MediaToday

Emmanuel Micallef | 22 ta’ Frar 2009 Nr 121

Wake-up Call

Titkellem ma’ min titkellem kulħadd jgħidlek li l-Gvern għandu bżonn wake-up call. Irid joħroġ min-nagħsa li jinsab fiha u jqum fuq tiegħu waħda sew.
Fuq diversi fronti l-Gvern mhux qed jikseb riżultati li jikkonvinċu lin-nies li almenu għandna l-aħjar Gvern li qatt seta’ jkollna fiċ-ċirkostanzi tal-lum. Il-fatt li l-Gvern għaddej b’kampanja sħiħa ta’ kemm qed jaħdem u kif qabad ritmu biex iwettaq dak li wiegħed juri li fis-sustanza l-Gvern qiegħed denbu bejn saqajh.
Jekk nieħdu l-andament ekonomiku fejn kulħadd jilmenta li ma bqajniex għaddejjin bir-ritmu tar-rota li qed ddur sew, nafu li morna lura. In-negozjanti jippruvaw jgħattu x-xemx bl-għarbiel u ta’ bir-ruħhom li kollox huwa normali għal wiċċ il-klijenti. Iżda bejn l-erba’ ħitan kollha jammettu li naqas il-bejgħ u l-konsum tal-prodotti u s-servizzi li jipprovdu.
L-ispejjeż qed ikomplu jżommuhom fl-iktar livell baxx u fejn jistgħu jaqtgħu spejjeż ta’ neċessitajiet li jifilħu jgħaddu mingħajrhom. Mhux qed jaħsbuha darbtejn biex litteralment iqaċċtuhom. Uħud minnhom sa waslu li jnaqqsu l-ispiża tagħhom billi jnaqqsu l-impjiegi.
F’din is-sitwazzzjoni kien hemm min jikkonsla għaliex li qed jiġri m’għandux kontroll assolut il-Gvern u tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku huwa kaġun ta’ forzi lil hinn minn xtutna. Iżda mhux kulħadd jaħsibha hekk u hemm bosta negozjanti li jistennew li f’dawn iċ-ċirkostanzi l-Gvern iqum mir-raqda u joffri l-għajnuna tiegħu.
Il-Gvern ukoll qed jipprova jpinġi stampa li ma tirriflettix ir-realtà li għaddejjin minnha. Għaliex qlajna d-daqqa tas-sensji u tal-gimgħa mnaqqsa ta’ xogħol minflok daħal b’ruħu u b’ġismu biex ma jħallix iktar emoreġija, il-Gvern għażel li jniedi kampanja biex joqgħod isemmi kemm se jinħolqu mpjiegi u opportunitajiet ta’ xogħol fil-ġejjieni.
Qisu jrid jikkonsla lil dawk li tilfu l-impjieg fil-ġimgħat li għaddew. U iktar minn hekk qed jiffanfra bl-inizjattivi li qed jieħu s-settur privat. Il-mertu jieħdu fuq il-premessa li la l-privat irid jinvesti allura jfisser li l-Gvern qed jagħti l-aqwa opportunitajiet ta’ investiment u qed joħloq il-klima adattata.
Din sieħeb ta’ Smart City. Kull meta nxommu l-inċertezza tan-nuqqas ta’ mpiegi nkunu pronti nfakkru f’dan il-progett li mistenni jniżżel ir-registru ta’ dawk li jfittxu x-xogħol għal ftit għaxriet jekk mhux waħdiet. U dan minbarra li l-Kummissjoni Ewropea qed tiġbidlu widnejh lil Gvern għaliex mhux qed iżomm mal-kriterji stipulati f’diversi oqsma. Fosthom anke fuq il-livell ta’ defiċit nazzjonali. Fi ftit kliem, ġejna f’sitwazzjoni fejn il-finanzi fis-sod, il-kapacità li nnaqqsu t-taxxi, il-ħolqien ta’ mpjiegi, saru problema għall-Gvern tal-ġurnata.
Sadattant esponenti tal-Gvern jibqgħu għaddejjin qisu qatt ma kien xejn. Minflok niffukaw fuq il-ferita maġġura qegħdin nikkonċentraw fuq is-side-effects.
