MediaToday

Il-kandidati jgħidu tagħhom | 15 ta’ Frar 2009 Nr 120

Kwistjoni ta’ drittijiet

Dejjem sħaqt li rridu nkunu b’saħħitna fl-Ewropa biex nirbħu f’Malta. Iżda aħna min aħna u xi rridu nirbħu? Irridu naraw li dan il-pajjiż verament jimxi ’l quddiem billi jaħtaf l-opportunitajiet u jilqa’ għall-isfidi. Il-politika tat-tixjir tal-bnadar skadiet. Reġa’ wasal iż-żmien li jkollna politiċi li tassew iħossu l-polz tal-poplu u li lesti jxammru l-kmiem biex jaħdmu fl-aħjar interess tal-Maltin u l-Għawdxin.
Għalhekk intenni li biex nirbħu rridu negħlbu l-isfidi li għandna quddiemna. Wasal iż-żmien li tassew nifhmu li f’pajjiżna l-uniku riżors li għandna hu dak uman, u li anki għalhekk ma nifilħux nippermettu li xi ħadd jitħalla jaqa’ lura. Sħaqt u nibqa’ nisħaq fuq il-punt li meta intrapriża tfalli jbati kulħadd. Ibati l-imprenditur li jitlef il-flus li jkun investa, ibatu l-ħaddiema li jispiċċaw bla mpjieg u tbati s-soċjetà b’mod ġenerali għax tkun qed tnaqqas mill-produttività tagħha.
Iż-żmien li qed ngħixu fih mhux xi żmien faċli. Bħala poplu rridu naqtgħu bi snienna jekk irridu li nibqgħu fil-wiċċ għax minkejja l-kliem sabiħ li ġej minn naħa tal-Gvern Nazzjonalista, din il-kriżi ekonomika li ħakmet lid-dinja għandha l-possibbiltà li tkisser lilna wkoll, kif kissret pajjiżi b’ekonomiji u b’riżorsi ħafna akbar minn tagħna.
Li nagħmlu bħan-nagħma, kif donnu qed jagħmel il-Gvern ta’ Gonzi, u ngħaddsu rasna fir-ramel bit-tama li l-gwaj li ġej jgħaddi minn fuqna mingħajr ma jmissna, mhix soluzzjoni. Irridu naffrontaw ir-realtà b’rieda u determinazzjoni, b’kuraġġ, iżda fuq kollox b’viżjoni ċara ta’ fejn irridu naslu.
Għalina fil-Partit Laburista n-nies dejjem ġew l-ewwel. Kien il-Partit Laburista li kontra kull oppożizzjoni, inkluż minn naħa tal-politiċi Nazzjonalisti, ħadem bla waqfien biex ineħħi darba għal dejjem il-ġeħra tal-faqar u tat-tallaba minn pajjiżna.
Kien il-PL li bil-fatti mhux bil-paroli ħadem biex jagħti d-dinjità mistħoqqha lil ħaddiema Maltin u Għawdxin billi fetħilhom il-bibien tal-edukazzjoni u sejjes qafas soċjali li tassew ippermetta lil bosta biex jitilqgħu ’l fuq. Illum nitkellmu dwar soċjetà Maltija fejn kulħadd iħossu parti mill-klassi medja. Dan hu mertu tal-PL, għax il-Partit Nazzjonalista u dawk li kienu jappoġġawhom storikament dejjem qalu ‘le’ għal kull miżura ntiża li tgħin liż-żgħir biex javvanza.
Anki fuq livell ta’ drittijiet politiċi, kellu jkun il-PL li jdaħħal il-prinċipji tal-ugwaljanza fil-pagi u fid-drittijiet bejn nisa u rġiel; l-istess bħalma għamel meta illeġiżla biex il-Maltin u l-Għawdxin kollha, nisa jew irġiel, ikollhom l-istess piż fl-għażliet elettorali billi ta l-vot lin-nisa u anki liż-żgħażagħ ta’ 18-il sena. Illum ukoll il-PL qiegħed hemm biex jistinka ħalli d-drittijiet miksuba mill-ħaddiema Maltin u Għawdxin ma jitnaqqrux anzi jissaħħu.
Għax verament nemmnu li n-nies għandhom jiġu l-ewwel, aħna l-Laburisti nisħqu li rridu niżguraw li jkollna l-aqwa opportunitajiet għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna biex jiżviluppaw f’ambjent san u soċjalment ġust. Irridu naraw li kulħadd ikollu l-aqwa opportunità għat-tagħlim u l-iżvilupp tat-talenti tiegħu.
Fl-istess waqt irridu naraw li s-soċjetà tagħna tkun waħda tali li fejn ikun hemm xi ħadd li jkun se jibda jaqa’ lura, din tgħinu u tagħtih dik l-attenzjoni speċifika li jista’ jkollu bżonn. Ma rridux ngħixu f’soċjetà fejn tirrenja l-liġi tal-ġungla u min għandu s-setgħa, anki finanzjarja, jimxi ’l quddiem u min m’għandux jiġi abbandunat għal rieħu.
Hu proprju għalhekk li ntenni li hi l-missjoni tagħna bħala Soċjalisti biex f’kull ħin naħdmu biex intejbu l-qagħda soċjali tan-nies. Fundamentali f’dan kollu hi l-fehma soda tagħna li ma tistax tifred l-aspett soċjali minn dak ekonomiku. L-ekonomija u l-qasam soċjali huma ż-żewġ uċuh tal-istess munita.
Hu għalhekk li nemmen li l-kriżi ekonomika dinjija li qed niffaċjaw illum ma tistax tingħeleb billi nippermettu li jitnaqqru d-drittijiet tal-ħaddiema. Għalina l-ekonomija qiegħda hemm għas-servizz tal-bniedem u mhux il-bniedem għas-servizz tal-ekonomija. Hu għalhekk li ma nista’ qatt naqbel ma dawk li jħarsu lejn is-suq ħieles bħala s-soluzzjoni ta’ kollox.
L-idea ta’ suq mingħajr regoli hi idea li mexxew ’il quddiem il-forzi tal-lemin u li llum ġabitna fl-inkwiet li ninsabu fih. Hu għalhekk li ma nistħix ngħid li kburija li qed naħdem f’familja ta’ partiti li filwaqt li jħarsu lejn is-suq bħala għodda tajba, jemmnu li hemm bżonn ta’ suq regolat fejn dak kollu li nagħmlu jkun iffukat biex mhux biss inħarsu iżda ntejbu l-qagħda soċjali tan-nies.
Hu f’dan il-kuntest li ntenni li wasal iż-żmien li bil-fatti nuru li dan il-poplu li l-familji jistħoqqilhom aħjar, li Malta mhix xi pajjiż inferjuri, li kull persuna għandha dritt li tgħix aħjar u kuntenta mingħajr ma tkun imċaħħda u eskluża soċjalment.
Għalhekk li nemmen li l-aspirazzjoni tagħna għas-snin li ġejjin għandha tkun dik li nkunu B’Saħħitna fl-Ewropa għax b’hekk biss inkunu nistgħu niżguraw li l-vuċi ta’ Malta tasal bil-qawwa kollha li jixirqilha fil-fora fejn ta’ kuljum qegħdin jittieħdu d-deċizżjonijiet li jaffettwawna lkoll b’mod dirett.

Claudette Abela Baldacchino (PL)
info@claudetteabelabaldacchino.eu

 

Intervista
Il-glorja ta’ Gloria Mizzi

Julia Farrugia tintervista lil Gloria Mizzi


Editorijal
Ir-rebħa ta’ JPO



Wenzu Mintoff
Guantanamo



Carmelo M. Bonnici
Kontra kull loġika



Joe Ellis
Il-liġijiet tal-kera



Emmanuel Micallef
Il-vuċi tal-poplu



Toni u Peppi
San Ġwann: il-U-Turns dejjem dnub?


Il-Punt - Marlene Pullicino
X’minnhom il-kontijiet tad-dawl u l-ilma?


Il-kandidati jgħidu tagħhom - Claudette Abela Baldacchino
Kwistjoni ta’ drittijiet


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan