Intervista | 15 ta’ Frar 2009 Nr 120

Julia Farrugia tintervista lil Gloria Mizzi
Jekk taraha għall-ewwel darba żgur li ma jgħaddilekx minn moħħok li għandha 69 sena. Gloria Mizzi hi dik il-mara li taraha meta taraha dejjem pinna: għandha ċerta eleganza naturali li jmorru lil hinn minn kif tilbes jew kif tidher.
Iżda forsi l-aktar ħaġa li tispikka hi l-patrijottiżmu għami anke jekk sakemm kellha 15-il sena għexet u trabbiet Tripli.
“Ġejt Malta meta kelli 15-il sena. Il-Papà Malti ta’ Tripli. Imbagħad matul il-gwerra konna morna ngħixu l-Italja.Taf għaliex tkun patrijott? Għax meta tgħix barra aktar tinġibed lejn ħaġa Maltija. Jien tradizzjonalista di natura. M’iniex bigotta imma allaħares wieħed jitlef dak li sawru,” twieġeb Gloria.
Hemm xi ħaġa li għal Gloria tibqa’ fundamentali u li ma ċċedix pulzier għaliha?
“Il-familja,” twieġeb bla ma tħalli nitfa ta’ sekonda tgħaddi.
“Il-familja l-ewwel u qabel kollox. Ideali li l-familja tkun tradizzjonali però hemm do’s and don’t’s. Għalija s-sempliċità tal-ħajja m’hemmx isbaħ minnha. Konna nifirħu mix-xejn. L-età tbiddlek, tkun tixtieq iżżomm li għandek. Il-familja, speċjalment l-extended family, lili tgħoġobni ħafna,” tkompli.
Imma kif tħares lejn il-fattur ta’ ħafna żwiġijiet li mhux qed jirnexxu? Għandhom dritt li jibdew ħajja aħjar? Dawn il-familji għandhom jibqgħu jkunu mċaħħda mid-divorzju?
“Nemmen li ma tiħux deċiżjoni malajr. Trid tipprova ssalva ż-żwieġ. Imma nemmen li kulħadd għandu dritt għall-feliċità. Madankollu trid toqgħod attent. Jien ili miżżewġa mill-1961 u xorta nħossni li m’iniex kompetenti biex nitkellem fuq is-suġġett. Ma nistax niġġudika. Preferibbilment tiżżewweġ u tkun ta’ darba. Forsi li kieku jien separata nkun kapaċi nagħtik ġudizzju mod ieħor,” tgħid Mizzi.
Nipprova nressaqha lejn argument ieħor. Taqbel li jekk ikun hemm dibattitu fil-Parlament dwar id-divorzju l-partiti politiċi għandhom jagħtu vot ħieles lill-Membri Parlamentari kollha?
“Il-vot ħieles hu dritt għal kulħadd. F’każ ta’ dibattitu dwar id-divorzju kull Membru Parlamentari għandu jitħalla jivvota kif irid hu. Inkella x’demokrazija hi?”
Gloria hi meqjusa ‘guru televiżiv’. Kif daħlet f’dan il-qasam?
“B’kumbinazzjoni,” twieġeb.
“Kien hemm Edith Storace, illum mejta, u offrietli slot dwar il-moda fuq il-PBS. Kont veru stħajt.”
Inwaqqafha ftit għax din li tistħi ma tantx iddoqq wisq meta tara kemm Gloria hi naturali quddiem il-kameras.
“Kont u għadni nistħi sal-lum,” twieġeb b’konvinzjoni. “Imbagħad Edith Storace ma setgħetx tkompli u tefgħuni ngħum waħdi. Għidtilhom ‘għallmuni’. It-tweġiba kienet li ‘jekk trid tgħallem lil xi ħadd jgħum trid titfgħu fil-baħar,” tgħidli hi hu tidħak.
Kieku b’daqqa ta’ pinna kellhom jitolbuni niddeskrivi lil Gloria Mizzi nagħżel din is-sentenza: mara ta’ stoffa, ma tagħmlilhiex bżieq fuq imneħirha u kif jgħid l-Ingliż, she has it all – sbuħija, preżenza u intelliġenza.
Idejquha nisa ċapsi? Meta tħares lejn nisa żgħażagħ x’tgħid? Morna għall-aħjar jew għadna lura?
“Iż-żgħar jogħġbuni ħafna. Dejjem ħdimt tajjeb ħafna man-nisa. Illum għandhom l-opportunità li joħorġu l-kwalitajiet tagħhom. Bħalissa għandna erba’ nisa tajbin kemm fix-xandir, nisa avukati, nutara u anke ġurnalisti li jafu xi jgħidu u xi jridu.
“Jien togħġobni l-assertività f’mara. Jien jekk irrid xi ħaġa nagħmilha,” twieġeb.
“Għalija l-mara ideali hi li tkun assertiva fid-dar u barra. Mara trid tkun aġġornata f’dak li jkun qed jiġri madwarha. Irid ikollha opinjoni tagħha. Li tkun taf xi trid.”
Gloria hi omm ta’ żewġt itfal. Kif tħaddan il-kunċett ta’ familja li rreferiet għalih qabel meta hi mara li minn dejjem kienet impenjattiva sa ruħ ommha?
“Jien fortunata għax qatt ma kelli xogħol li trid tagħmel l-ġurnata kollha barra mid-dar. Jien tradizzjonali ħafna. Għadni sal-lum li jekk se jkolli ġurnata barra rrid inlesti l-ikel kollu. Kont fortunata li dejjem kont freelancer,” tispjega.
“Imma fil-ħajja normali wieħed importanti li jkun organizzat. L-ippjanar hu importanti, affarijiet tal-aħħar minuta jferfxuni.
“Jgħidu li jien perfezzjonista. Ma naħsibx li hu l-każ imma għall-preparazzjoni iva.”
Minn żmien għall-ieħor il-mara tgħallem f’sezzjonijiet tal-etiquette. Taħseb li hemm bżonn li l-manjiera tajba jiġu mgħallma wkoll fil-kurrikulu?
“Għandna bżonn il-manjieri tajba. L-etika hi importanti. Nemmen li hi xi ħaġa dejjiema. Li tkompli tgħixha u titgħallima mid-dar. L-etiquette hi r-rispett lejn ħaddieħor anke meta xi ħadd qed jurik l-opinjoni. L-etiquette hi li meta tidħol f’ħanut tal-ħaxix issellem u meta jaqdik tgħidli grazzi.”
Nistaqsiha ġenwinament x’taħseb dwar l-immigrazzjoni llegali . Hi sostenibbli din is-sitwazzjoni jew qbiżna kull limitu ta’ kemm Malta tista’ terfa’ din il-problema?
“Il-qalb tgħidli mod imma moħħi jgħidli mod ieħor. U nieqaf hawn. Ħafna mill-Maltin jaħsbuha bl-istess mod,” tkun it-tweġiba.
Gloria għamlet isem fl-istorja politika tal-kunsilli lokali u serviet f’żewġ leġiżlaturi fil-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema. Liema fatturi ħarġuha kandidata tal-Partit Nazzjonalista u mhux mal-Partit Laburista?
B’xi mod tiżgiċċa.
“Dħalt għax kien jinteressani pajjiżi. Naqbel ħafna f’team work. Kienu snin li ħadt gost ħafna. U nemmen li taw il-frott. Dħalt taħt il-Partit Nazzjonalista imma ħdimt ma’ kulħadd. Konna fortunati li l-kandidati kollha tal-PN, tal-PL u tal-AD ħadmu flimkien. Sinċerament kulħadd kien jaħdem għal għan wieħed biex intejbu l-lokal.”
Teskludi li terġa’ toħroġ għall-elezzjonijiet lokali?
“Iva neskludi. Inħobb inżomm ruħi okkupata. Imma issa għandi 69. Ma rġajtx ħriġt għax kelli l-mamà miegħi ta’ 96 u kienet tiddependi għal kollox minni. Kif għidtlek il-familja hi importanti u allura ridt nagħti sehmi mija fil-mija d-dar. Issa sehmi tajtu. Imma x-xewqa hemm tibqa’.”
Fi kliemha l-ħajja politika għallmitha li “il-mara tista’ tagħti sehem kbir fil-pajjiż. In-nisa prattiċi. Meta wieħed jasal għal deċiżjoni n-nisa jafu jgħidu iva jew le mill-ewwel. Inħeġġeġ lil aktar nisa jagħmlu dan il-pass.”
Imma kieku kellha r-riedni tal-pajjiż f’idejha xi jkunu l-ewwel affarijiet li tirranġa jew tindirizza, irrispettivament min ikun fil-Gvern?
“L-indafa ta’ dan il-pajjiż u l-iżdingar. Saru passi kbar imma n-nies għadhom ma jikkoperawx. Nixtieq li n-nies jikkoperaw aktar. Għad hawn il-ħmieġ, apparti l-ħofor. It-toroq hemm bżonn li jsiru darba għal dejjem,” tinsisti Gloria.
Tgerger dwar ċerta żvilupp kif sar, fosthom f’Tas-Sliema.
“Jiddispjaċini. Tiġi ċerta nostalġija. Ideali li l-front ta’ Tas-Sliema baqa’ kif kien. Kien fih għaxqa. Idealment fejn il-baħar ikun baxx biex min għandu dar fin-nofs jibqa’ jieħu nifs,” tinsisti.
Bħalissa l-preżentatriċi għandha sehem fi tliet programmi televiżivi fuq NET, minbarra li tikteb ir-riċetti fuq żewġ rivisti lokali.
Minħabba prinċipju politiku, Gloria teskludi li tagħmel programm fuq l-istazzjonijiet tal-Partit Laburista jew ma tiddejjaqx li kieku kellha tagħmel dan il-pass?
“Inkun fejn inkun nemmen li l-personaġġ jibqgħu jħobbuh. Immur fejn immur jien nibqa’ dejjem jien. U insomma, s’issa ma ġietx offerta simili,” tgħidli b’mod nebbiexi imma pulit. “Meta tikber tkun trid toqgħod fejn drajt. Imma fid-dinja qatt ma’ tista’ tgħid ‘minn dak l-ilma ma nixrobx.’”
Bejn diskursata u oħra wara li tintemm l-intervista taqbadli suġġetti hi fosthom dwar il-proġett tat-teatru l-imwaqqa’.
Fuq din naqblu wkoll.
“It-teatru m’għandux jinbidel fil-Parlament. Għandu jinbena f’ċentru kulturali multi-purpose, li minbarra opra jilqa’ wkoll kunċetti differenti kulturali. U jekk se jinbena jrid jinbena bl-istess mod li kien fl-antik.
“Ommi kienet tirrakkonta li kienet tiġi minn barra biex issegwi l-opra u kienet tgħidli li min kien ikanta l-opra fit-Teatru Rjal kien ifisser li l-pass li jmiss hu li jmur La Scala.”
U s-sbuħija. Waħda mill-aktar nisa li jieħdu ħsieb tagħhom infushom. Hemm ċans li l-qarrejja jieħdu r-riċetta?
“Nikkura ruħi bi prodotti tajbin imma mhux għaljin. Tista’ tagħmel kapriċċ xi darba imma mhux li naqbeż il-budget. L-istress kemm jista’ jkun nevitah. Dwar il-wiċċ importanti li jkollok rutina regolari ta’ tindif. Kemm ili ħajja qatt, qatt u qatt ma rqadt bil-make-up. Fl-ikel, il-ħaxix, il-frott u l-ilma protagonisti fil-ġurnata tiegħi.
“U l-kapriċċ li għandi? Il-fwieħa Channel 5. Bqajt nuża lilha. Naraha xi ħaġa personali ħafna. U ż-żraben …” tkompli Gloria waqt li fil-ftit ħin li jifdal nerħulha nreddnu fuq l-isbaħ żraben li rajtilha fuq it-televiżjoni.
|
|

Julia Farrugia tintervista lil Gloria Mizzi
Editorijal


Wenzu Mintoff

Carmelo M. Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef

Toni u Peppi
- Marlene Pullicino
- Claudette Abela Baldacchino
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|