MediaToday

Wenzu Mintoff | 08 ta’ Frar 2009 Nr 119

Bużullotti

Għandek tgħid fil-ħamsijiet u fis-sittinijiet, meta l-politika kienet tinħass aktar ġenwina u awtentika u tbaqbaq b’ċerti ideali u prinċipji, kienu popolari ħafna l-illużjonisti, il-magicians, dawk li bil-Malti ngħidulhom bużullottisti.
Illum il-ġurnata meta l-politika hi dik li hi, ġirja għall-poter u ftit li xejn iktar, sparixxew il-bużullottisti tal-karti tal-logħob u tal-fniek bojod fit-tomna u hija proprju l-politika li saret tfawwar bl-illużjonijiet u l-bużullotti. M’għandniex xi ngħidu, fiz-zminijiet tal-lum it-teknoloġija ħadet is-sopravvent fuq kollox, bir-realtajiet virtwali li kapaċi toħloq fejn it-taparsi jsir ta’ veru f’dinja fejn it-ta’ veru sar taparsi.
Dawk il-ftit li għadhom jhedew bl-illużjonijiet ottiċi tal-maġija, ftit li xejn tħallilhom spazju u għandhom inċentiv biex jibqgħu sal-ġurnata mqaddsa tal-lum isaħħru u jisirqu l-immaginazzjoni tan-nies b’mossi zvelti tal-idejn u logħob ieħor ta’ prestiġju.
Imma fid-dinja zgħira tal-politika Maltija, il-bużullotti, l-illużjonijiet u maniġġi oħra li jilagħbu fuq l-impressjonijiet tan-nies, mhux talli majnaw, anzi kull ma jmur qed isiru l-ordni tal-ġurnata.
Mela madwar xahar ilu n-Nazzjonalisti ħolqu l-illużjoni li kienu qed ikunu ġenerużi mal-partit fl-Oppożizzjoni bil-ħatra ta’ George Abela bħala President, li kienu qed iċedu parti mill-poter u li b’din il-mossa sublimi kienu qed ifittxu l-għaqda nazzjonali.
Imma r-realtà ta’ veru u mhux dik virtwali, tmur ferm ’il bogħod minn hekk.
Il-ħsieb perfidu tan-Nazzjonalisti wara l-ħatra ta’ George Abela kien altru milli jxettlu l-għaqda fil-pajjiż, imma li jiżirgħu u jxenxlu l-firda fi ħdan il-Partit Laburista.
L-illużjonijiet tal-buzullottisti politiċi ta’ dan il-pajjiż jagħtuk x’tifhem mod meta r-realtà ħafna drabi tkun il-maqlub ta’ dak li jippruvaw igegħluk tifhem.
Il-bużullotti politiċi f’dan il-pajjiż ma jonqsux minn ġimgħa għal ġimgħa. Il-11-il union li ddeċidew li jinsew dawk li jifridhom u fittxew dak li jgħaqqadhom, qed isibu ħafna ħitan imkaħħla ma’ wiċċhom u lil min jipprova jgħaddihom minn għajn il-labra.
L-ewwel sabu lill-Prim Ministru Gonzi jaħsel idejh minnhom. Dan irrifjuta li mqar jiltaqa’ magħhom u qagħad jibgħathom mingħand Qajfas għal għand Pilatu. Sakemm fl-aħħar iltaqgħu mar-Regolatur inkarigat mis-settur tal-enerġija fejn kellhom jagħmlu l-ilment tagħhom dwar ir-rati l-ġodda tad-dawl u l-ilma meta dan ir-Regolatur bl-ebda mod ma kien involut fit-tfassil ta’ dawn tat-tariffi l-ġodda. Jidher li dan ir-Regolatur, ta’ civil servant li hu, spiċċa nqabad bejn il-basla u qoxritha, jew fehem ħażin l-istruzzjonijiet li tah il-Gvern, inkella l-Gvern sab ruħu komdu jinqeda bir-Regolatur bħala paraventu u x’ħin fettillu beżaqlu fis-sunnara meta għall-ewwel intqal li r-reviżjoni tar-rati ħa tkun b’effett mill-1 ta’ Ottubru u f’kemm ili ngħidlek beda jintqal li ma kien hemm xejn minn dan kollu. Ħawwadni ħa nifhmek!
Povru Ċikku l-Poplu li jipprova jifhem u ma jista’ jifehem xejn f’din il-geġwiġija ta’ kontijiet, rati, stimi, ċifri dwar qligħ jew telf mill-hedging u miljuni ta’ ewro telf reġistrat mill-EneMalta.
Bużullotta oħra li rajt għaddejja minn quddiem għajnejja din il-gimgħa kienet dik li seħħet fil-Parlament it-Tnejn li għaddew. Kienet seduta taħraq għax kellha tiġi diskussa mozzjoni ta’ proċedura li tbiddel ir-regolamenti tal-Kamra biex il-Parlament jibda jiltaqa’ nhar ta’ Erbgħa filgħodu flok filgħaxija. Bl-inkonvenjent li dan jista’ joħloq f’Parlament ta’ part-timers li jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum minn x’imkien ieħor.
Issa jekk pereżempju nhar ta’ Erbgħa filgħodu Mr. Speaker Louis Galea s-soltu jkun l-għalqa l-Fawwara jaħrat il-patata u jsaqqi l-ħass u l-kaboċċi, mnejn safejn jiġi msejjaħ minn sbieħ Alla fil-Parlament? Bħal dak li qallu ma kienx biżżejjed li daħallu għan-nofs George Abela u mblukkalu t-triq għal San Anton.
Ċajt apparti, flok jara kif jilħaq modus vivendi xieraq mal-partit tal-Oppożizzjoni biex ir-regoli tal-logħba jkun fihom iktar sens ta’ fair play u jinqata’ kemm jista’ jkun l-abbuż ta’ poter u l-barumbati tan-Nazzjonalisti lejlet l-elezzjoni li qed jiffalzaw is-sistema demokratika ta’ pajjiżna, il-Gvern ta’ Gonzi qed jistina rasu, jgħaffeġ kemm jiflaħ u jġib lil minn jgħaffeġ.
Il-qofol ta’ din il-bużullotta ntlaħaq meta Anġlu Farrugia, Deputat Kap tal-Oppożizzjoni Laburista, talab li jingħata ‘ruling’ tas-Sedja meta sostna li l-mozzjoni ta’ proċedura kienet tikser il-Kostituzzjoni. Għal xi raġuni Mr. Speaker Louis Galea kien indispost, forsi għax weħel f’xi skoll jew f’xi gandott hu u ġej mill-għalqa, u kellu jkun id-Deputat Speaker Carmelo Abela, Deputat Laburista li jiċħad it-talba tal-Oppożizzjoni Laburista.
Fin-nofs jista’ jkun hemm sinifeteti u finezzi legali li jekk jinftehmu hu mill-ftit. Mentri l-kotra jew tiġi taqa’ tqum minn dan kollu, inkella jekk tipprova tifhem, tispiċċa titħawwad u ġġib lil minn iħawwad.
B’ċertu xebħ ma’ dan kollu, imma fuq skala iżgħar, kienet bużullotta li rajtha sseħħ f’wieħed mill-bullettini tal-aħbarijiet tal-PBS il-ġimgħa li għaddiet f’servizz li kellu x’jaqsam ma’ xogħlijiet ta’ tiswija fuq it-toroq sfrakassati ta’ Malta bil-kedda li jkunu ħadu wara bexxa sew ta’ xita.
Tal-Ministeru ta’ Agostino Pio Gatt, biex ifendi dwar il-kawża impossibbli tal-istat tal-biki li jinsabu fih it-toroq ta’ Malta, ma bagħtux lil xi wieħed mill-kapurjuni tal-ADT bħas-Sur Fenech Conti, wieħed miċ-ċenturjuni tal-istess Ministru li hekk kif Gatt biddel id-dikasteru wara l-elezzjoni, mill-PBS ħadu miegħu l-ADT daqs kemm hu viċin tiegħu.
Biex taparsi jserrħulna rasna li kien se jibda t-traqqigħ tal-pannu bil-qargħa aħmar, il-famuż patching li tajjeb biss biex jgħatti d-dnubiet, minn tant kapurjuni Nazzjonalisti jfettħu sidirhom għal kull ħaġa ta’ xejn, tal-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS ġabu kumment ta’ xi ħadd li minbarra li hu perit tal-ADT, kumbinazzjoni huwa wkoll kandidat Laburista!
Imma għandek tgħid, l-aqwa bużullotti li rajna jseħħu fi snin imgħoddija b’xi mod jew ieħor għandhom x’jaqsmu ma’ ċerta merkanzija li tiġi minn barra l-pajjiż. Fi żmien kien hawn wieħed pulikarja li nqabad b’container mimli whisky li ddaħħal Malta bil-kuntrabandu. Imma dan kellu l-wiċċ joħroġ jgħid li mingħalih fil-container kien hemm fliexken tal-ilma u mhux tal-whisky.
Ma nafx min seta’ jkun dak il-baħbuħ beċċun negozjant barrani li tordnalu container ilma u minflok ilma jibgħatlek kontainer mimli whisky?! Intant, filwaqt li dan il-famuż każ tal-‘miraklu’ ta’ Kana bil-maqlub, 20 sena wara li seħħ għadu mhux maqtugħ u deċiż mill-qorti, dan l-istess pulikarja issa qed jiġi akkużat li assoċja ruħu ma’ oħrajn biex jimporta 30 kilogramma ħaxixa u għal xi raġuni misterjuża, minflok ħaxixa daħħal Malta inkiss inkiss kaxxi mimlijin bis-sapun.
Dan ifakkarni f’każ ieħor ċelebri ta’ pulikarja ieħor li ried ibellagħha lil ġurati li filwaqt li hu ħaseb li kien qed iġorr l-eżmeraldi fil-bagalja hu u ġej mill-Brażil, fil-fatt din kienet imballata bid-droga eroina.
Kien xehed favur tiegħu u għamillu referenza ta’ karattru tajjeb ex-prim imħallef li sussegwentement kellu jirriżenja fuq akkużi ta’ korruzzjoni u l-hekk imsejjaħ dealer tal-eżmeraldi kemm-il darba reġa’ nqabad jinnegozja d-droga.

 

Intervista
Il-lingwa: il-bażi tal-identità ta’ kull Malti

Franica Pulis tintervista lil Karistu Abela




Wenzu Mintoff
Bużullotti


Toni Abela
Iċ-ċensura f’Malta għad hawn bżonnha?



Carmelo Mifsud Bonnici
Il-kultura tal-vjolenza



Joe Ellis
Għajnuna fejn trendi l-iżjed



Emmanuel Micallef
Sfida fuq oħra


Il-Punt - Dr Andrew Azzopardi
Il-persuni b’diżabbiltà ‘tfal eterni’?


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

 


Download the front page of ILLUM in PDF format

Email:
illum@mediatoday.com.mt



Illum Search



Man alleges brutal police beating before dying


Ara l-Video fejn Nicholas Azzopardi jlissen l-aħħar kliem tiegħu


Features
Iddawnlowdja l-features f'PDF



Avvi Klassifikati b'xejn




 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan