala tħalli persuni separati flimkien? Din kwistjoni li trid dibattitu.”
Referendum?
“Iva. Nista’ naqbel li jkun hemm referendum dwar jekk id-divorzju għandux jidħol Malta. Imma nemmen f’dibattitu mhux b’żewġ partiti mifruda imma b’vot nazzjonali.”
Jaqbel ma’ vot ħieles fil-Parlament dwar id-divorzju?
“M’għandhiex tasal għal vot imma b’kunsens nazzjonali.”
U dwar l-aħħar ‘ġlieda’ b’rabta mal-proġett tal-Konkattidral jargumenta li: “dejjem xtaqt li ma jsirx. Lill-Prim Ministru kont għidtlu li ma naqbilx. Imma kont għidtlu wkoll li jekk jiġi għal vot jien nivvota skont il-linja li jagħtina l-Partit.”
Imma x’raġunament hu dan li jċedi anke f’affarijiet li per prinċipju ma jaqbilx magħhom? Lest li fuq ċerti suġġetti jaħarqu, jgħid x’jgħid il-Prim Ministru, jivvota skont il-kuxjenza u skont dak li l-maġġoranza tal-pubbliku tkun tixtieq?
“S’issa dejjem sibt Prim Ministru li qed jisma’ dak li ngħidulu. Hi ftit ta’ grazzja li jkollok Prim Ministru li jisma’ u li int tista’ tagħmel il-punti tiegħek. Għalija dak li qed tgħid mhux issue,” iwieġeb.
U kif jaħsibha dwar l-‘għadu’ politiku tiegħu?
Joseph Muscat bħala mexxej Labruista jaħseb li se jkun għadma iebsa għall-PN aktar milli kien Alfred Sant? Fis-sens, bniedem aktar żagħżugħ, l-istħarriġ juri li jgawdi appoġġ aktar minn Gonzi …
“Iva. Kienet faċli wisq biex tikkritika lil Alfred Sant. Ovvjament baqa’ erba’ snin għall-elezzjoni u wieħed għad irid jara xi jsarraf Joseph Muscat. Fil-politika opportuniżmu jiġi u jmur u politika ta’ viżjoni hi ħafna aħjar.”
Sakemm nikteb l-aħħar tliet paragrafi narah iżebbeġ xi ħaġa f’idu l-leminija. Għall-ewwel ħsibt li qed nara ħażin. Imma mbagħad narah aħjar: bżaru aħmar twil li mal-aħħar sentenza jitilqu wara munzell żgħir karti.
Staqsejt fuq kollox barra fuq din.
Forsi qed iżomm l-għajn ’il bogħod mill-ħakma Laburista jew forsi biex ibiegħed l-għajn tal-persuni li jixtiquh jibqa’ kif inhu …
|
|

Julia Farrugia tintervista lill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Robert Arrigo
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni u Peppi
- Carmen Sammut
- Edward Demicoli
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|