Għandna Ministri li jikkritikaw x-xogħol ta’ Ministri jew ex-Ministri oħra. Membri Parlamentari fuq in-naħa tal-Gvern jikkritikaw lill-Gvern jew lil min jipprova jagħmel xi ħaġa bil-barka tal-Gvern. Ministri li iktar qed jissemmew għal kemm il-white paper, studji u abbozzi ta’ riformi qed jipproduċu ta’ kull ġimgħa.
Iżda donnu li minn kemm ilhom li tnaqqsu l-ministeri, il-Ministri mhumiex ilaħħqu max-xogħol kollu li suppost jagħmlu.
Dan ukoll qed ikompli jżid mal-frustrament li għandu l-poplu b’mod ġenerali. Ħafna huma tal-fehma li dan il-Gvern donnu ma qabadx art f’din il-leġiżlatura. M’hemmx inizjattiva li ttieħdet s’issa li ma kinitx suġġetta għal kritika kbira minn settur jew ieħor.
Donnu dan il-Gvern m’għadx għandu l-konsulenti li kienu jaħsbu mhux biss fil-kontenut imma wkoll fuq il-preżentazzjoni kif ukoll fuq il-mument opportun meta għandhom jiddaħħlu ċerti miżuri jew proġetti. Ħlief kwistjonijiet u rtirati ma għamilx.
Ħu mill-kwistjoni tad-dawl u l-ilma, mill-kwistjoni tal-estensjoni tal-mużew tal-Konkatridral ta’ San Gwan, tat-triq tal-Għadira, tal-villaġġ ta’ Ta’ Qali jew tal-baċir Numru Wieħed, tal-bini tat-teatru l-imwaqqa’ u Bieb il-Belt ... il-lista ma tispiċċax!
Għaliex qed jiġri dan wieħed diffiċli li jgħid. Iżda żgur li n-nuqqas ta’ konċentrazzjoni min- naħa tal-Gvern hija evidenti. L-omeliji li jorganizza l-partit fil-Gvern kull nhar ta’ Ħadd – u bl-istess mod il-priedki li joħorġu waqt l-attivitajiet tal-partit fl-oppożizzjoni – mhumiex jikkonvinċu lill-poplu. Dan huwa evidenti wkoll mill-fatt li l-Gvern ħareġ bil-qawwi meta kwistjonijiet dehru li setgħu jirriflettu fuq il-maġġoranza ta’ siġġijiet li għandu l-Gvern fil-Parlament.
Jeffrey Pullicino Orlando, Ninu Zammit u Jesmond Mugliet ma setgħu qatt ikunu injorati wara li esprimew ir-riservi tagħhom fuq proġetti ta’ interess pubbliku. Kif ma jistgħux ikunu njorati dawk li jridu jaraw wiċċ ġdid bħala Kummissarju Ewropew Malti.
Tgħid il-Gvern m’huwiex komdu bis-siġġu iktar li kiseb fil-Parlament? Forsi din hija l-mażżra li l-Gvern se jkollu jġorr matul din il-legiżlatura? Qed ittellfu l-konċentrazzjoni? Għaliex mela l-Gvern għażel li jipproponi tibdil fil-proċeduri Parlamentari u jibqa’ jippressa biex isir il-ftehim tal-pairing?
Bir-rispett kollu l-Gvern għandu bżonn wake-up call. Jekk hux se tagħtihielu l-Oppozizzjoni hija xi ħaġa oħra.

 

Intervista
Il-bieb tiegħi dejjem miftuħ

Julia Farrugia tintervista lill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Robert Arrigo


Editorijal
It-talent meħtieġ



Wenzu Mintoff
It-toroq



Carmelo M. Bonnici
Kapitoli miktuba fid-deżert



Joe Ellis
Il-liġijiet tal-kera II



Emmanuel Micallef
Wake-up Call



Toni u Peppi
X’jiswa li Simon Busuttil ressaq riżoluzzjoni dwar l-immigranti fil-Parlament Ewropew?


Il-Punt - Carmen Sammut
Dan xi spin hu?


Il-kandidati jgħidu tagħhom - Edward Demicoli
L-immigrazzjoni rregolari u l-logħba politika ta’ Joseph Muscat

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan