MediaToday

Aħbarijiet | 08 ta’ Frar 2009 Nr 119

Mosta: il-ħajt tal-inkwiet

Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt

Qabel l-elezzjoni l-Gvern wiegħed ħaxix artifiċjali lill-grawnd tal-Mosta li qiegħed naħa ODZ bid-djar warajh, naħa oħra tmiss ma’ fabbrika u naħa oħra ma’ Triq Valletta. Minn dak iż-żmien il-proġett tal-ħaxix żviluppa f’titjib tal-faċilitajiet kollha, inkluża ż-żieda ta’ seats b’ħajt warajhom, bl-ogħla wieħed ikun sa 13-il filata. U hawn beda l-inkwiet. Numru ta’ residenti ċemplu lil din il-gazzetta jilmentaw dwar il-ħajt futur.
“Hu proġett il-ġmiel tiegħu iżda mhux sew li jagħmlu hekk meta dejjem kien spazju miftuħ. Aħna favur il-proġett imma nemmnu wkoll li la se jitranġa għandu jitgawda mill-Mostin kollha,” qal resident.
Resident minnhom ma setax jifhem kif il-Kunsill Lokali tal-Mosta l-ewwel żamm magħhom imbagħad dawwar ħsiebu u qabel mal-proġett.
ILLUM ippruvat tagħmel bosta kuntatti mas-Sindku Paul Chetcuti Caruana bit-telefown, emails u sms biex tara x’ġara imma s-Sindku rrifjuta li jirrispondi.
Tlabna kumment lil Charles Abela, il-President ta’ Mosta FC, biex naraw x’hemm eżattament maħsub u għaliex jeħtieġ li jsir dan it-tibdil.
“Fil-proġett tal-grawnd hemm ipproġettat titjib tal-faċilità li jinkludi t-tqegħid ta’ tapit tat-turf ta’ standard internazzjonali, titjib tas-sistema tal-elettriku li teżisti bħalissa, bini ta’ seating ta’ erba’ turġien, ħajt li jkopri s-seating fih u fencing madwar il-grawnd.
“Kull min hu midħla fl-isports jaf li l-faċilitajiet sportivi fil-Mosta għadhom taħt il-livell mixtieq. It-titjib se jgħolli l-livell tal-kumpless b’tali mod li jħabbatha mal-aqwa faċilitajiet li hawn Malta.
“Mill-kumpless se jgawdu l-290 tfal tan-Nursery, l-istudenti tal-Kulleġġ Marija Reġina, it-timijiet tal-futbol tal-kbar u tan-nisa għax mhux se jibqgħu jitħarrġu fuq art iebsa u l-ġirien għax se jinħelsu mit-trabijiet li jridu jiffaċċjaw ta’ kuljum.”
Dwar kemm se jogħla l-ħajt approvat mill-Kunsill, il-President wieġeb li dak fuq Triq il-Manwella hu ppjanat li jkun bejn 12 u 13-il filata mil-livell tal-bankina, jiddependi mid-dislivell tat-triq, biżżejjed biex ikopri l-għoli tas-seating. Fil-kumplament tal-ġnub se jkun hemm tmien filati. Se jkun ħajt pulit u fih se jitpoġġew planters bi xtieli addattati biex jissebbaħ l-ambjent kif mitlub mill-MEPA.”
Ir-residenti xtaqu li l-ħajt jinbena n-naħa tal-fabbrika biss iżda skont il-President ma jistax isir hekk.
“In-naħa tal-fabbrika se jinbena ħajt iżda s-seating ma setax isir hemmekk minħabba li d-dħul tal-ispettaturi hu min-naħa ta’ Triq il-Manwella u biex tgħaddi għan-naħa tal-fabbrika trid tgħaddi minn quddiem il-premises tan-nursery, id-dressing rooms tal-plejers u r-referees, imbagħad minn ġo parti tal-grawnd sakemm tasal faċċata.
“Barra minn hekk, meta jsir il-logħob ma’ nżul ix-xemx, din tiġi eżatt faċċata tal-ispettaturi. Il-fatt li s-seating li hemm illum hu mat-triq jikkonferma li hemmhekk biss jista’ jsir.
“Il-ħajt hu mezz ta’ kif dan il-proġett ma jiġix vandalizzat. Il-grawnd tal-kunsill, għax m’għandux ħajt imma fencing, hu dejjem fil-mira ta’ vandali. Dan il-proġett bilfors irid ikun protett minn ħajt li se jsir l-għoli minimu.”
Residenta oħra kienet argumentat: “Iż-żona kollha se tingħalaq b’ħitan anki min-naħa ta’ Triq Valletta. Hekk ma tkunx tista’ tara lit-tfal jilagħbu. Huma jridu jagħmlu hekk biex idaħħlu l-flus ħalli jkollok tħallas biex tidħol.”
Għalhekk staqsejna lill-President hux minnu li l-grawnd se jingħalaq biex isir introjtu.
“Assolutament mhux il-każ. Jekk isir xi ntrojtu żgħir hu minn xi logħob mhux għax hemm il-ħajt. It-timijiet li jilagħbu jħallsu għal-użu tal-pitch u s-servizzi. Il-ġenituri jkunu jistgħu jidħlu b’xejn jaraw lil uliedhom jilagħbu. Dan l-introjtu jservi biex tingħata manutenzjoni lill-istess kumpless. Mhux se jsir logħob differenti minn dak li qed isir illum. Se jogħla biss il-livell tal-kumpless kif jixraq lil dawk li jagħmlu użu minnu għas-sodisfazzjon tal-Mostin li ilhom jistennew dan il-proġett bil-ħerqa kollha.”
Ir-residenti sabu appoġġ mill-għaqda Flimkien għall-Ambjent Aħjar. Meta kkuntattjata, Astrid Vella, il-kordinatur tal-għaqda, ikkonfermat l-appoġġ tagħha u qalet:
“Aħna nħossu li bħal f’kull każ irid ikun hemm bilanċ: f’dan il-każ id-dritt tar-residenti u tal-isportivi. F’dan il-każ partikulari mhuwiex it-taħriġ tat-tfal il-problema imma l-kummerċjalizzazzjoni tal-grawnd. Ir-residenti mhumiex qed joġġezzjonaw għall-użu sportiv. Għalhekk aħna konvinti li jista’ jintlaħaq kompromess sodisfaċenti għal kulħadd.
“Bħalissa hi żona ODZ. Kull ma jista’ jinbena fihom dawn iż-żoni huma faċilitajiet sportivi u mużewijiet. Meta nkiteb il-pjan tal-istruttura ta’ xi 15-il sena ilu ma naħsibx li kien hemm ħsieb ta’ ħitan ta’ 15-il filati. Dan il-każ jista’ joħloq preċedent għal kull faċilità sportiva fil-kampanja u mhux.”

 

Intervista
Il-lingwa: il-bażi tal-identità ta’ kull Malti

Franica Pulis tintervista lil Karistu Abela




Wenzu Mintoff
Bużullotti


Toni Abela
Iċ-ċensura f’Malta għad hawn bżonnha?



Carmelo Mifsud Bonnici
Il-kultura tal-vjolenza



Joe Ellis
Għajnuna fejn trendi l-iżjed



Emmanuel Micallef
Sfida fuq oħra


Il-Punt - Dr Andrew Azzopardi
Il-persuni b’diżabbiltà ‘tfal eterni’?


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

 


Download the front page of ILLUM in PDF format

Email:
illum@mediatoday.com.mt



Illum Search



Man alleges brutal police beating before dying


Ara l-Video fejn Nicholas Azzopardi jlissen l-aħħar kliem tiegħu


Features
Iddawnlowdja l-features f'PDF



Avvi Klassifikati b'xejn




 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan