Intervista | 08 ta’ Frar 2009 Nr 119
Franica Pulis tintervista lil Karistu Abela
L-aħħar xogħol ta’ Karistu Abela, ‘Il-Vokabularju - Konjugat tal-Lingwa Maltija – damma ta’ kliem miktub u mitkellem’ faċilment jista’ jitqies bħala ġennata. Iżda jista’ jitqies ukoll bħala patrijottiżmu ta’ bniedem li tant iħobb il-lingwa li ddeċieda li jgħinha fl-iżvilupp tagħha billi jimla vojt li ilu jinħass ħafna minn min jaħdem fil-Malti jew jistudjah. F’l-orizzont hu fisser is-sodisfazzjon tiegħu bħala “mara li damet tqila għal 20 sena sħaħ u fl-aħħar welldet!”
Abela għamel ħafna xorti f’ħajtu. Miss ma’ bosta xogħlijiet fosthom fit-Tarzna u għalliem kif ukoll ggradwa fil-filosofija, fl-ekonomija u l-politika u fil-fontografija. Wara xi żmien jaħdem ma’ gazzetti ddeċieda li jibda jaħdem għal rasu. B’hekk seta’ jiżviluppa dan il-proġett li ħadlu 85 volum ta’ 1,000 paġna-il wieħed. Hu ġabra ta’ kull kelma Maltija bil-verbi kkonjugati fil-forom kollha, aġġettivi, nomi u avverbji.
Meta niltaqa’ ma’ Abela r-Rabat fjn joqgħod jibda jirrakkonta dwar l-imħabba tiegħu għall-ilsien Malti minkejja li mhuwiex speċjalizzat fih.
“Mindu kont żgħir dak kollu li kien Malti kien jiġbidni lejh. Nemmen li jekk xi ħadd, hu min hu, ma jinteressahx dak li jagħmlu, għalija jitlef nofs l-identità tiegħu. Il-bażi tal-identità ta’ kull Malti hi l-lingwa. Hi l-unika ħaġa li tgħaqqadna bħala poplu wieħed.”
Jispjega li jqis dan ix-xogħol bħala ‘analiżi filosofika’ li twassal għall-verità.
“Ir-riċerka ta’ dan ix-xogħol hi analiżi filosofika fiha nnifisha għax int tipprova toħroġ il-verità ta’ kull kelma. X’inhi l-verità ta’ kull kelma? Mhux dak li jitnissel minnha bid-definizzjonijiet tagħha marbutin ma’ xulxin? Għalhekk iwasslek biex tħares lejn il-lingwa mhux biss bħala mod li tikkomunika bih imma pass li jmur lil hinn minn hekk.
“Meta bdejtu l-Vokabularju ma bdejtx ktieb, imma riċerka b’interess. Interessani li nkun naf. Il-ħsieb li nippubblika l-materjal ġie ħafna wara. Il-ħsieb ġie meta rajt dak il-materjal kollu u għidt: “Dan se nħallih hemm meta ħaddieħor jista’ jkollu bżonnu wkoll?”
Jaħseb li kull min jikteb il-Malti għandu bżonnu dan il-materjal fosthom l-għalliema, il-ġurnalisti, it-tradutturi u l-istudenti. Mhuwiex jimmira li jixtrih kulħadd iżda jistenna li kull kunsill lokali u librerija jkollhom il-volumi għax hu ta’ servizz għal-lokalità u l-iskejjel.
“Meta kont żgħir kont niffrustra ruħi għax ma nistax insib kelma kif tinkiteb: problema li ma kinitx teżisti fl-Ingliż għax m’għandux dawk il-varjazzjonijiet kollha fil-konjugazzjoni tat-tnissil tal-kelma.
“L-iżgħar verb fil-Malti hu ‘ejja’. Kulma għandu hi varjajazzjoni waħda li hi ‘ejjew’. L-ikbar nom rumanz hu ‘ċentru’ li jitnisslu minnu madwar 6,000 kelma, fosthom ċentralizzazzjoni, eċċ.
“Issa l-problema hi li mhux kull verb jitnissel f’kull konjugazzjoni. Jekk ma tkunx taf li ‘ejja’ hu kmand u li m’għandux imperfett (huwa jagħmel), se tibqa’ taħseb x’inhu. Għan-nies mhux importanti li jkunu jafu x’inhu l-imperfett jew l-imperattiv. Imma għalliem faċilment jista’ jitlob lil student biex jagħtih il-verb fil-perfett. B’dan il-vokabularji dawn id-dubji jaqtgħuhom.”
Il-ktieb fih it-tnissil tal-kliem kollu li joħroġ minn kull forma, għerq jew zokk. Abela jaħseb li wisq probabbli l-Malti hu wieħed mill-iktar li fih kliem.
“Hu ikbar fis-sens ta’ tnissil minn kull għeruq jew zokk. Iżda hu limitat f’nomi, kunċetti u aġġettivi primarjament. Per eżempju fil-Malti m’għandekx il-kunċett ta’ differenza bejn ‘brain’ u ‘mind’.
“Naħseb waħda mill-akbar problemi hi li l-Università baqgħet tgħallem bl-Ingliż u l-Malti qisu ma jeżistix. Kieku għallmet bil-Malti ċerti kliem u kunċetti ilna li żviluppajniehom. Dan wassal għal-limitazzjoni fil-kunċetti, fin-nomi u fl-aġġettivi.
“Meta tiġi biex titkellem il-Malti fit-triq m’għandek l-ebda problema iżda meta jkollok bżonn tispjega kunċett filosofiku jew teknoloġiku ma tistax. Ara fit-termini tal-biedja ma tbatix għax l-ilsien żviluppawh il-bdiewa.”
Fl-2001 kien nieda spellchecker Malti għall-kompjuters, Awrora, iżda ma rnexxiex minħabba li ħafna ppretendew il-programm b’xejn. Il-vokabularju hu estensjoni tal-ispellchecker?
“Huma żewġ affarijiet differenti minn xulxin. Spellchecker rajt kelma hix miktuba b’mod tajjeb jew le. Imma meta għandek kliem bħal ‘għamel’ u ‘agħmel’, it-tnejn huma tajbin iżda ma jfissrux l-istess u faċilment tista’ taqlibhom. L-ispellchecker mhux se jaqbadhom dawn l-iżbalji.
“Grammar checker bil-Malti ma jeżistix u xorta għandu l-istess problema meta tiġi għal ċerti kliem. Per eżempju ‘għamel hekk’ u ‘agħmel hekk’.”
Jitkellem dwar min wera s’issa wera interess fix-xogħol voluminuż tiegħu, fosthom hemm il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Edukazzjoni.
“L-interess hemm qiegħed. Hemm studjużi u istituzzjonijiet interessati fil-lingwi Semitiċi. Il-Malti hu wieħed mill-eqdem ilsna Semitiċi li għadu mitkellem. Imbagħad hemm ċerti libreriji kbar li jħossu li jkollhom xi ħaġa nieqsa jekk ma jkollhomx dan ix-xogħol. Hemm ċans li dan jiġi dikkjarat bħala l-akbar xogħol b’mod uffiċjali.”
Min hu l-agħar għadu tal-ilsien Malti?
“L-ewwel għadu li hemm hu min għal ħeffa, kumdità jew qżież juża lingwa oħra minflok il-Malti. Jista’ jkun l-akbar għadu hu l-Malti stess. Kull min b’xi mod jew ieħor jagħmel ħsara hu l-akbar għadu. Kull forma ta’ ħsara fosthom anki meta ċerti ġenituri jiddeċiedu li ma jħallux lil uliedhom jitrabbew fil-Malti u jaqraw bih.
Isostni li l-ikbar responsabbiltà waqgħet fuq il-ġurnalisti minħabba li jridu jwasslu l-messaġġ bl-aktar mod mgħaġġel.
“Niftakar darba minnhom fuq l-aħħar paġna ta’ gazzetta kien hemm miktub ‘overtime’ miktuba b’ittri kbar. Għax mhux il-kelma ‘sahra’? Is-soltu kelma tinbidel għax hi iqsar jew iktar komda biex tużaha. Is-sabiħ tal-kelma hu li mill-kelma ‘sahra’ tista’ toħroġ il-kelma ‘jishar’. Kliem sabiħ li m’aħniex nużawh. It-Taljan bħalissa qed jiffaċċja dawn it-tip ta’ problemi wkoll.”
Jirrakkonta dwar dak li għoġbu l-aktar sakemm ġabar il-kliem kollu.
“Waqt li kont qed niġbor dan il-materjal minn naħat kollha ta’ Malta bdew jiġu fuqi nies jistaqsuni jekk għandix din il-kelma partikulari u ma kinux wieħed jew tnejn. Naturalment trid toqgħod attent li ma tkunx kelma ivvintati.”
Kien hemm ħafna kliem li qalulek bih u ma kienx imniżżel fil-listi tiegħek?
“Kienu waħdiet imma kien hemm numru, l-aktar nomi, li mbagħad fittixt l-oriġini tagħhom.”
Indawru l-intervista fuq il-politika. Abela ħareġ għall-Elezzjoni Ġenerali fl-1992 u ma telax. Minn dak iż-żmien ’l hawn ma reġax tħajjar u f’ l-orizzont qal li “jinsab konvint li qatt ma se jerġa’ jitħajjar”. Nistaqsih għaliex.
Jidħaq waħda u jaqleb għajnejh. Għall-ewwel ma jkunx se jwieġeb iżda mbagħad qal: “Kienet interessanti għax tgħallimt minnha. Ħajtek hi ktieb li tinkiteb il-ħin kollu. Kieku m’għamiltx ħafna mill-affarijiet li għamilt f’ħajti kont inbati biex nasal għal dan ix-xogħol. Affarijiet bħall-ħidma fit-Tarzna, li mmur nagħżaq fl-għalqa meta jkolli ċans, li nħobb insajjar u niekol. Mit-Tarzna kienu jiġu nies minn kull naħa ta’ Malta l-ħin kollu jagħtuk tagħrif li sibtu lest.
“Bħala politika nippreferi li naħseb fi proġett jew proposta u ngħaddiha lil min naħseb li jista’ jwettaqha. Jekk dak li jkun tinteressah, iwettaqaha, jekk le, taqa’.
“Fid-disgħinijiet kont nagħmel parti mill-Moviment Referendarju Malti biex tgħaddi l-liġi favur ir-referendum f’Malta u ħadt sehem f’xi gruppi ta’ pressjoni oħra. Minn hemm ’il quddiem ħriġt għal kollox mill-kamp politiku, fil-veru sens tal-kelma,” temm jgħid ir-Rabti.
Żur www.vokmal.info. |
|
Intervista

Franica Pulis tintervista lil Karistu Abela
Editorijal


Wenzu Mintoff
Toni Abela

Carmelo Mifsud Bonnici

Joe Ellis

Emmanuel Micallef
Il-Punt - Dr Andrew Azzopardi
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format
Email:
illum@mediatoday.com.mt

Ara l-Video fejn Nicholas Azzopardi jlissen l-aħħar kliem tiegħu

Features
Iddawnlowdja l-features f'PDF




|