MediaToday

Aħbarijiet | 08 ta’ Frar 2009 Nr 119

Kunsilli investigati

Julia Farrugia

Matul dawn l-aħħar sentejn id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali rċieva 53 talba biex kunsilli lokali differenti jkunu nvestigati. B’dawn l-allegazzjonijiet intlaqtu 27 kunsill. L-akkużi jvarjaw minn flus li nħarġu mhux kif suppost, kuntratti li ngħataw mingħajr sejħa għall-offerti, u akkużi ta’ neputiżmu fil-mod kif ġew impjegati persuni mal-kunsilli.
Kien hemm saħansitra akkuża fejn sindku ordna kwantità ta’ ġebel tal-kantun li ngħata lill-persuna fl-għalqa privata tagħha. Skont l-akkuża “din il-persuna hi l-istess waħda li kultant tagħmel xogħol ta’ tiswija fil-vettura tas-sindku.”
Kull każ kien investigat u numru ta’ każijiet spiċċaw ukoll il-Qorti. It-tliet kunsilli li kellhom l-akbar ammont ta’ akkużi kontra tagħhom kienu ż-Żebbuġ f’Għawdex, l-Isla u l-Mosta.
Fost l-akkużi hemm uħud ikkuluriti fosthom li Segretarju Eżekuttiv partikolari f’Għawdex tant m’għandu xejn x’jagħmel li waqt il-ħin tax-xogħol joqgħod iniżżel xogħol minn fuq l-internet għat-tfal tiegħu u ‘jisparixxi’ stationery biex jeħodhom miegħu d-dar.

L-akkużi li rċevew kontrihom il-kunsilli lokali tul dawn l-aħħar sentejn kienu mħawrin sew tant li d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali kellu jseffaq wiċċu ma’ allegazzjonijiet li jvarjaw minn impjiegi li ngħataw lill-qraba tas-sindki, xogħlijiet li jingħataw minn direct orders u oħrajn.
Għal mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali kkonferma li l-aktar kunsill lokali li nqatgħu każijiet kontrih hu ż-Żebbuġ f’Għawdex: minn sitt allegazzjonijiet sitta kkonfermati.
L-ewwel akkuża li saret f’Jannar tal-2007 kienet li s-sindku ta direct order ta’ ’l fuq minn Lm1,600 għal xogħol li sar fi Triq Għajn Mħellel bl-iskuża li hemm periklu mingħajr ma ġie ppreżentat ċertifikat mingħand perit li juri dan il-periklu.
It-tieni akkuża kienet li għal Jum iż-Żebbuġ is-sindku ordna souvenirs tal-irħam tat-tip ‘Onice’ li l-valur tagħhom kien ta’ Lm132.75. Dan sar mingħajr l-approvazzjoni tal-kunsill.
L-istess sindku reġa’ għamel ħoss b’akkuża oħra. “Is-sindku ordna kwantità ta’ ġebel tal-kantun li ngħata lill-persuna fl-għalqa privata tagħha b’valur ta’ Lm147.50. Din il-persuna hi l-istess waħda li kultant tagħmel xogħol ta’ tiswija fil-vettura tas-sindku.”
Akkuża oħra kienet li sar ħlas ta’ Lm2,361.76 għal xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ bankina fi Triq il-Port f’Marsalforn mingħajr approvazzjoni tal-kunsill u mingħajr works order.
Id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali kkonferma li “l-istess sindku ta xogħol mingħajr ma ġabar tliet kwotazzjonijiet. Il-kont ta’ Lm482.03 mhux iffirmat wasal wara sena għand il-Kunsill. Is-Sindku ddikjara kunflitt ta’ nteress.”
Dwar dawn il-każijiet kollha s-sindku nstab li mexa b’irregolarità u “intbagħtitlu ittra formali biex ma jagħtix aktar direct orders.”
Il-lista ta’ akkużi għal dan il-kunsill tkompli. Kien allegat li kuntrattur partikolari ngħata ħlas ta’ Lm22,101.75 ta’ xogħol ta’ pavimentar f’Marsalforn. F’dan il-kont hemm inkluż, iżda mhux indikat, ħlas ta’ konkos li ntefa’ fi Triq Wied l-Infern u f’għalqa privata fejn saret pjattaforma tal-konkos biex tittella’ kamra li meta bdiet tinbena x-xogħol twaqqaf mill-MEPA għax ma kellux il-permessi meħtieġa.
Kunsill ieħor Għawdxi li nstab li wettaq diversi rregolaritajiet kien dak ta’ Kerċem. Storja fl-ILLUM f’dawn l-aħħar ġimgħat kienet tefgħet dawl fuq dan il-każ fejn kien hemm irregolaritajiet biex ġie mpjegat Segretarju Eżekuttiv ġdid.
ll-każ inqata’ kontra l-kunsill hu l-proċess tal-ingaġġ twaqqaf u se jibqa’ wieqaf sakemm jinħarġu regolamenti ġodda dwar kif jibdew jinħatru s-Segretarji Eżekuttivi.
Fis-Sannat nstabet irregolarità wkoll u d-Dipartiment talab li l-kunsill jerġa’ jiġbor lura l-ħlas li ta lis-Segretarju Eżekuttiv għal suppost qualifications allowance meta fir-realtà din il-persuna m’għandhiex il-kwalifiċi msemmija.
Kunsill ieħor f’Għawdex sab ma’ wiċċu akkuża li s-Segretarju Eżekuttiv “filwaqt li m’għandu jagħmel xejn, il-ħin kollu għaddej jagħmel xogħol privat u tad-dar fuq il-kompjuter tal-kunsill, minbarra stationery li jieħu għad-dar u jniżżel xogħol minn fuq l-internet għat-tfal tiegħu. L-allegazzjoni anonima kienet tgħid li dan kollu qed isir waqt il-ħinijiet tax-xogħol.”
Id-Dipartiment talab biex is-Sindku jinvestiga l-każ imma skont id-Dipartiment “billi dawn l-affarijiet setgħu saru mhux fil-preżenza tas-Sindku kien diffiċli li jikkonferma li fil-fatt saru dawn l-irregolaritajiet.”
F’Malta l-allegazzjonijiet taw il-frott ukoll. Dak tal-Imtarfa kellu jxolji wara li nstab li l-kunsill “ma mexiex skont l-Att dwar il-Kunsilli Lokali.”
Il-Kunsill tal-Imdina nqabad ukoll f’irregolarità talli rama trampolin fi proprjetà tal-Gvern mingħajr il-permessi meħtieġa.
Imbagħad kien hemm akkużi ta’ xeħta differenti, fosthom dwar qraba ta’ Sindki li ngħataw xogħol mal-kunsill.
Każ tipiku kien dak ta’ Bormla. Skont id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali “f’Settembru li għadda ġie allegat li s-Sindku kiser artikolu 20 tal-att dwar il-kunsilli lokali fejn waqt laqgħa tal-kunsill ma ddikjarax relazzjoni familjari meta kienu qed jiddiskutu l-ħatra tas-Segretarju Eżekuttiv.”
L-investigazzjoni dwar dan il-każ għaddiet f’idejn il-Pulizija li pproċediet il-Qorti u l-kawża għadha pendenti.
Waħda minn żewġ akkużi li kellu l-Kunsill ta’ Santa Venera kien li żewġ skrivani li kienu jaħdmu l-kunsill qabel ma temmew l-impjieg tagħhom ħassru files proprjetà tal-kunsill mill-kompjuter tagħhom.
“L-investigazzjoni saret min-naħa tal-Pulizija. Iż-żewġ skrivani ġew imħarrka mill-Qorti bħala ‘aggravated computer misuse.’ Il-każ għadu sub judice,” saħaq id-Dipartiment.
Il-kunsill Laburista tal-Mosta rċieva żewġ tbeżbiżiet. Waħda għax individwu tqabbad jagħmel xogħol amministrattiv meta d-Dipartiment kien diġà ħatar persuna biex tagħmel dan ix-xogħol u l-oħra għax meta nfetħet tender għall-bini tal-latrini għal persuni b’diżabbiltà kien hemm preżenti tliet persuni li m’għandhom l-ebda kariga uffiċjali fil-kunsill. Dwar dan id-Dipartiment ordna li t-tender terġa’ toħroġ mill-ġdid.
Każ ieħor li spiċċa fl-aħbarijiet kien dak tal-kunsill ta’ San Pawl il-Baħar immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista fejn kien allegat li s-Segretarju Eżekuttiv sabet xi ċekkijiet fl-iskrivanija tal-iskrivana. Wara nvestigazzjoni nterna fuq parir tad-Dipartiment daħlet fil-każ il-Pulizija. Inħarġet akkuża fil-konfront tal-persuna għal misapproprjazzjoni ta’ flus.
Il-kunsill ta’ San Ġwann ukoll kellu jirrimedja u ntalab jerġa’ jirkupra flus li ngħataw lill-viċi sindku hekk kif instab li l-ħlas kien diġà sar lill-avukat tal-istess viċi sindku.
Kunsill b’maġġoranza Nazzjonalista f’Ħ’Attard kien akkużat li baqgħu jinħarġu pagamenti fuq kuntratti skaduti mingħajr ma nħarġet sejħa għall-offerti. Id-Dipartiment qatagħha li l-kuntratti veru kienu skadew u ta struzzjonijiet biex tinħareġ sejħa ġdida għall-offerti.
Il-Kunsill Laburista f’Marsaskala kellu sitt allegazzjonijiet. F’żewġ każijiet instabu punti li dwarhom kellhom jinfetħu investigazzjonijiet. Wieħed qed ikun investigat mid-Dipartiment tal-VAT wara li l-kunsill ma ħariġx irċevuti tal-VAT għal reklami fil-magazine tal-kunsill. It-tieni investigazzjoni li għadha għaddejja s’issa hi dwar is-servizzi tal-kompjuters li qed jiġu regalati mill-kunsill mingħajr ma tinħareġ sejħa għall-offerti.

 

 

Intervista
Il-lingwa: il-bażi tal-identità ta’ kull Malti

Franica Pulis tintervista lil Karistu Abela




Wenzu Mintoff
Bużullotti


Toni Abela
Iċ-ċensura f’Malta għad hawn bżonnha?



Carmelo Mifsud Bonnici
Il-kultura tal-vjolenza



Joe Ellis
Għajnuna fejn trendi l-iżjed



Emmanuel Micallef
Sfida fuq oħra


Il-Punt - Dr Andrew Azzopardi
Il-persuni b’diżabbiltà ‘tfal eterni’?


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

 


Download the front page of ILLUM in PDF format

Email:
illum@mediatoday.com.mt



Illum Search



Man alleges brutal police beating before dying


Ara l-Video fejn Nicholas Azzopardi jlissen l-aħħar kliem tiegħu


Features
Iddawnlowdja l-features f'PDF



Avvi Klassifikati b'xejn




 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan