MediaToday

Il-Punt - Carmen Sammut| 22 ta’ Frar 2009 Nr 121

Dan xi spin hu?

Il-barometru li jkejjel il-burdata pubblika Ewropea wriena li huma biss terz tal-Maltin li għad għandhom fiduċja fil-partiti politiċi. Aktar min-nofsna ma jafdawhomx. Din mhix sorpriża minkejja li fl-elezzjonijiet il-Maltin għadhom jivvutaw bi ħġarhom u għadna nħobbu nittimbraw kull individwu skont, dak li nassumu li hu, il-kulur politiku tiegħu jew tagħha.
Il-verità hi li bosta minna għandhom tassew relazzjoni ta’ mħabba u mibegħda mal-politika. Bosta minn dawk li ma jiġux jaqgħu u jqumu minnha jsemmulek l-għeltijiet tagħha: il-pika, in-nofs veritajiet, il-wegħdi mhux imwettqa, l-arroganza, il-kontradizzjonijiet, pajjiż mifrud bejn it-tribù tar-rebbieħa u t-tribù tat-telliefa. Isemmulek il-paroli fil-vojt u l-ħmerijiet li jżewqu d-diskors ta’ wħud, flimkien ma’ kruċjati li ġieli jżebbilħu l-intelliġenza tagħna.
Dawk minna li m’humiex ta’ ġewwa spiss isibuha diffiċli jaqtugħa x’jemmnu u lil min. Tisma’ tant verżjonijiet tal-verità u tant kontradizzjonijiet li anke l-aktar individwi analitiċi u l-aktar imħuħ kritiċi jaqbdu jitħawdu. Rari ferm insiru nafu xi jkun jinħema fil-kuriduri fejn joperaw l-istrateġisti jew ix-xeħta tal-montaturi.
It-tattiċi ta’ spin li spiss nesperjenzaw qed jimminaw il-komunikazzjoni mal-pubbliku li tant hija meħtieġa fil-ħajja demokratika. Tajjeb li l-Gvern u l-partiti jikkomunikaw magħna. Għandhom il-mezzi biex, jekk iridu, jinfurmawna u jfehmuna l-politika tagħhom.
L-Istat, pereżempju, jimpjega numru ta’ koordinaturi tal-komunikazzjoni. Hemm imbagħad il-medja tal-partiti li, jekk se jibqgħu jeżistu, jeħtieġu riforma radikali ħalli minn funzjoni partiġġana jibdew iservu aktar ta’ forum politiku.
Ftit wara l-elezzjoni tas-sena li għaddiet il-Eurobarometer kien uriena li l-Maltin għandhom livell għoli ta’ xettiċiżmu lejn il-medja. Kienu 42% li jafdaw dak li jgħidu l-ġurnali, 53% ir-radju, 55% it-televizjoni u 44% jafdaw l-internet. Dax- xettiċiżmu hu xiehda li m’aħniex imzazen. Iżda l-kompetenza tagħna li niflu u nirreżistu għandha limiti. Kultant bla ma nintebħu nkunu vittmi peress li l-medja, dawk tal-partiti u dawk li m’humiex, għandhom qawwa jaffettwaw l-aġenda nazzjonali. Jaffettwaw ghalhekk dak li jiġi diskuss u dak li jinsatar.
F’dawn l-aħħar ġimgħat kienu bosta t-temi importanti li sfaw vittma ta’ baraxx ta’ spin. Bosta minna ntebħu li qegħdin nassistu għal-logħba ċess bla heda. Biżżejjed insemmu l-kwistjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma flimkien mal-battibekki bejn il-unjions; in-nomina tal-President il-ġdid; iċ-ċifri tal-qgħad, il-kwistjoni dwar il-Mużew tal-Konkattidral u saħansitra kif ivvotaw l-MPE Maltin dwar il-ħabsin ta’ Guantanamo.
Xi medja wasslu aġenda ċara. Oħrajn inqabdu fil-mewġa ta’ botti u risposti, diskorsi u intervisti u ġieli bla ma riedu spiċċaw jirrappurtaw fedelment ‘il-fatti’ mingħajr ma kellhom ħin, riżorsi jew forsi r-rieda, li jisfidaw l-aġendi tas-sorsi tagħhom.
L-ispin f’Malta mhux dejjem sofistikat daqs dak li nsibu barra. Iżda hawn min jaf jinseġ l-istejjer aktar minn oħrajn. Meta b’xi mod il-verità titla’ f’wicc l-ilma, l-ispin inawwar il-fiduċja pubblika.
Qatt ixxandru stejjer bil-ħsieb li l-medja jiġu żvijati milli jsibu xi storja aktar taħraq? Qatt saru sforzi biex akkost ta’ kollox tinqatel xi storja li tħammar wiċċ xi ħadd prominenti? Kemm jaħilbu ad nauseum storja tajba li tagħtihom vantaġġ? Kemm isiru sforzi biex tibqa’ tissemma xi storja li ddejjaq lill-għedewwa? Kemm isiru manuvri biex tiġi massimizzata l-pubbliċità għall-politiċi favoriti waqt li oħrajn jitħallew jisfumaw fix-xejn?
Kemm jintużaw l-aħbarijiet biex min hu fil-poter jittestja jekk xi deċiżjoni tqanqalx ferment ħalli f’dak il-każ jirtiraha jew jitfagħha fuq l-ixkaffa? Kemm-il aħbar imbarazzanti toħroġ eżatt meta l-pubbliku jkun mehdi b’xi ħaġa oħra?
Kemm-il darba naraw doza qawwija ta’ temi popolisti li jnessuna suġġetti li jaqtgħu fil-laħam il-ħaj? Gieli tixxandar aħbar tajba fl-istess waqt ta’ aħbar ħazina bi skop li waħda xxejjen lill-oħra?
Tassew li jingħataw informazzjoni u aċċess akbar il-ġurnalisti u opinjonisti tal-qalba? Tassew li kultant jiġu njorati, imwarrba jew forsi ibbullijati ġurnalisti kritiċi?
Dawn, flimkien ma’ tattiċi oħrajn, saru parti mir-realtà politika tad-dinja tal-lum. Jiżdiedu u jitqawwew meta l-partiti joqorbu tellieqa elettorali. Jintensifikaw ukoll biex jiġi rkuprat l-appoġġ tal-opinjoni pubblika.
Allura jekk il-barometru tal-burdata tal-Maltin qed juri biċ-ċar li ħafna jinsabu inkazzati, ifisser li se naraw dożi ta’ spin aktar qawwija? Nawguraw li le.
Flok spin għandna bżonn aktar sustanza fil-prinċipji ddikjarati u konsistenza fit-twettieq tagħhom. Il-medja għandhom jgħassu dawn il-proċessi u fl-istess ħin jeħtieġ li huma wkoll jaħdmu aktar biex jiksbu fiduċja tal-pubbliku xettiku permezz ta’ ħidma aktar professjonali u etika.
Wasal iż-żmien li nifhmu li l-partiġġaniżmu sfrenat u t-tfigħ tat-tajn se jċappas ukoll lil min jagħmlu. Irid ikun hemm rieda tajba min-naħat kollha għax jekk se nibqgħu kif sejrin hekk ix-xettiċiżmu aktarx li se jinbidel f’aljenazzjoni kbira.

 

Intervista
Il-bieb tiegħi dejjem miftuħ

Julia Farrugia tintervista lill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Robert Arrigo


Editorijal
It-talent meħtieġ



Wenzu Mintoff
It-toroq



Carmelo M. Bonnici
Kapitoli miktuba fid-deżert



Joe Ellis
Il-liġijiet tal-kera II



Emmanuel Micallef
Wake-up Call



Toni u Peppi
X’jiswa li Simon Busuttil ressaq riżoluzzjoni dwar l-immigranti fil-Parlament Ewropew?


Il-Punt - Carmen Sammut
Dan xi spin hu?


Il-kandidati jgħidu tagħhom - Edward Demicoli
L-immigrazzjoni rregolari u l-logħba politika ta’ Joseph Muscat

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan