MediaToday

Carmelo Mifsud Bonnici | 22 ta’ Frar 2009 Nr 121

Kapitoli miktuba fid-deżert

1. Tul il-ġimgħa ġiet issiġillata l-karriera politika ta’ Walter Veltroni li sat-Tlieta li għadda kien il-kap tal-Partit Demokratiku fl-Italja. Mumenti verament iebsa u sa ħafna punti nġusti fil-konfront ta’ bniedem li wiret diversi diffikultajiet. L-aħħar Gvern immexxi minn Romano Prodi spiċċa fl-agħar skaluna ta’ dak li mexxej politiku jista’ jixtieq għalih innifsu jew għall-oħrajn. B’koalizzjoni li kellha maġġoranza verament żgħira fis-Senat Taljan, b’diversi partiti li kienu qed jimmaġinaw li xejn ma jista’ jniżżilhom u li minflok spiċċaw kissru dak kollu li kien hemm. Flok fehmu kemm kienu fil-periklu ħasbu li se jirnexxilhom jgħaddu miżuri qisu ma huma xejn kontra l-kurrent.

2. Ma tantx kellu għajnuna Prodi, anzi kellu ferm iktar tfixkil milli wieħed seta’ jimmaġina. B’deċiżjonijiet politiċi li flok kienu popolari marru biex jippruvaw jogħġbu minoranzi li l-effett kuntrarju kien li jissoda lill-Oppożizzjoni ta’ Silvio Berlusconi. Spiċċa li ħidmet il-Gvern taċ-ċentru-xellug daret biex ġiet li hija kemm kontra l-kunċett tal-familja u, bil-miżuri li ttieħdu, mhux biss fil-valur tagħha imma anki fl-aspett ekonomiku. Dan għax il-miżuri proposti kienu qed jolqtu lil min kien qiegħed jivvota għaċ-ċentru-xellug. Fl-aħħar tal-ġurnata tant ħolqu gvern instabbli li l-poplu, ġustament, ħass li għandu jmur lejn gvern stabbli li sab fil-koalizzjoni mmexxija minn Berlusconi.

3. F’dan l-istat ta’ affarijiet, Veltroni pprova jibdel kompletament dak li sab. Irnexxielu jara l-formazzjoni li kienet għadha titwieled tal-partit demokratiku tingħata immaġini ġdida għal kollox. Waħda li biha qata’ barra l-partiti tax-xellug-estrem u mexa ‘l quddiem biex jipprova jibni partit li jekk ma jasalx sal-Gvern, almenu kapaċi li jkun Oppożizzjoni kredibbli. Fil-fatt, minkejja l-intoppi kollha li huwa kellu jaffronta, irnexxielu jassigura Oppożizzjoni li għall-ewwel darba bniet “shadow cabinet”. Però bin-numru ta’ qasmiet interni dejjem jikbru, minkejja kull sforz tiegħu, baqa’ ma rnexxilux jagħlaqhom u jissiġilla partit wieħed.

4. Ma setax iġib id-diversi persuni li fi ħdan il-partit ġejjin minn kurrenti ideoloġiċi tant differenti jaħdmu flimkien. Għalhekk, mill-aħħar elezzjoni ta’ April 2008 b’xi mod jew ieħor beda jsib ruħu attakkat internament. Fl-aħħar jum il-pressjoni kibret iktar b’Massimo D’Alema (li fl-ewwel Gvern ta’ Prodi kien, wara sentejn, immanuvra biex isir il-kap tal-Gvern u fit-tieni Gvern kien Ministru tal-Affarijiet Barranin) jimbotta għar-rikostruzzjoni taċ-ċentru-xellug. D’Alema qiegħed jipprova jerġa’ jieħu lura l-partit biex idaħħal lura miegħu lill-esponenti tal-ex partit komunista bħal Fausto Bertinotti. Mossa politika li jidher ċar li Veltroni ma riedx li però qegħda sfaċċatament, u għalija żbaljatament, tiġi promossa.

5. L-aħħar pass żviluppa fl-aħħar elezzjoni fil-gżira ta’ Sardinja. Fir-riżultati, kontra ħafna problemi oħra, jidher li Ugo Cappellacci, li kellu warajh il-partit tal-Gvern u oħrajn (fosthom l-UDC ta’ Casini b’9% tal-vot), għeleb lil Renato Soru li kellu warajh il-Partit Demokratiku u l-ex partit tax-xellug-estrem. B’51.90% kontra, it-42.89% deher ċar li s-saħħa li kienet reġistrata fl-aħħar elezzjonijiet kienet qed terġa’ tonqos drastikament. Dan ir-riżultat fisser li l-linja politika ta’ Veltroni kienet spiċċat sfiduċjata kollha kemm hi. Verament pożizzjoni nġusta għax dak li ġara f’Sardinja ma kellu xejn li wieħed jista’ jixħet ir-responsabbiltà politika fuqu. Biss jidher ċar li huwa xeba’ u dan għalih fisser li għandu jitlaq. Sab ir-raġuni biex iċedi l-kariga tal-Ġeneral u jinżel lura Kurunell.

6. Din ir-riżenja terġa’ tixħet għal darb’oħra x-xellug fl-Italja, bħal f’diversi pajjiżi oħrajn fl-Ewropa, fi kriżi. B’elezzjoni għall-Parlament Ewropew viċin tagħna, dan huwa pass strateġiku żbaljat. Jidher biċ-ċar li dan il-partit, li għandu animi differenti, issa daħal f’deżert li qiegħed iktar jippersisti ġewwa fih. Huwa mitluf waħda sew u din hija ħasra għax jekk il-linja ma tinbidilx u flok tmur lejn iktar moderazzjoni b’possibilità ta’ koalizzjoni ma’ partiti oħra fiċ-ċentru bħal dak tal-UDC, allura tispiċċa titlef tradizzjoni politika li tat il-kontribut tagħha għall-Italja demokratika.

7. Il-ġimgħat li ġejjin se juru x’se jiġri. Biss jidher evidenti li hemm issa tlett fronti interni: dak ta’ D’Alema, dawk li issa ser imorru ma’ Veltroni u dawk li kienu parti mill-Partit Popolari. X’ser jiġri ma jistax jitbassar, però huwa ovvju li l-Oppożizzjoni fl-Italja se tidħol f’fażi politika li diffiċli toħroġ minnha. Xenarju li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar se jagħti vantaġġ lill-partiti tal-Gvern jew dawk li jalleaw irwieħhom miegħu. Żgur mhux forsi, id-deżert se jibqa’ jaħkem ix-xellug u min jaf meta ser joħorġu lura minnu.

 

 

Intervista
Il-bieb tiegħi dejjem miftuħ

Julia Farrugia tintervista lill-Membru Parlamentari Nazzjonalista Robert Arrigo


Editorijal
It-talent meħtieġ



Wenzu Mintoff
It-toroq



Carmelo M. Bonnici
Kapitoli miktuba fid-deżert



Joe Ellis
Il-liġijiet tal-kera II



Emmanuel Micallef
Wake-up Call



Toni u Peppi
X’jiswa li Simon Busuttil ressaq riżoluzzjoni dwar l-immigranti fil-Parlament Ewropew?


Il-Punt - Carmen Sammut
Dan xi spin hu?


Il-kandidati jgħidu tagħhom - Edward Demicoli
L-immigrazzjoni rregolari u l-logħba politika ta’ Joseph Muscat

 


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan