MediaToday

Toni u Peppi | 15 ta’ Frar 2009 Nr 120

San Ġwann: il-U-Turns dejjem dnub?

TONI

In-nies iridu jiġu kkonsultati aktar. Spiċċa ż-żmien li għax aħna fil-Gvern nagħmlu li rridu f’kollox. Fil-fehma tiegħi, kif svolġiet l-epika tal-proġett tal-estensjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-poplu Malti bagħat messaġġ ċar liż-żewġ partiti politiċi l-kbar: “Tkomplux tkunu paternalistiċi magħna. Ftakru, li meta tkunu fil-Gvern għandkom mandat u mhux saltna!”
Kien f’dawn iż-żminijiet li Lawrence Gonzi għamel id-dikjarazzjoni pre-revoluzzjonarja li hu l-Prim Ministru u allura hu l-Gvern. Għal min jaf daqsxejn tal-Istorja kulħadd ftakar lir-Re Lwigi XIV ta’ Franza. Iżda lanqas kienet għadha waqfet tidwi din
id-dikjarazzjoni li ma laħqetx ħarġet dikjarazzjoni oħra konġunta tal-Prim Ministru u l-Arċisqof fejn qablu li ma kinux se jibqgħu jinsistu fuq dan il-proġett. Ir-raġunijiet għal din id-dikjarazzjoni kienu varji, iżda fosthom żgur li l-polz tal-poplu kien qiegħed
iħabbat kontra dan il-proġett.
Hija sfortuna li l-Prim Ministru qiegħed jieħu din l-attitudni li jiddeċiedi qabel kull konsultazzjoni fuq kwistjonijiet ta’ natura nazzjonali. Din l-attitudni uriha wkoll fil-każ tal-proġett ta’ Bieb il-Belt. Nifhem il-frustrazzjoni tal-Prim Ministru li ilna snin
inwiegħdu li Bieb il-Belt jinbena mill-ġdid, u b’mod partikulari fejn darba kien hemm it-Teatru Rjal. Nifhem li dan proġett għandu jsir u li minħabba s-sitwazzjoni ekonomika huwa proġett ta’ esperjenza politika. Iżda li ma nifhimx hu għaliex il-Prim Ministru jrid li kull darba jippreżenta lill-poplu b’fatt kompjut. Diġà ddikjara b’mod kategoriku li fejn darba kien hemm it-Teatru se jagħmel Parlament.
Fil-fehma tiegħi din ix-xorta ta’ attitudni turi ħaġa waħda: li l-Gvern tal-ġurnata mhux jaqra s-sinjali taż-żminijiet. Dawn huma li lill-poplu m’għadekx tista’ tmexxih minn imnieħru. Żmien Duminku Mintoff u Ġorg Borg Olivier għadda. Għall-poplu, il-kelma
demokrazija sar għandha tifsira ħafna aktar wiesgħa u impenjattiva. Għall-poplu din m’ għadhiex tfisser li tivvota darba kull ħames snin u li għal ħames snin tagħti blank cheque lill-klassi politika. Anke l-Partit Laburista għandu ħafna x’jitgħallem minn din il-kontroversja.
Iżda mhux dan il-messaġġ biss wasal. Wasal il-messaġġ li lin-nies m’għadekx tidħak bihom b’dak li nsejjaħ l-effett tal-Punch & Judy. Saret konvenjenza politika għall-Gvern li jaħrab mir-responsabbiltà li jwieġeb billi jfarfar minn fuq spalltu u jitfa’ kollox fuq xi Awtorità jew Fondazzjoni. Din id-darba dan il-pjan politiku ma
ħadimx. Biex jaħrab mill-kritika li kienet qegħdha ssirlu, mhux biss minn barra iżda anke minn ġewwa, il-Prim Ministru pprova jagħti impressjoni li din kienet deċiżjoni tal-Fondazzjoni li tamministra l-patrimonju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann.
Ħadd ma belagħha! Kulħadd sar jaf li din il-Fondazzjoni kienet magħmula nofs bin-nofs bejn il-Kapitlu tal-Konkatidral u l-Gvern. Fost dawk li jirrappreżentaw lill-Gvern kien hemm dak l-ispeċi ta’ Kardinal Richelieu tal-politika Maltija, Richard Cachia Caruana. Joseph Muscat ħareġ dokument li juri biċ-ċar li fl-applikazzjoni mal-Mepa l-Kapitlu kien qiegħed joġġezzjona għal dan l-iżvilupp. Għalhekk ma tridx tkun taf tgħodd sal-10 biex tifhem li kollox kien jiddependi mill-Gvern jekk dan il-proġett kienx se jitkompla minkejja l-oppożizzjoni ċara nazzjonali.
Il-Gvern għalhekk kellu jċedi għal din il-pressjoni. Ħareġ ċar li l-Fondazzjoni hija speċi ta’ front governattiv. Ħareġ ċar li n-nies mhux se jkomplu jibilgħu l-lixka li meta tiddeċiedi Awtorità jew Fondazzjoni il-Gvern ma għandu x’jaqsam xejn ma’ dak li jiġi deċiż. Wara kollox il-parti l-kbira ta’ dawn l-Awtoritajiet u l-Fondazzjonijiet
jiddependu mill-vot finanzjarju tal-Gvern u dawk li jmexxuhom jinħatru u jwieġbu lill-Gvern. Dan huwa l-effett tal-Punch & Judy, fejn il-par idejn li jimmanipulaw il-pupi dejjem ikunu tal-istess persuna. Dawn l-Awtoritajiet qegħdin hemm biex jorganizzaw aħjar lill-Gvern u mhux biex jeħilsuh minn kull responsabbiltà politika.
Bis-saħħa ta’ dan il-proġett sirna nafu aktar affarijiet dwar kif qiegħed jaħsibha l-poplu. In-nies mhumiex aktar lesti li jittolleraw manuvri li mhumiex fair fil-Parlament. Il-manuvra min-naħa tal-Gvern li jressaq mozzjoni ta’ proċedura biex jagħlaq ħalq
l-Oppożizzjoni kompliet infurjat lis-soċjetà ċivili. Indirettament ħassitha li qegħdha tiċċaħħad milli titlissen l-opinjoni tagħha fil-Parlament. Dan tant huwa minnu li wara li bbnazza l-maltemp politiku minn fuq dan il-proġett, issa ċert li l-Gvern mhux se
jkompli jinsisti għal din il-mozzjoni ta’ proċedura.
Iżda mhux hekk biss ġara. Fil-fehma tiegħi l-irtirata tal-Gvern fuq dan il-proġett għandha tifsira importanti oħra. Ħareġ ċar li Richard Cachia Caruana kien il-moħħ wara dan il-proġett. Il-mod kif Jeffrey Pullicino Orlando ħareġ qatta bla ħabel kontra dan il-proġett huwa wkoll indikattiv li r-reġim politiku antik fi ħdan il-PN qiegħed jiġġarraf u jinsab taħt attakk. Ma’ Jeffrey kien hemm oħrajn fi ħdan il-grupp Parlamentari Nazzjonalista lesti li jisfidaw l-awtorità u l-influwenza politika li ilu jgawdi għal snin twal Richard Caruana Cachia.
Dan kien ukoll żvilupp pożittiv. Dan il-pajjiż ilu żmien twil ikollu l-politika nazzjonali tiegħu deċiża minn nies li mhumiex eletti mill-poplu. Dan huwa legat politiku li wiret Lawrence Gonzi mingħand Eddie Fenech Adami. Il-ġenerazzjoni ġdida ta’ Parlamenatri ma jidhirx li huma lesti li jibqgħu timidi u b’ħalqhom magħluq.
Bħall-poplu huma jridu li jkunu tassew konsultati u mhux sempliċiment timbru ta’ deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu x’imkien ieħor minn nies li ma għandhom l-ebda responsabbiltà politika lejn il-poplu.
Nifhem sewwa l-għadab ta’ David Agius meta għan-nom ta’ sħabu l-Parlamenatri l-oħrajn widdeb pubblikament lill-Prim Ministru li l-għażla ta’ Kummissarju ġdid għall-Kummissjoni Ewropea għandha tkun b’konsultazzjoni magħhom u mhux waħda unilaterali tal-Prim Ministru.
Minn din l-istorja ħareġ ukoll li l-Knisja setgħet ħarġet minnha aħjar. Meta kulħadd kien kontra dan il-proġett, anke l-Kapitlu tal-Konkatidral, l-Arċisqof qagħad lura milli jitkellem. Meta ftit tal-jiem ilu ntalab jagħti kumment dwar il-pożizzjoni
tal-Knisja fuq din il-kwistjoni l-Arċisqof wieġeb b’mod evażiv għall-aħħar. Seta’ tkellem b’mod ċar meta kellu għalfejn jitkellem u mhux joħroġ stqarrija konġunta mal-Prim Ministru qisu kien miegħu f’din il-borma mħawra. Ġara bil-kuntrarju ta’ Canossa. L-Arċisqof mar għand il-Prim Ministru u mhux bil-kuntrarju.

PEPPI

Ftit xhur ilu kont qed insegwi l-quddiesa tal-Ħadd filgħodu fuq TVM. Kien qed iqaddes Mons. Philip Calleja. Il-prietka li għamel ħallietni msammar quddiem l-iscreen. Mons. Calleja raġel ta’ kuraġġ. Mhux paroli. Fatti. Mons. Calleja ħadem, u għadu jaħdem, bla nifs u b’imħabba bla kundizzjoni lejn l-immigranti irregolari: ir-refuġjati. Il-pożizzjoni li ħa f’din il-prietka kienet skomda, mhux popolari, aktarx dik li kien jieħu Kristu kieku kien qed jindirizzana minn fuq it-televixin.
Ir-rispett lejn Mons. Calleja kiber wara dik il-prietka. Allura meta dan l-aħħar segwejtu jieħu sehem fil-kontroversja tal-proġett tal-Konkatidral mill-ewwel bdejt inżomm mal-pożizzjoni tiegħu.
Jien tuba f’din il-kwistjoni imma meta għandek persuna tal-impenn tiegħu bilfors li nemmen li dak li kienu qed jipproponu kien ta’ ġid kemm għal Konkatidral imma aktar għan-nies. Għax wara kollox il-Konkatidral ta’ San Gwann qiegħed għan-nies u mhux in-nies għall-Katidral.
Meta smajt persuna tipprotesta u titkaża x’għarukaża, għarukaża li fil-Konkatidral se jiftħu ħanut tal-kotba, x’kull waħda, aktar fhimt li dan l-għaġeb kollu seta’ kien mod kif nimxu mal-moda li ngħidu ‘le’ għal kull ċaqliqa li tkun se tiċċaqlaq f’pajjiżna. Jekk niftakar sew fil-Konkatidral diġà hemm ħanut tal-kotba.
Jien ma nifhimx u allura nagħżel li nħalli f idejn l-esperti biex jgħidu jekk il-proġett kienx se jkun ta’ ħsara jew ta’ ġid. Dejjem bit-tama li l-persuni jkunu aktar importanti mill-ġebel u l-istrutturi antiki, li jekk ma jkunux għas-servizz u għall-pjaċir tan-nies, anzi tal-massa tan-nies, ħadd m’għandu għalfejn jiddefendihom. Jekk il-proġett tal-Konkatidral ta’ San Ġwann kien se jagħmel dan il-wirt dinji aktar aċċessibbli għan-nies mingħajr ma jagħmel ħsara għal dawk li ġejjin warajna biex huma wkoll bi dritt igawduh, allura ma narax għala l-proġett waqaf ħesrem.
Fil-gazzetta kien hemm paġna sħiħa bil-firem ta’ ħafna persuni, uħud prominenti, joġġezzjonaw għal dan il-proġett tal-Konkatidral. Meta rajtu ftakart meta jien mexxejt kampanja simili. Kont ukoll għamilt kampanja bil-firem fil-gazzetti. Dak iż-żmien ma kontx qed niddefendi l-bini. Dak iż-żmien kont qed niddefendi lil Pietru Pawl Busuttil li kien iffrejmjat u akkużat li qatel lil Raymond Caruana bla ebda ħtija ta’ xejn. Qabdu u waħħlu fih. Damdmuh. Ħassruh. Kissruh. U kienu se jeħilsu minnu billi jwaddbuh mit-tieqa tal-isptar għall-isfel.
Dak iż-żmien ma kienx faċli li tiffirma. Ngħid bla tlaqliq li dak iż-żmien ħafna u ħafna persuni li tgħidx kemm kienu jippontifikaw fuq l-ambjent meta ġew biex jiddefendu lil Pietru Pawl kienu għażlu li ma jiffirmawx.
Kultant inħoss li anke llum l-istess nies jippontifkaw fuq l-ambjent f’difiża sħiħa tal-bini imma jibqgħu siekta meta quddiemhom iseħħu inġustizzji ta’ minoranzi.
Ħadd ma ħareġ paġna jiffirma biex juri solidarjetà mal-mod kif l-immigranti irregolari nstab li qed ikunu ttrattati f’ħabs bla ħtija. Ħadd. Dan mhux moda. Illum moda niddefendu d-dudu li jaf ikun fil-periklu bil-bini li tiela’. Ovvja li dawn l-istess nies joqtlu u jieklu l-fniek u l-ħnieżer imma jagħmlu prostesti kbar fuq id-dudu. Ma rridx ninftiehem ħażin.
Jien u ibni ġieli għamilna nofs siegħa nissieltu biex inkeċċu dubbiena biex ma noqtluhiex. Ilni iktar minn kwart ta’ seklu ma nikolx laħam. Altru li nipprova niddefendi d-drittijiet tal-annimali. Iżda nħoss li hi ipokrezija toħroġ għonqok biex tiddefendi katidral imbagħad tibqa’ sieket fuq il-mod kif persuna transesswali qed tkun ittrattata fil-ħabs kif irrappurtat b’mod eċċelenti Julia Farrugia fuq din il-gazzetta.
Taħsbu li se naraw xi reklam imħallas fit-Times turi solidarjetà mal-komunità gay li dwarha qed jitkellem kontinwament, Evarist Bartolo? Il-punt tiegħi hu l-enfasi. L-ambjent u l-wirt storiku jista’ jkun wieħed mill-minoranzi f’pajjiżna iżda mhux l-uniku. Fil-minoranzi l-oħra niftakru li hemm il-bnedmin ħajjin ibatu kull sekonda ħajja.
Hi din l-emozzjoni żejda li taf tkun qatlet il-proġett qabel biss kien konċeput. Nittama li dan ma jaqtax qalb il-membri tal-Fondazzjoni li lkoll inqishom bħala persuni li żgur qatt mhu se jipproponu jew jaċċettaw proġett li jagħmel ħsara lin-nies.
Jiddispjaċini għal xi ħadd bħal Mons. Calleja. Ma tantx nafu u ltqajt miegħu ftit. Iżda insellimlu għal dak li għamel għan-nies. Għalija u għal ħafna Mons. Calleja hu ispirazzjoni. Ir-raġel jgħix dak li jipprietka.

 

 

Intervista
Il-glorja ta’ Gloria Mizzi

Julia Farrugia tintervista lil Gloria Mizzi


Editorijal
Ir-rebħa ta’ JPO



Wenzu Mintoff
Guantanamo



Carmelo M. Bonnici
Kontra kull loġika



Joe Ellis
Il-liġijiet tal-kera



Emmanuel Micallef
Il-vuċi tal-poplu



Toni u Peppi
San Ġwann: il-U-Turns dejjem dnub?


Il-Punt - Marlene Pullicino
X’minnhom il-kontijiet tad-dawl u l-ilma?


Il-kandidati jgħidu tagħhom - Claudette Abela Baldacchino
Kwistjoni ta’ drittijiet


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan