Editorjal | 22 ta’ Frar 2009 Nr 121
X’inhu li jwassal li xi ħadd bħal Robert Arrigo joħroġ għall-politika? Biex ikompli tradizzjoni fil-familja? Naturalment jemmen li għandu kontribut partikolari x’jagħti. Is-sens ta’ kompetizzjoni li għandu kemm irid minnha, iżjed fi ħdan il-partit tiegħu stess milli ’l hemm minnu?
Ħadd qatt ma tħajjar ipinġih bħala xi idealista ispirat minn xi missjoni qaddisa u m’għandu xejn mill-moffa ta’ xi politiku tradizzjonalista. X’jista’ jkun li jżommu għaddej iħaddem xibka wiesgħa ta’ relazzjonijiet fuq kull livell li hi l-qawwa tiegħu u fl-istess ħin teħodlu parti sew minn ħajtu? Żgur mhux biex irekken xi sold. Għalkemm mhux se jiddejjaq iżid ma’ li għandu m’għandux għalfejn iħares lejn il-politika bħala għajn ta’ gwadann. Aktarx li tiswielu l-belli liri.
Fil-fatt għandu talent kbir għall-politika kif titħaddem f’Malta. Maħluq għaliha u forsi għalhekk li sħabu tant beżgħu minnu u għamlulu tant bsateb fir-roti. Dan joħrog fl-intervista li għamliltu Julia Farrugia f’din il-ħarġa ta’ Illum meta fl-istess nifs jgħid li ma kienx jaqbel mal-proġett fil-Konkatidral ta’ San Ġwann u li baxxa rasu għad-deċiżjonijiet li ttieħdu. Jgħidha bla mistħija.
Biex tirnexxi fil-politika ma tista’ qatt tippermetti li jidħol xi dubju dwar il-lealtà tiegħek lejn il-partit. Hu u jitħabbel f’kontradizzjoni inevitabbli qiegħed jikkonferma l-lealtà tiegħu u jirbaħ l-appoġġ minn taħt u minn fuq. Qiegħed iwiegħed lealtà soda lill-mexxej tiegħu u jiżgura lill-partitarji fil-klann tiegħu u ’l hemm minnu li dejjem se jbaxxi rasu għar-rieda tal-partit. Għalih, li kapaċi jiġbor il-voti Laburisti wkoll, din hi ħtieġa akbar milli hi għal ħafna minn sħabu.
Minkejja dawn l-istqarrijiet ta’ lealtà, jinħass ċar l-uġigħ tiegħu meta twarrab, kienu x’ kienu s-suċċessi li ġab għall-Partit. Forsi bla ma jrid iwassal messaġġ li l-Prim Ministru Gonzi mhux f’qagħda li jaħkem lid-deputati tiegħu bl-istess mant ta’ awtorità li kellu l-mexxej ta’ qablu. Xi ħaġa nbidlet. Taħt Lawrence Gonzi sar iżjed possibbli li t-tgemgim isir fil-beraħ.
Tifel mejjet. Mejjet liebes uniformi li torbotna lkoll miegħu. Matthew Psaila kien suldat Malti u għalhekk kien lest li jagħti ħajtu għal pajjiżu jekk u meta jkun hemm bżonn. Pajjiżu mhux blata f’nofs ta’ baħar iżda aħna lkoll, aħna, niesu.
Sellimnilu solennement kif kien jixraqlu u issa ssir l-inkjesta. Forsi xi ħadd jingħata t-tort u forsi le. Ikun xi jkun ir-riżultat, mhux se jerġa’ jagħti l-ħajja lil Matthew iżda jixraq li r-riżulat ikun ċar, li jkun kredibbli, li jasal fil-ħin.
Matthew ingħata funeral militari u ndifen fil-qabar tal-Armata. Ħadd ma kien se jiċħadlu dawn l-unuri riżultat tax-xokk li ħadna lkoll bl-aħbar ta’ mewtu iżda l-aqwa unur li jista’ jsirlu jkun jekk l-inkjesta dwar mewtu twassal għal xi tibdil li jnaqqas is-sogru żejjed għal sħabu u għal dawk li jiġu warajh.
Mhumiex biżżejjed l-unuri militari. Jixraqlu wkoll il-ħeffa fl-inkjesta u deċiżjoni li jifhimha kulħadd. Xhur kbar wara, meta ħafna minna nkunu lħaqna nsejnieh jew kważi, ikun sinjal ta’ ċiniżmu u nuqqas ta’ rispett.