Aħbarijiet | 08 ta’ Frar 2009 Nr 119
Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt
Studenti Universitarji lmentaw ma’ din il-gazzetta li tul dawn l-aħħar xhur kienu qed jirċievu emails u materjal ta’ korrispondenza fuq l-email account tal-Università ta’ Malta.
Żewġ studenti li tkellmu magħna saħqu li “huma qatt ma taw awtorizzazzjoni lil xi ħadd biex l-email tagħhom jgħaddi għand terzi persuni. Wisq inqas aħna ma tajna permess lil David Casa biex juża dan l-email. Aħna l-email tal-Università nużawh biss għall-istudji tagħna.”
Mitlub jagħti r-reazzjoni tiegħu dwar jekk għandux policy dwar jekk database tgħaddix għand terzi persuni l-Kunsill Studenti Universitarji l-KSU sostna li “każijiet bħal dawn huma serji ħafna. Il-KSU għandu policy stretta ħafna f’dan ir-rigward. Id-data li l-istudent jgħaddi lill-KSU tista’ tkun waħda sensittiva u għalhekk nagħmlu minn kollox biex din id-data tibqa’ bla mittiefsa. Tant hu hekk li fl-aħħar xhur, qabel ma bdiet din is-sena skolastika, il-KSU investa f’upgrades qawwija għas-sigurtà ta’ din it-tip ta’ data. Barra minn hekk, għandna sistemi li jħarsu l-integrità tas-sistema li nużaw fil-preżent, jiġifieri ta’ min wieħed iserraħ l-imħuħ li data daqstant sensittiva tiġi mħarsa bl-aqwa mod possibli mill-KSU.”
Mistoqsi jekk hix aċċettabbli li emails tal-Università jgħaddu għand terzi persuni biex imexxu l-kampanja politika tagħhom, il-KSU wieġeb li “sakemm m’hemmx il-permess tal-persuni konċernati, u sakemm l-istudenti ma tawx il-permess tagħhom biex dawn l-emails jiġu mgħoddija lil terzi, fl-ebda mument m’hu aċċettabbli li l-emails, mogħtija mill-Università lill-istudenti, jiġu mgħoddija lill-terzi għall-benefiċċji personali, indipendentement mir-raġuni għala qegħdin jintużaw dawn l-indirizzi.”
Din il-gazzetta staqsiet lill-Kunsill Studenti Universitarji jekk hux lest li jitlob li ssir investigazzjoni dwar dan il-każ partikolari.
“Il-KSU jista’ jitlob din it-tip ta’ investigazzjoni biss jekk jaslulna ilmenti uffiċjali mingħand l-istudenti, u f’każ biss li dawn l-istudenti jagħtuna permess biex immexxu fuq il-kwistjoni,” kienet it-tweġiba.
“Jekk jaslulna dawn it-tip ta’ lmenti, u jkollna permess biex ninvestigawhom, inkunu lesti li nwettqu din it-tip ta’ investigazzjoni fl-interess ta’ l-istudent,” sostna l-KSU.
Dwar il-każ ġdid ta’ propaganda mibgħuta minn David Casa, ILLUM talbet lill-Ewro Parlamentari Nazzjonalista nnifsu biex jgħidilna minn fejn ġab id-database tal-istudenti universitarji.
Sakemm dħalna għall-istampar tal-gazzetta Casa baqa’ ma weġibx.
Sa llum il-Kunsill Studenti Universitarji kien irċieva lment wieħed biss ta’ din ix-xorta fejn il-persuna xtaqet biss tinnotifika lill-KSU li “figura politika” qed tibgħat emails ta’ propaganda.
Din il-persuna ma tatx dettalji dwar din il-figura politika u għaldaqstant il-KSU qatt ma seta’ jinvestiga. |
|
Intervista

Franica Pulis tintervista lil Karistu Abela
Editorijal


Wenzu Mintoff
Toni Abela

Carmelo Mifsud Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef
Il-Punt - Dr Andrew Azzopardi
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format
Email:
illum@mediatoday.com.mt

Ara l-Video fejn Nicholas Azzopardi jlissen l-aħħar kliem tiegħu

Features
Iddawnlowdja l-features f'PDF




|